Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozzi uffiċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża għal manutenzjoni/repairs tal-karozza uffiċjali tagħha u tas-second car tagħha matul is-sena 2006?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li matul l-2006 l-ispiża għall-manutenzjoni/tiswijiet tal-karozza uffiċjali tiegħi kienet Lm723.27. Rigward is-second car, din hi mikrija u l-ammont tal-kirja jinkludi wkoll l-imsemmija spejjeż.

Taxxi/tariffi/miżati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Taxxi/Tariffi/miżati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni dwar id-dekasteru tiegħi hija s-segwenti:- Ninsab infurmat mir-Reġistru Pubbliku li fis-Sezzjoni taż-Żwiġijiet, permezz ta' LN 161 ta' l-2006 kienu riveduti t-tariffi taż-żwiġijiet b'forma ċivili fejn iż-żewġ għarajjes ikunu residenti barra minn Malta. Għaldaqstant peress li jkunu meħtieġa proċeduri ulterjuri ta' verifika, b'seħħ minn Lulju 2006 qed jitħallas dritt addizzjonali ieħor ta' għaxar liri, jiġifieri; Jekk il-koppja jgħixu barra minn Malta u ċ-ċerimonja taż-Żwieġ issir fir-Reġistru taż-Żwieġ, it-tariffa minn Lm20 ġiet riveduta għal Lm30 . Jekk il-koppja jgħixu barra minn Malta u ċ-ċerimonja taż-żwieġ issir f'post ieħor li mhux fir-Reġistru taż-Żwieġ, it-tariffa minn Lm30 ġiet riveduta għal Lm40 . _____________________________________ Ninsab infurmat li mill-1 ta' Diċembru 2006, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates beda joħroġ permessi uniformi ta' residenza (Uniform Residence Permits) lill-ċittadini minn pajjiżi terzi, bi ħlas ta' Lm10 kull permess (għal perijodu ta' sena jew anqas). Dan ix-xogħol qabel kien isir mit-Taqsima tal-Pulizija ta' l-Immigrazzjoni u l-ħlas imsemmi kien diġa' jinġabar minn din it-Taqsima. Kien hemm xi każijiet fejn persuni minn ċerti pajjiżi kienu jħallsu inqas minn Lm10. Mill-1 ta' Diċembru 2006 ġie deċiż li l-ħlas għandu jkun Lm10 għal kull ċittadin li ġej minn pajjiż terz.
Leg 10 PQ #23299 Sitting 492 2007-02-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Taxxi/Tariffi/Miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tieghi ma għolliex jew raħħas taxxi, tariffi jew miżati matul l-2006.
Leg 10 PQ #23300 Sitting 492 2007-02-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Taxxi/Tariffi/Miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-entitajiet li jaqgħu taħtu l-uniċi tariffi li ġew riveduti matul l-2006 kienu dawk ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, li peress li huma ta' natura kummerċjali ma jkunx prudenti li jiġu pubblikati.

Haż-Żabbar — Triq Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija ssir Triq Wied il-Għajn, Haż-Żabbar, il-parti li tinsab bejn Triq is-Santwarju u Triq il-Kunvent, meta din il-parti tat-triq xejn ma tinsab fi stat tajjeb bin-numru ta' karozzi li qed jgħaddu, aħseb u ara meta jiżdiedu l-karozzi minħabba l-irranġar tal-bypass il-ġdida, u dan b'konsegwenza li kollha se jkollhom jgħaddu minn din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija llum taqa' fil-kompetenza tal-Kunsill Lokali rispettiv. Madankollu, invista tal-proġett tal-bini mill-ġdid tal-bypass ta' Wied il-Għajn, id-Direttorat tat-Toroq se jkun qed jagħmel manutenzjoni fit-toroq kollha li qed ikunu identifikati bħala diversion routes.

San Pawl il-Baħar — Limbordin

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22918, qed jiġi studjat x'effett se tħalli l-mina ta' 500 metru li se jitħaffer taħt ix-xagħra tal-Għansar fuq l-ilma ġieri fl-inħawi li l-bdiewa tant għandhom bżonn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 23508.

Sptar Zammit Clapp — Impjegati

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23095, jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsistu "l-problemi interni ta' konflitt" li hemm referenza għalihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-problemi nterni kienu jqumu meta mpjegati li jaħdmu f'dipartimenti separati riedu jaħdmu l-istess shift.

Sptar Zammit Clapp — Ħaddiema fuq xogħol part-time

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23088, jista' l-Ministru jagħti l-istess tagħrif mitlub għas-snin 2003, 2004 u 2005?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fl-2003 kienet saret sejħa għal Part-time Nursing Aides, liema sejħa kienet miftuħa għall-ħaddiema kollha. Fl-2004 kienet saret sejħa għal Part-time Nursing Aides, liema sejħa kienet miftuħa għall-ħaddiema kollha. Fl-2005 ma saret l-ebda sejħa.

ADT — Mellieħa Ridge crossing project

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 22948, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-analisi tad-diversi alternattivi proposti għal kull proġett?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-analżi tad-diversi alternattivi proposti għal kull proġett ilhom ippubblikati fuq il-website ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport minn Frar 2005. Dawn id-dokumenti tqassmu wkoll fil-Kunsilli Lokali.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Każ dwar fond

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22952, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi u issa tlestewx il-proċeduri msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proċeduri biex il-fond imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jerġa jinkera issa tlestew. Fil-fatt dan ser joħroġ bis-sejħa għall-offerti sa nofs Frar.

Dyslexic Student

Question

Jista' l-Ministru jara li peress li l-istudenta, li isimha qed jintbagħat separatament, hija dyslexic u allura tkun fi żvantaġġ kbir għall-eżamijiet SEC tal-Malti u l-Ingliż fis-sezzjoni li jmiss, tista' tingħata l-għajnuna ta' reader u scribe għal dawn l-eżamijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fir-rigward ta' studenti li huma dyslexic il-Bord tal-MATSEC ma jippermettix qarrej fl-eżamijiet fil-livell ordinarju tas-SEC tal-Malti u ta' l-Ingliż għaliex il-qari huwa wieħed mill-ħiliet tal-kandidati li jkunu assessjati fl-eżamijiet tal-lingwa. Kittieb jingħata lil dawk il-kandidati li ma jistgħux jiktbu minħabba xi diżabilita' fiżika. L-istudenta konċernata m'għandiex din it-tip ta' diżabilita'. Jekk l-eżaminaturi ma jkunux jistgħu jagħrfu xi kliem li kitbet l-istudenta minħabba d-dyslexia, l-istudenta tista' tissejjaħ biex taqra l-kitba tagħha.

Tqassim ta' ikel lill-pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ikla jingħata kull pazjent kull jum u kemm tiswa lill-gvern għar-residenti ta':- a) SVPR, b) St. Luke's, c) Mount Carmel u d) homes oħra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

OPM — Bordijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ġustizzja u Intern — Bordijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Membri ta' l-UE — Impjieg f'pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex persuna membru ta' l-EU taħdem f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proċedura sabiex persuna ta' l-Unjoni Ewropea tibda taħdem f'Malta bħala mpjegata hija hekk : - Issib min iħaddimha - Tiġbor l-applikazzjoni meħtieġa mill-Job Centres tal-Korporazzjoni jew mill-Website tal-Korporazzjoni - Tipprovdi l-formoli fl-Uffiċju tal-permessi tax-Xogħol - ETC Ħal Far flimkien mal-kopja tal-passaport u curriculum vitae - Tħallas Lm25 għal kull permess - Tiġbor il-permess mill-Uffiċini tal-Korporazzjoni - Ħal Far - L-Imgħallem irid jinforma lill-ETC permezz tal-formola tal-Bidu tal-Impjieg fl-ewwel ġurnata li jibda l-impjieg. Informat ukoll li dawn ma japplikawx għall-ċitadini mir-Rumanija jew Bulgarija ligħalkemm issa jaghmlu parti mill-Unjoni Ewropea huma mitluba xorta li jipprovdu dokumenti oħra daqs ċittadini barra l-Unjoni.