Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #23721 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Incentivi għall-industrija

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23396 dwar inċentivi għall-industrija f'Għawdex, tista' l-Ministru tagħtini t-tagħrif mitlub?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari numru 23396, nirrereri lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija 22351 li tagħti l-informazzjoni mitluba. Dwar it-tieni parti jiena nfurmata li hemm sbatax il-talba pendenti għall-approvazzjoni tal-Malta Enterprise u li għadhom ma ġewx approvati minħabba li ikun qiegħed isir il-proċess ta' verifika li ħafna drabi jirrikjedi li jintalbu aktar kjarifiki mingħand l-applikanti.
Leg 10 PQ #23722 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Biċċerija

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta kien konkluż il-proċess ta' evalwazzjoni ta' l-aħħar offerta li kienet ħarġet għad-disinjar, provvista, istallazzjoni u kkummissjonar ta' tagħmir għas-slaughtering line tal-biċċerija f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-proċess ta' evalwazzjoni tal-offerta għad-disinjar, provvista, istallazzjoni u kkummissjonar ta' tagħmir għas-slaughtering line tal-biċċerija f'Għawdex ġie konkluż fil-25 ta' Mejju 2006 u li sussegwentament sar appell lill-Kumitat tal-Kuntratti u ġie deċiż li l-offerti kellhom joħorġu mill-ġdid.
Leg 10 PQ #23723 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Trattament tad-drenaġġ

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22758 dwar il-proġett għat-trattament tad-drenaġġ, tista' l-Ministru tgħid x'kienu r-raġunijiet għad-dewmien għat-tlestija ta' dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta issa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li d-dewmien kien kaġunat minn: a. proċeduri ligali minħabba reżistenza kontra l-kortruzzjoni tal-impjant; b. tibdil fir-regolamenti tal-Kummissjoni Ewropea li wassal biex jiġi revedut id-dokument tat-tender meta dan kien diġa finalizzat; c. dewmien fl-għoti tal-permessi; d. perjodu ta' maltemp li tellef l-andament tax-xogħol fil-bidu tax-xogħolijiet. Jiena nfurmata wkoll li l-impjant huwa mistenni jitlesta f'Awissu 2007.

Persuni jaħdmu bi qligħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni jaħdmu bi qligħ sal-31 ta' Diċembru 2006? Kemm kien in-numru ta' persuni li jaħdmu f'dipartimenti tal-gvern fil-31 ta' Diċembru 2006? Kemm hemm persuni li għandhom impjieg part-time? Kemm minn dawn il-persuni l-uniku dħul tagħhom huwa minn part-time? Kemm kien in-numru ta' persuni jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti u t-tieni parti separatament? Kemm minn dawn huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għajnuna soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni jirċievu l-għajnuna soċjali sa l-aħħar ta' Diċembru 2006? Kemm kien hemm persuni li resqu quddiem il-bord ta' l-invalidita' fl-2005 u fl-2006 separatament? F'kull każ, kemm minn dawn il-persuni ma kkwalifikawx għall-pensjoni? Kemm kien hemm persuni jirċievu l-pensjoni ta' l-anzjani (OAP) sa l-aħħar ta' Diċembru 2006? Kemm kien hemm familji jirċievu l-allowance tat-tfal f'Diċembru 2005 u f'Diċembru 2006?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u twegiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Bank Ċentrali — Family friendly measures

Question

B'riferenza għall-miżura li ntroduċa l-gvern fl-aħħar budget sabiex family friendly measures jiddaħlu fis-settur pubbliku, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-bank ċentrali huwiex ikkonsidrat parti mis-settur pubbliku? Jekk fl-affermattiv, allura għalfejn il-miżuri ma ġewx introdotti fil-bank ċentrali minkejja l-insistenza tal-house union?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bank Ċentrali ta’ Malta ma jaqgħax taħt ir-responsabbilità diretta ta’ xi ministeru. Meta tqassmu r-responsabbilitajiet ministerjali f’Marzu ta’ l-2004, il-Ministeru tal-Finanzi ngħata r-responsabbilità għar-relazzjonijiet mal-Bank Ċentrali, b’rispett għall-prinċipju ta’ l-indipendenza tal-Bank Ċentrali. Minkejja dan, fl-interess tat-trasparenza, saret laqgħa mal-Bank li fiha dan is-suġġett ġie diskuss. Jirriżulta li l-Bank diġà għandu numru kbir ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li jistgħu jitqiesu bħala family friendly. Jirriżulta wkoll li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ l-impjegati tal-Bank Ċentrali jiġu stabbiliti minn żmien għal żmien permezz ta’ ftehim kollettiv ma’ tlett unions li jirrapreżentaw dawn l-impjegati. F’dan il-kuntest huwa mifhum li l-Bank għandu l-intenzjoni li jkompli jindirizza dan is-suġġett tal-family friendly measures, b’mod li ma tiġix mxejna l-effiċjenza operazzjonali tiegħu, waqt in-negozjati tal-ftehim kollettiv.

Mosta — Triq Rużinjol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq ir-Rużinjol, il-Mosta hux se tingħata t-tarmac kollha kemm hi jew parti minnha? Jekk se ssir parti minnha biss, jista' jgħid għaliex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għadha mhiex kollha żviluppata iżda xorta waħda, il-parti tat-triq li hija żviluppata kif ukoll l-aċċessi għal din it-triq se jiġu asfaltati.

Pulizija — Rapporti ta' serq minn djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fl-2006 kemm sar serq minn djar? Kemm minn dawn is-serqiet jirriżulta li l-vittmi kienu pazjenti ġewwa l-isptar San Luqa fil-mument li tkun saret is-serqa? F'liema swali kienu l-pazjenti misruqa u kemm kienu l-kwantita' ta' vittmi ta' serq f'kull sala ta' l-isptar?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibijet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 17124, 18971, 18973, 18975, 19492, 20089, 20644, 20646, 22412, 22415, 23463 u 23465. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif mitlub.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Serafin Tanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq Serafin Tanti f'Ħaż-Żebbuġ (Malta) baqgħet ma saritx meta t-toroq ta' madwarha saru? Jista' jgħid jekk hix responsabbilta' tal-gvern jew tal-kunsill lokali li din tingħata t-tarmac u jekk it-toroq tal-madwar sarux mill-fondi tal-gvern jew tal-kunsill lokali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li sar site inspection fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u rriżulta li din it-triq hija asfaltata. Ir-responsabilita ta’ manutenzjoni ta’ dawm it-toroq huwa tal-Kunsill Lokali.

Iklin — Pelican lights

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18426, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma nżammitx il-wegħda li kienet saret meta l-pelican lights kellhom jiġu stallati fis-sajf ta' l-2006? Ma jaħsibx li wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni mmedjata? Jista' jagħti data ta meta se jiġu stallati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Kunsilli Skolastiċi — Elezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min jista' jikkontesta u jivvota fl-elezzjonijiet tal-kunsilli skolastiċi, b'mod partikolari fejn iridu jiġu eletti l-għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Skejjel — Faċilitajiet ta' childcare

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk l-iskejjel li se jkollhom faċilita' ta' childcare? Meta se jibdew jintużaw dawn il-faċilitajiet u kif ġew magħżula l-iskejjel? Min se jieħu ħsieb imexxi dawn iċ-ċentri u għal min se jkunu miftuħa? Tista' tgħid ukoll jekk hux se jintalab xi ħlas għal min juża dawn il-faċilitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif diġa ħabbart, il-pjanijiet biex jinfetħu childcare centres fi skejjel statali għadhom qed isiru. Għalhekk, f'dan l-istadju, hu prematur li tingħata l-informazzjoni mitluba.

Wied il-Għajn — Il-Magħluq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-manutenzjoni ta' dak li huwa magħruf bħala l-Magħluq ġewwa Wied il-Għajn jaqax taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru/dipartiment/i tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' isir ċertu xogħol ta' manutenzjoni bħall-irranġar tas-sistema ta' l-ilma u li jingħata dehra aħjar għax fil-preżent jidher fi stat ta' telqa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq is-sit tal-Magħluq huma responsabbiltà tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. Ħaddiema tal-ministeru qegħdin jevalwaw ix-xogħlijiet li hemm bżonn li jsiru fuq is-sit.

MIA — Ħaddiema ta' l-immigrazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se jiżdied l-istaff complement tal-ħaddiema ta' l-immigrazzjoni ta' l-ajruport internazzjonali ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm ħaddiema fil-preżent u kemm se jkun wara din iż-żieda? Jista' jgħid ukoll kemm hemm pulizija li qed jaqdu d-doveri tagħhom fl-ajruport u x'inhi n-natura tax-xogħol tagħhom? Jikkonferma li anke n-numru ta' pulizija se jiżdied?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s'issa mhux maħsub li ser ikun hemm żieda fin-numru ta' Immigration Officers fl-ajruport internazzjonali ta' Malta. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, għal raġunijiet ta' sigurta', ma nħossx li huwa prudenti li tingħata informazzjoni dwar kif il-pulizija tikkordina l-ħidma ta' sigurta' f'dan il-post.

Għaqdiet sportivi — Doping tests

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23579 u jgħid kemm ingħatat għajnuna matul is-sena 2006 lil għaqdiet sportivi biex jagħmlu testijiet kontra d-doping? Liema kienu dawn l-għaqdiet? X'għajnuna ngħatat u kemm swiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : Malta Triathlon Association Lm 284.73 Malta Football Association Lm3,507.97 Malta Dancesport Association Lm 150.00 Malta Tennis Federation Lm1,000.00 Malta Weightlifting Federation Lm 570.00 Lm5,512.70

Skejjel tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22929 u jgħid kemm tħallsu flus lill-iskejjel tal-Knisja għas-snin 2005 u 2006 separatament? Kemm kienet is-somma vvotata fil-budget għal kul sena u jekk kienx hemm xi varjazzjoni? Jekk fl-affermattiv, ta' kemm kienet f'kull każ? Jista' jgħid ukoll meta tħallsu u kemm kien il-ħlas f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont li ġew mgħoddija lill-iskejjel tal-Knisja fl-2004 kien ta' Lm10,250,000, fl-2005 ta' 11,500,000 u Lm12,750,000 fl-2006.

Eżami tal-Junior Lyceum

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid x'sar s'issa u x'hemm il-ħsieb li jsir biex isiru t-tibdiliet meħtieġa biex is-sistema edukattiva tagħna ma tibqax waħda daqstant kompetittiva fejn studenti ta' eta' żgħira jkollhom syllabus vast x'jagħmlu bil-konsegwenza li qed jikkaġunalhom stress kbir u mhux qed inħallu t-tfal tagħna jgawdu tfulithom biżżejjed billi jkollhom ħin adegwat għal-logħob u divertiment li wkoll hu parti essenzjali mill-iżvilupp soċjali u psikoloġiku ta' uliedna? Billi l-eżami tal-Junior Lyceum hu wieħed mill-fatturi ewlenija ta' stress u ġirja sfrenata biex tfal ta' eta' żgħira jlaħħqu mas-syllabus, hemm il-ħsieb li jsiru tibdiliet anke f'dan il-livell?

Response (GALEA, LOUIS)

Sistema edukattiva b'saħħitha li tagħti l-frott għat-tfal u ż-żgħażaġħ tagħna trid tkun tista minsuġa b'elementi differenti ta' metodoloġiji edukattivi. L-ebda sistema edukattiva ma tagħti frott jekk ma jkunx hemm metodu ta' assessjar biex wieħed ikejjel fejn wasal kull student u x'inhuma l-miri li għandhom jiġu milħuqa. Il-metodi ta' assessjar huma mżewwqa u bbażati fuq sillabi ppreparati minn esperti edukattivi u mplimentati minn għalliema li rċevew il-preparazzjoni tagħhom professjonali. Kull ċittadin speċjalment l-edukaturi huma konxji tal-bżonn ta' bilanċ fil-ħajja tat-tfal. Jekk wieħed jara biss il-varjeta ta' suġġetti li għandhom it-tfal fl-iskola u l-hemel ta' attivitajiet li huma organizzati fil-ħin u wara l-ħin ta' l-iskola, wieħed jinduna li l-għan huwa li t-tfal jingħataw edukazzjoni sħiħa. Li wieħed ineħħi l-eżamijiet ħesrem mingħajr ma jkun għarbel sew x'se tkun il-miżura li se tkejjel il-progess, titqies bħala żball u pass fid-direzzjoni ħażina. Meta wieħed jara r-rata ta' studenti li jgħaddu mill-eżamijiet u jkomplu bl-istudji tagħhom, jidher ċar li hemm progress tajjeb li jrid jiġi msaħħaħ. Dejjem hemm x'jitjieb. U propju għalhekk inħoloq grupp ta' ħidma biex tiġi riveduta s-sistema tal-MATSEC u bħalissa grupp ieħor qed jirrevedi s-sistema ta' l-eżami fl-eta ta' 11-il sena. Dan ta' l-aħħar għandu l-iskop li ssir review f'erbgħa oqsma. Qed jiġi studjat, evalwat u analizzat ir-raġuni ta' l-eżami fl-eta ta' 11-il sena, kemm fl-iskejjel ta' l-Istat u anke dawk li mhumiex. Din ir-raġuni trid tiġi analizzata biex naraw jekk l-eżami kif inhu għadux validu u x'alternattivi għandhom jiġu kkunsidrati. Qed isir ukoll studju komparattiv ma' pajjiżi oħra. Parti oħra minn din l-analiżi jikkonċerna l-impatt li dawn l-eżamijiet ikollhom fuq l-istakeholders; tfal, ġenituri, edukaturi, eċċ. Se jiġu analizzati wkoll l-aċċessabilita' għall-eżamijiet u s-sitwazzjoni ta' arranġamenti speċjali għall-studenti bi bżonnijiet speċifiki. Parti oħra ser tanalizza diversi aspetti tal-kwalita ta' l-eżamijiet li jsiru f'dan l-istadju, jiġifieri il-Junior Lyceum u l-Common Entrance. Il-grupp ta' ħidma se jagħmel sensiela ta' rakkommandazzjonijiet dwar l-eżamijiet li jsiru f'din l-eta u x'alternattivi jistgħu itejjbu s-sistema. Se jidħlu ukoll fl-issue ta' benchmarking. Il-grupp ta' ħidma huwa mmexxi minn Dr Grace Grima u jinkludi lil Prof. Frank Ventura, Mr Peter Vassallo, Mr Leonard Grech, Fr Charles Mallia u Mrs Bernie Mizzi. Il-grupp ta' ħidma qed jikkonsulta' ma' dawk kollha kkonċernati speċjalment studenti, ġenituri, għalliema, esperti u anke l-pubbliku. Dan l-eżerċizzju huwa ħolqa kruċjali fil-katina ta' żviluppi edukattivi biex nassiguraw li uliedna jirnexxu lkoll.

Ta' Xbiex — Installazzjoni ta' lift.

Question

Tista' l-Ministru tinformani jekk fil-blokk fil-qasam tal-bini tal-gvern f'Ta Xbiex, numerat F1, huwiex maħsub li jkun hemm lift istallat peress li hemm residenti li ma jistgħux jitilgħu t-taraġ kollha minħabba kondizzjoni medika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Bord dwar Diżabilita' fi ħdan l-Awtorita' tad-Djar approva l-istallazzjoni ta' lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.

Dokumenti tal-qorti

Question

Jisa' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-okkażjonijiet meta dokumenti tal-qorti spiċċaw fil-ministeru tiegħu jew ta' l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici? Jikkonferma jekk fit-tehid tad-dokumenti tal-qorti li jappartjenu każijiet ta' individwi ma kien hemm ebda awtorizzazzjoni mill-uffiċjali nkarigati tal-qorti? Jikkonferma wkoll li ma saret ebda proċedura kif stabbilita fil-kodiċi dwar l-organizzazzjoni ċivili biex seta' isir dan? Jaf li dan jista' iwassal għall-proċeduri kriminali kontrih stess jew kontra l-istess segretarju parlamentari Carmelo Mifsud Bonnici li ammetta hu stess li kien ordna batch partikolari ta' ittri uffiċjali li jinġiebu fil-ministeru? Jista' jgħid x'se jagħmel bħala passi fid-dawl ta' dan kollu?

Response (BORG, TONIO)

B'referenza għall-ewwel domanda nġiebu f'tlett darbiet l-ittri uffiċjali eżekuttivi taħt l-artikolu 166A tas-sena 2005 u dawk tal-bidu tal-2006. Għar-rigward t-tieni ma nistax nikkonferma li d-domandi in kwistjoni waslu għand l-Onor. Segretarju Parlamentari mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-uffiċjali tal-qorti għaliex fil-fatt kien hemm tali awtorizzazzjoni. Għar-rigward t-tielet domanda dak li sar kien skond id-disposizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u proċedura ċivili. Għar-rigward għar-raba' domanda ma ġie komess ebda reat kriminali u għalhekk ma hemm lok għal ebda proċedura kriminali kontra ħadd. Għar-rigward l-ħames domanda ma jidhirx li hemm xi passi x'jittieħdu fid-dawl ta' dan kollu.