Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-iskema care and repair, liema persuna hi separata, ma taħdimx u tixtieq li tgħix fil-fond imsemmi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għamlet quddiem l-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li f’Novembru 2005, l-Awtorita’ tad-Djar kienet approvat il-bdil tal-kamra tal-banju, it-tikħil tal-faċċata u li jsir liquid membrane dwar talba tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Minn spezzjoni li saret minn Perit ta' l-Awtorita' biex jiġi verifikat ix-xogħol li sar, irriżulta li l-kamra tal-banju kienet inbidlet u sussegwentement sar il-ħlas dovut mill-Awtorita'. Waqt din l-ispezzjoni l-applikanti kienet iddikjarat li mhux fi ħsieba tkompli bix-xogħlijiet l-oħra approvati. Ukoll waqt din l-ispezzjoni, il-Perit innota li l-opramorta kellha bżonn tikħil. Peress li din l-opramorta mhix waħda komuni, ir-responsabbilta’ tax-xogħol hi ta’ l-inkwilina u għalhekk l-Awtorita’ talbet lil din il-persuna biex tibgħat stimi għal dan ix-xogħol.
Ninsab infurmata wkoll li x-xahar li għadda qarib ta' din il-persuna nforma lill-Awtorita' li kien għadu fil-proċess li jibgħat dawn l-istimi. Dawn għadhom ma waslux għand l-Awtorita'.
Tista' l-Minsitru tgħid wara li saret l-ispezzjoni fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament xi ġimgħatejn ilu, fejn waslet it-talba tal-persuna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar qed tagħmel ir-riċerki meħtieġa dwar l-assi ta’ l-applikanti ndikata mill-Onor. Interpellant.
Tista' l-Ministru tara li l-koppja żagħżugħa mill-Kalkara li tgħix ma' nies ir-raġel, b'seba' persuni fżewġt ikmamar tas-sodda u kamra tal-banju waħda, tkun provduta ppost alternattiv, preferibbilment fil-post indikat fil-Kalkara stess u li bħalissa jinsab vakant? Meta se ssir l-ispezzjoni biex jivverifikaw il-file ta' dawn l-applikanti mill-ħaddiema tad-dipartiment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fil-fatt l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant saret u li l-post indikat bħala vakant ilu derekwiżizzjonat mill-1999.
Ninsab infurmata wkoll li l-applikazzjoni mill-persuna ndikata qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-tender għat-trasport vertikali mix-xatt saċ-ċentru tal-Belt?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-imsemmija tender tagħlaq fil-21 ta' Frar, ma nħossx li għandha titqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra qabel id-data ta' l-għeluq.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet ta' dawk kollha li applikaw għax-xogħol ta' disinn ta' park fil-Magħtab?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ismijiet ta' dawk kollha li applikaw għax-xogħol ta' disinn ta' park fil-Magħtab ma jistgħux jitħabbru f’dan l-stadju qabel ikun magħluq il-proċess ta’ l-għażla. Dan skond it-termini ta’ riferenza tas-sejħa biex tkun protetta l-unanimità tal-kompetituri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' skart li jiġi ġenerat per capita fil-gzejjer Maltin? Kif kienet it-trend ta' dan il-parametru matul dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-iState of the Environment Report 2005 Sub-report 8: Waste.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23500 u jagħti l-lista ta' direct orders li ngħataw għal xogħlijiet ta' toroq matul is-sena 2006, inkluż il-valur ta' direct orders u lil min ingħata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna barranija ċittadina ta' pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea u li ilha tokkupa post tal-gvern b'ċens għal dawn l-aħħar 25 sena, tistax tifdi dan iċ-ċens?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tweġiba hija fl-affermattiv.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23605 u jgħid meta nbeda x-xogħol fuq l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex? Kemm ġej jiswa l-proġett u kemm tħallsu l-kuntratturi s'issa? Meta suppost tlesta l-proġett u meta fil-fatt hu maħsub li jitlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi x-xogħol fuq l-Impjant f'Għawdex inbeda fi Frar ta' l-2006.
Il-proġett hu stmat li ser jiġi jiswa madwar Lm 3.2 miljun li minnhom s'issa tħallsu madwar 20 fil-mija ta' l-ammont.
Il-proġett kien mistenni jitlesta f'nofs din is-sena iżda l-previżjoni attwali hi li jkun lest sa l-aħħar t'Awwissu 2007 minħabba dewmien dovut għall-kuntrattur.
B'riferenza għat-tender maħruġa mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tal-mains u galleries tad-drenaġġ, jista' l-Ministru jgħid: i) min rebaħ din it-tender? ii) x'esperjenza għandu f'dan ix-xogħol ir-rebbieħ tat-tender? iii) l-impjant u l-inġenji tiegħu ġew ċertifikati mill-Bureau Veritas? iv) x'inhu x-xogħol li għamel s'issa inkluż tulijiet ta' mains li ġew imnaddfa? v) meta beda x-xogħol dan il-kuntrattur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23576 u b'riferenza għall-mistoqsijijiet parlamentari 19810, 20708 u mistoqsijet oħra jgħid fiex waslu l-proċeduri biex jinbena culvert fi Triq Gdida fi Triq it-Tank, Siggiewi? Jista' l-Ministru jagħmel kull mezz biex dan ix-xogħol jinbeda mill-aktar fis possibbli?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-proċeduri għall- 'easement' ta' art biex tinbena din il-culvert tlestew u b'hekk dan ix-xogħol ikun jista' jinbena fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-applikanti li applikaw għal pilots ma' l-Air Malta f'Jannar li għadda u li ma ntagħżlux minħabba li ma kellhomx A levels imma kellhom il-kwalifikazzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa, hux se jintagħżlu biex jagħtu servizz lill-Air Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinfurmani, wara li jivverfika, jekk hux minnu li mini market f'Tas-Sliema li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għadu kemm waħħal sign bid-dawl b'reklam ta' soft drink u dan bla permess b'inkonvenjent għar-residenti ta' ħdejh li ma jistgħux jorqdu minħabba din it-tabella u qed ikollhom dawl f'darhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li saret spezzjoni mill-Enforcement Officer inkarigat mill-area u kien ikkonfermat li twaħħlet tabella bid-dawl fuq il-font imsemmi. Għaldaqstant, inħareġ Avviż Biex Tieqaf u ta' Twettieq Rif. ECF112/07 skond l-Att I ta' 1992 dwar l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid fejn se jsir ix-xogħol li kien isir f'Palazzo Spinola? Jista' jgħid jekk il-premises humiex mikrija jew mixtrija? Jista' jgħid jekk inxtrawx jew inkrewx mingħand il-gvern jew il-privat? Jista' jgħid kemm hu l-ammont li se jitħallas f'xiri jew f'kirja għal dawn il-premises? Jista' jgħid fejn qegħdin dawn il-premises u mingħand min inxtraw jew inkrew?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi x-xogħol tal-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu li kien isir f'Palazzo Spinola se jibda jsir fi proprjeta' oħra privata. Il-kundizzjonijiet tal-kirja għadhom qed jiġu nnegozjati u għaldaqstant ikun prematur li tingħata din l-informazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm preżentement kawżi kostituzzjonali reġistrati? Kemm hemm sentenzi pendenti mill-istess qorti kostituzzjonali li ilhom għal deċiżjoni minn dik il-qorti għal aktar minn ħames snin?
Jista' ukoll jgħid x'passi qed tieħu l-kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja biex tali kawżi jiġu deċiżi mingħajr aktar dewmien u b'hekk tiġi evitata l-probabbilta' li tali kawżi jiġu riferuti għal deċiżjonijiet fil-qorti Ewropea għal drittijiet fundamentali tal-bniedem bi ksur tal-konvenzjoni dwar nuqqas ta' smiegħ xieraq u smiegħ fi żmien raġjonevoli?
Response (BORG, TONIO)
In-numru ta' kawżi kostituzzjonali pendenti fil-Qorti huwa ta' 37, li minnhom 6 huma sine die.
Din il-figura hija korretta sa' l-aħħar ta' Diċembru 2006 u tirriżulta mill-istatistika ppublikata fuq is-sit www.mjha.gov.mt.
Ninsab infurmat ukoll illi ma hemm ebda kawża kostituzzjonali illum li, mill-aħħar data tad-differiment għas-sentenza, ilha hekk pendenti għal aktar minn ħames snin.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 21166 li saret fis-17 ta' Ottubru, 2006 dwar iċ-ċentru komunali, tista' l-Ministru tgħidli x'sar dwar dan il-proġett minn dakinhar 'l hawn? Minn min kienu qed isiru l-konsiderazzjonijiet dwar il-proġett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
In vista li dan l-aħħar ġie deċiż li ser jinbena kumpless fis-sit tal-iskola Ninu Cremona li ser ikun jinkludi car park u anke ser jipprovdi spazju biex jinbena Qorti ġdid, il-Ministeru għal Għawdex għamel rikonsiderazzjoni tal-proġett taċ-Ċentru komunali.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22318 dwar proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea dwar il-proġett ta' titjib tat-Triq San Lawrenz/Rabat, tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-ispejjeż fuq xogħol relatat ma' din it-triq u fuq xogħlijiet relatati ma' servizzi rispettivament? Tista' tgħidli jekk dawn l-ispejjeż humiex inklużi fl-istima oriġinali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li sa issa x-xogħlijiet relatati mat-triq jammontaw għal Lm187,056 u dawk relatati mas-servizzi jammontaw għal Lm211,963 li parti minnhom kienu inklużi fl-istima oriġinali.