B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23469, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu aġġustati mill-ġdid il-Boundaries tal-UCA fil-Pjani Lokali b'mod partikolari dak taz-zona ċentrali fejn areas li ma kenux f'din iz-zona ġew inklużi fiha fil-verzjoni finali, u dan sar mingħajr ma kien hemm konsultazzjoni pubblika? Liema zoni m'għandhomx il-karattru ta' UCA u fihom diġa' hemm committments fil-MEPA bl-għoli ta' tlett sulari?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li amendi assoċjati ma’ l-UCA's qed ikunu ndirizzati b'diversi modi. Wieħed minnhom hu permezz ta' reviżjonijiet għad-DC 2005 li riċentement ħarġu għall-konsultazzjoni pubblika. Mod ieħor huwa permezz ta' l-Urban Conservation Area street classification hierarchy exercises li bħalissa qed isiru fuq diversi pjanijiet lokali. Dawn l-eżerċizzji qed jevalwaw il-kwalità u l-karattru tal-faċċati matul it-toroq f'żoni ta' konservazzjoni urbana. Meta jitħejjew l-abbozzi ta' dawn l-istudji, dawn jinħarġu għall-konsultazzjoni pubblika.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika ż-żoni li jidhirlu li m'għandhomx karattru ta' UCA u li ddaħħlu fl-UCA fil-pjan approvat għaċ-ċentru ta' Malta.
B'riferenza għal rapporti fil-media dwar sit f'Hal Luqa fejn allegatament 103,600 metru kwadru ta' art ġew użati illegalment bħala dump yard u li fuqu l-MEPA kienet ħarġet enforcement order (ECF 1050/98), jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet sabiex is-sid jagħmel tajjeb għal ħsara ambjentali li għamel?
Response (PULLICINO, GEORGE)
B'riferenza għal rapporti fil-media dwar sit f'Hal Luqa fejn allegatament 103,600 metru kwadru ta' art ġew u¿ati illegalment bħala dump yard u li fuqu l-MEPA kienet ħarġet enforcement order (ECF 1050/98), jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet sabiex is-sid jagħmel tajjeb għal ħsara ambjentali li għamel?
Tweġiba :
Ninsab infurmat li s-sit indikat skond ECF 1050/98 jifforma parti minn art ikbar ta’ l-istess operatur fejn il-parti l-oħra tal-propjetà hija suġġetta għal Avviż ta’ Twettieq ieħor bir-riferenza ECF 837/02.
Wara li kien ħareġ l-Avviż ECF 1050/98, u dan talli sar tħammil u nbidel l-użu ta' l-art għaż-żamma ta'
scrap
fuq parti mis-sit, kienet saret applikazzjoni għal żvilupp PA 5803/98
(outline)
biex l-istess art tkun tista’ tintuża għall-ipparkjar t' ingenji. Din it-talba kienet ġiet rifjutata mid-
Development Control Commission
(DCC), liema deċiżjoni kienet ġiet ikkonfermata ukoll mill-Bord ta’ l-Appelli dwar l-Ippjanar.
Però, l-iżviluppatur kien reġa’ appella l-każ tiegħu fil-Qrati Superjuri fejn il-Qorti ta' l-Appell qalbet id-deċiżjoni u talbet lill-Bord ta’ l-Appelli dwar l-Ippjanar biex jerġa’ jiftaħ il-każ. Kien f'dan l-istadju li ġie deċiz mill-Bord ta’ l-Appelli li għandha ssir applikazzjoni oħra mill-iżviluppatur
PA 6138/02
(outline)
li tipproponi
master plan
fuq l-art kollha milquta miż-żewġ Avviżi ta’ Twettieq imsemmija. Din l-art kollha tkopri ċirċa 20,073m2 u allura hija ferm iżgħar mill-ammont li semma’ l-Onorevoli Interpellant.
Għaldaqstant, l-Awtorità trid tistenna l-eżitu kemm ta' l-applikazzjoni PA 6138/02 li għadha pendenti quddiem id-Direttorat ta' l-Ippjanar u kemm id-deċiżjoni mill-appell li għad hemm pendenti quddiem il-Bord ta' l-Appelli. Ikun dan il-Bord li finalment irid jiddeċiedi jekk jingħatax permess jew jekk jiġix ikkonfermat ir-rifjut minn PA 5803/98 fejn imbagħad jiskattaw il-proċeduri t'infurzar skond il-liġi u skond kif mitlub fiż-żewġ avviżi, ċioè ECF 1050/98 u ECF 837/02.
Irid jingħad li fl-1993, 1994, 1996 u 1998, kienu nħarġu diversi permessi ta' żvilupp fuq partijiet minn din il-propjetà biex jinbnew uffiċini, garaxxijiet u mħażen għal użu kummerċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il reklutaġġ ta' pulizija sar mill-1998 sal-lum sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Kuntistabbli tal-PulizijaSpetturi tal-Pulizija
1998xejnxejn
1999xejn7
200076xejn
20018810
200272xejn
2003100xejn
2004xejn8
2005100xejn
2006135*xejn
*għadhom għaddejjin bil-kors ta’ taħriġ li beda fit-23.10.06.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inxtraw vetturi u apparat ġdid biex jintuża mill-korp tal-pulizija mill-2000 sal-lum u fiex kien jikkonsisti dan l-istess apparat/vetturi? Kemm kienet l-ispiża sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.
Infurmat ukoll illi sabiex jinġabar it-tagħrif għal perijodu hekk twil, irid isir eżerċizzju li jinvolvi ħafna riżorsi u li jieħu ammont sostanzjali ta' ħin.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' vetturi/muturi li nxtraw kif ukoll l-ispiża involuta mis-sena 2000 s'issa.
Kemm inxtara apparat għad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili mill-1998 sal-lum u fiex jikkonsisti? Kemm kienet l-ispiża sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie uffiċjalment imwaqqaf fis-sena 2000. Sabiex jitwaqqaf dan id-Dipartiment, il-Gvern Taljan permezz tar-Raba' Protocol kien għamel donazzjoni ta' apparat tat-tifi tan-nar u apparat ieħor b'valur totali ta' Lm6,526,259.
Mis-sena 2000 sal-lum id-Dipartiment baqa' jattrezza ruħu b'apparat kemm mixtri kif ukoll apparat li ingħata bħala donazzjoni minn Gvernijiet u Istituzzjonijiet kemm lokali kif ukoll barranin.
Billi l-lista ta' dan l-apparat hija estensiva, tingħata iktar informazzjoni għal din id-domanda f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali u kemm hemm vakanzi fid-diversi gradi li jeżistu fid-dipartiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-għadd ta' impjegati fl-Aġenzija ta' l-Avukat Ġenerali huwa ta' tmienja u erbgħin. Huwa maħsub li l-għadd idejali fil-futur bejn uffiċjali legali u support staff jiżdied.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u kemm minnhom huma barranin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-7 ta' Frar 2007, in-numru ta' residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' tlett mija u sitta u sebgħin (376), li minnhom mija u għaxra (110) huma ta' nazzjonalita' barranija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati assenjati ma' kull kummissjoni li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tlett impjegati assenjati mal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni li hija l-unika kummissjoni li tagħmel parti mid-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani x'passi ttieħdu mill-pulizija dwar grocer fi triq li isimha qed jintbagħat separatament, talli dan joħroġ il-prodotti tiegħu fuq il-bankina, jħammeġ it-triq, jdendel il-prodotti mal-ħajt u jħalli ż-żibel minn ġurnata għal oħra quddiem residenzi oħrajn, ġaladarba saru rapporti, u dan għadu qed jopera hekk? X'passi jistgħu jsiru biex l-għajxien tar-residenti ġot-triq tkun salvagwardata u l-bankini jerġgħu jiġu għall-użu tar-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti kontra l-persuna responsabbli mill-ħanut li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant. Minkejja dan, il-Pulizija ser tkompli tagħmel sorveljanza fit-triq imsemmija u tieħu passi opportuni skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jinformani jekk hemmx xi ħsieb li Sliema Road, San Gwann tkun mogħtija wiċċ ġdid u jsiru xi xogħlijiet fuqha u dan minħabba l-istat preżenti tagħha, u speċjalment jekk din se tkun triq li tagħti għall-isptar il-ġdid?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib ta' din it-triq ser issir mall-proġett ta' upgrading tal-bini ta' fly over fil-Kappara, liema xogħlijiet huma pjanati li ser isiru fl-aħħar ta' l-2007 bidu ta' l-2008.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi data meta l-awtorita' dwar it-trasport se tagħmel xi double glazing fi twieqi ta' residenzi, kif kien intqal, f'biċċa minn Triq Mensija, San Gwann taħt il-pont peress li hemm djar u familji, anke bi bżonnijiet speċjali, li qegħdin isofru inkonvenjenzi kbar għal ħajjithom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk Sqaq Nru. 4 fi Triq il-Kbira, Mosta hux privat jew le?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi Sqaq Nru. 4 fi Triq il-Kbira, Mosta huwa spazju miftuħ li minn fuqu hemm aċċess għal proprjeta' privata li kollha kemm huma għandhom ukoll drittijiet ta' servitu' fuq l-istess spazju miftuħ.
Mill-pjanti miżmuma fit-Taqsima ta' Proprjeta' tal-Gvern jidher li dan l-istat ta' fatt ilu hekk ta' l-anqas 100 sena. Dan l-ispazju ma jikkwalifikax bħala proprjeta' tal-Gvern skond il-parametri wżati mill-istess Taqsima; pero' wieħed ma jistax jeskludi li dan l-ispazju irrenda ruħu pubbliku mal-milja tas-snin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għandux il-permessi kollha tal-MEPA biex jopera n-negozju li qiegħed imexxi minn ġo fih?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jgħid x'raġuni hemm biex il-MEPA tieħu t-tul ta' żmien ta' kważi seba' snin biex tagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni mill-Awtorita' tad-Djar? Id-dettalji tal-każ qed jintbagħtu separatament.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 3774/01 ġiet sospiża fit-13 ta' Novembru 2006 skond l-Artiklu 32 (vi) ta' l-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp minħabba li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) baqgħet ma rċevitx l-ebda risposta għall-ittri li ntbagħtu lill-perit u lill-applikant fit-22 ta' Mejju 2006, 11 ta' Lulju 2006 u 18 ta' Awissu 2006. Fit-28 ta' Frar 2002, intbagħtet talba għal iżjed informazzjoni mingħand il-perit u l-applikant. Din kienet imwieġba fit-22 ta' April 2002 u wara bdew il-konsultazzjonijiet mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili u ma’ l-Enemalta. Skond il-ligi ta’ l-Ippjanar jekk risposta tibqa’ ma tingħatax sat-13 ta' Mejju l-applikazzjoni tiġi awtomatikament irtirata.
Jista' l-Ministru jispjega x'ġara nhar il-Ħamis, 25 ta' Jannar, 2007 meta riħa ta' żejt qawwija kienet preżenti għall-ħin twil fil-lokalitajiet tal-Kalkara, Birgu, Bormla, Fgura, Żabbar u Xgħajra? X'kienet il-kawża u x'rimedji ttieħdu? Jista' l-Ministru jippreżenta rapport dettaljat fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Ħamis, 25 ta` Jannar 2007, l-Ispettorat tal-Pollution Prevention and Control Unit (PPCU) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċieva telefonata ta` emerġenza dwar irwejjaħ inkonvenjenti fl-akwati tal-Kalkara. L-ispetturi għamlu l-istħarriġ tagħhom fuq is-sit u rrizulta li r-riħa msemmija nxtammet għal ftit ħin fit-tegħla tal-Kalkara li twassal għal Bighi. Fl-ispezzjoni, l-ispetturi damu jduru għal tul ta’ hin fl-akwati kollha tal-Kalkara, inkluż ix-xatt tal-Menqa tal-Kalkara (jiġifieri minn taħt Sant’Anġlu għal taħt Bighi), fil-bajja tar-Rinella, kif ukoll fit-telgħa li twassal għal Triq Santu Rokku (ħdejn il-Batterija tar-Rinella). Fl-ebda punt minn dawn imsemmija ma reġgħet inxtammet din ir-riħa. Bħala parti mill-investigazzjonijiet ta’ dan il-każ fil-preżent qed tintalab informazzjoni mingħand sorsi oħra possibbli bħal attivitajiet marittimi fil-viċinanzi. Din l-informazzjoni qed tiġi korrelata mad-direzzjoni u l-forza tar-riħ fil-ġranet imsemmija, li skond l-istazzjon ta’ monitoraġġ ta’ l-arja ta’ Kordin, jirriżulta li d-direzzjoni tar-riħ varjat ħafna u l-forza kienet baxxa. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Tkun ta’ għajnuna jekk min għandu xi informazzjoni addizzjonali dwar il-possibilitajiet tas-sors ta’ din ir-riħa, javviċina lill-ispettorat tal-Pollution Prevention and Control Unit (PPCU) fuq in-numri 21678034 (tel.) u 21660108 (fax).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu jew diġa' ħa l-Kummissarju tal-Pulizija rigward ittra li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ilment imressaq mill-Onorevoli Interpellant qed ikun investigat sabiex jittieħdu dawk il-passi kollha opportuni skond ma jirriżulta minn din l-investigazzjoni.
X'inhuma r-running costs tal-gas turbines komparat mal-combined cycle biex jiġi ġenerat l-elettriku mill-Enemalta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fl-2006, l-ispiża tal-fuel biex tiġġenera 1Kwh mill-combined cycle gas turbines kienet medja ta' 4.077c, filwaqt li għal open gas turbine l-ispiża ekwivalenti kienet tkun ta' 6.057c.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-art li hemm fil-Ponta tal-Qrajten f'Marsaxlokk mikrija lill-Marsaxlokk Sailing Club (tenant no. 73206) m'hix qed tiġi offerta d-dritt tar-right of first refusal lill-inkwilin li preżentament qed jokkupa u dan kif pattwit mid-dipartiment ta' l-artijiet u l-inkwilin fil-kuntratt oriġinali tal-kera? Jikkonfermax ukoll li hemm terzi li wrew interess f'din l-art u li l-istess dipartiment beda proċeduri ta' żgumbrament lill-inkwilin preżenti sabiex l-art tingħata lil dawn it-terzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-inkwilin li kellu l-kirja tal-fond kummerċjali msemmi mill-Onorevoli Interpellant ġie żgumbrat mill-fond b'ordni tal-Kummissarju ta' l-Artijiet maħruġa fit-23 ta' Mejju 2006 skond l-Att Nru. 228 tal-Liġijiet ta' Malta. Dan kellu jsir peress li l-inkwilin baqa' dejjem ma ħallasx il-kera u l-arretrati li jammontaw għal aktar minn Lm82,000, għalkemm sar minn kollox biex din il-kera tiġi miġbura. Ser issir sejħa għall-offerti mill-ġdid ta' dan il-fond. Jekk xi ħadd mill-offerenti jitlob ir-right of first refusal din tiġi kkunsidrata wara li jagħlqu l-offerti skond il-Policy tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi ttieħdet deċiżjoni li se ssir substation f'garage ta' karozza waħda fi triq privata f'College Street, Mosta meta ħajt ma' l-istess garaxx fejn se ssir substation, joqogħdu n-nies u hemm saħansitra kmamar tas-sodda?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.