Jista' l-Prim Ministru jgħidli meta huwa mistenni li jiġu approvati d-dokumenti ta' programmazzjoni għall-perijodu 2007-2013 tal-UE? Meta hu mistenni li jibda l-proċess ta' l-għażla tal-proġetti? Fiex se jkun jikkonsisti l-proċess ta' l-għażla skond il-proċeduri stabbiliti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel minn tliet dokumenti ta’ Programmazzjoni (l-NSRF) ġie maqbul mal-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru tas-sena 2006 u jinsab fuq diversi websites tal-gvern, inkluż dak tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni. Iż-żewġ Programmi Operattivi mistennija li jiġu approvati mill-Kummissjoni fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. Il-Proċess ta’ l-għażla tal-Proġetti jrid jiġi maqbul mal-Kummissjoni fid-dawl tar-Regolamenti l-ġodda (2007-2013) iżda mistenni li jkun jixbah lill-proċess li ntuża għall-Programm 2004-2006.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nixtieq nifnorma lilll-Onorevoli Interpellant illi bħalissa l-bordijiet imwaqqfa fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin huma tlieta:
1. National Authority for the Implementation of the Chemical Weapons Convention magħmul minn:
Direttur: Prof Alfred J Vella, Professur, Universita ta' Malta
Spettur: Is-Sur Brian Montebello, Direttorat għas-Servizz Kummerċjali
2 Membri: Is-Sur Albert Gambin, Laboratorju tas-Saħħa Pubblikka, Ministeru tas-Saħħa
Rappreżentant mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin
Din l-Awtorita' twaqqfet bl-Att V ta' l-1997 li bih il Gvern Malti rratifika l-
International Convention on the Prohibition of Chemical Weapons
. Minn meta twaqqfet sa' llum l-Awtorita' ltaqgħġet 26 darba.
Id-Direttur jitħallas onorarju ta' Lm 250 fis-sena u l-Ispettur Lm 500 fis-sena. Il-Membri l-oħra ma jitħallsux.
2. Sanctions Monitoring Board, magħmul minn:
Chairman: Is-Sur Charles Inguanez, Direttur Ġenerali, Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin
8 Membri: l-Avukat Ġenerali, Dr Donatella Frendo Dimech, l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali
Is-Sinjura Vanessa Frazier, Direttur, Uffiċċju tal-Prim Ministru
Is-Sur Mario Debattista, Direttur Ġenerali, Ministeru tal-Finanzi
Is-Sur Mario Caruana, Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern
Is-Sur Saviour Farrugia, direttorat għas-Servizzi Kummerċjali, MCMP
Is-Sur Mario Brincat, Dipartiment tad-Dwana
Is-Sur Raymond Cremona, Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji
Is-Sur Jesmond Cutajar, Bank Ċentrali ta' Malta
Dan il-Bord twaqqaf b'Avviż Legali 187 tal-2000 u minn meta twaqqaf sa' llum ltaqgħa 16 il-darba.
La ċ-Chairman u lanqas il-membri ta' dan il-Bord ma jitħallsu onorarja.
3. Tsunami Relief Fund Committee, magħmul minn:
Chairman: l-ET Prof Ugo Mifsud Bonnici
3 Membri Prof John Rizzo Naudi
Dott Daniel Micallef
Dott Frank Bartolo
Dan il-Kunitat twaqqaf mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fi Frar 2005 u sa issa ltaqgħa 16-il darba. La ċ-Chairman u lanqas il-membri ma jitħallsu onorarja.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni b'diżabilita' li qed jirreġistraw għax-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li għandhom xi diżabilita' u li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti tar-reġistru hu ta' 349 u 12 kienu qed jirreġistraw fuq it-tieni parti.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Bordijiet imwaqqfa fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'hemmx bordijiet statutorji fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Tista' l-anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jaġġustawlha s-sussidju fil-kera 'il fuq issa li dalwaqt se togħla u żgur mhux se tkun tista' tlaħħaq mal-kera l-ġdida jekk ma jogħliex is-sussidju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tibbenefika mis-sussidju massimu kif ukoll minn għotja addizzjonali ta’ Lm50 fis-sena peress li hi persuna b’diżabilita’.
Ninsab infurmata wkoll li dan is-sussidju jmissu jiġi rivedut f’Ottubru 2008.
Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex it-talba għall-pensjoni ta' l-invalidita' ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tiġi eżaminata mill-bord apposta malajr kemm jista' ikun biex tittaffa' it-tbatija li qed tħoss il-persuna li qed titħalla x-xhur tistenna deċiżjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, fid-19 ta' Ottubru 2006, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali kien informa bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-fehma tal-kummissjoni nazzjonali tal-persuni b'diżabilita' dwar l-applikazzjoni li kienet għamlet il-koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex ikun hemm aċċess għas-sinjura diżabbli min-naħa ta' wara tad-dar biex tevita t-tbatija li tuża t-taraġ tal-faċċata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' mhix f'pożizzjoni li tesprimi opinjoni dwar l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għax din l-applikazzjoni qatt ma ġiet referuta lill-Kummissjoni biex tagħmel dan, la mill-MEPA u lanqas mill-koppja ndikata
Tista' l-awtorita' dwar it-trasport tidħol ftit fil-każ ta' koppja anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u tara tistax issolvi l-problemi li qed jikkaġunawlhom tant tbatija?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li uffiċjali tat-taqsima marru fuq il-post u anki ltaqgħu mall-kopja anzjana li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari sabiex jiġi vverifikat il-kas li ssottomettew lil Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta. Sussegwentament, rakkomandazzjonijiet tat-taqsima ġew mgħoddija lill-Kunsill Lokali għal kummenti tagħhom.
B'riferenza għal skedar ta' proprjeta' mħabbra fid-19 ta' Diċembru 2006 fil-Gazzetta tal-Gvern Nru 1070 għall-inħawi ta' Simar mit-Triq tal-Miżieb sa Xatt il-Pwales, jista' jgħid x'effett se jkollu dan l-iskedar fuq it-triq il-ġdida li qed tiġi ppjanata fil-Limbordin u li se jikkonsisti fil-qerda ta' raba' saqwi u tħaffir ta' mina taħt ix-Xagħra ta' l-Għansar li tħarbat l-ilma tal-bdiewa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema ma' l-Airport services co. ltd.? Kemm hemm minnhom li se jibqgħu ma' l-Air Malta? Kemm se jmorru mal-kuntrattur privat ġdid li se jforni l-ikel lill-Air Malta?
B'liema kondizzjonijiet se jispiċċaw dawn il-ħaddiema? B'liema kondizzjonijiet ġodda se jaħdmu mal-kuntrattur il-ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Kumpanija Airport Services Co Ltd għandha sitta w għoxrin impjegat fuq il-kotba tagħha. Ħadd minn dawn il-ħaddiema mhu ser imur ma l-Airmalta. Meta l-AirMalta ħarġet is-sejħa għall-offerti sabiex, bħal ma dejjem għamlet, biex tissalvagwardja l-impjiegi, għamlitha b’kundizzjoni illi min jirbaħ l-offerta jintrabat li jagħti mpjieg fuq kuntratt indefinit lil-25 minn dawn il-ħaddiema li bħalissa qiegħdin jagħmlu dan ix-xogħol. Dan fil-fatt sar u mill-1 ta’ April li ġej dawn ser jgħaddu għal fuq il-kotba tal-kumpanija li rebħet l-offerta fuq kuntratt indefinit u bl-istess kundizzjonijiet li għandhom illum.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment tal-gvern fuq is-site ta' VisitMalta? Billi kien hemm rapporti fuq il-media li dan is-sit kellu xi żbalji fih, jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli sabiex itella' u jawtorizza l-kontenut tas-sit? Jista' jgħid kemm u liema huma l-operaturi li taw links diretti sabiex isiru bookings online ta' lukandi, titjiriet jew servizzi oħra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-investiment tal-Gvern fis-sit ta' visitmalta.com kien ta' Lm 49,500.
Ta' min jirrimarka li s-sit fih 'il fuq minn tmien mitt paġna ta' informazzjoni dwar il-Gżejjer Maltin. Meta għandek sit daqstant vast, mhix haġa abnormali li jkun hemm xi żbalji żgħar jew ineżattezzi relativament inokwi, minkejja li jsir proċess metikoluż ta' proof reading. L-importanti huwa li kull meta jiġu identifikati, dawn jiġu irranġati mill-aktar fis. L-awtorizzazjoni biex jittella' l-kontenut ingħatat mill-MTA.
Is-sit jaħseb biex jipprovdi links diretti kemm mill-partjiet li huma mfassla bħala direttorju, fejn ikun hemm elenkati l-operaturi kollha liċenzjati fil-qasam partikolari (eż. lukandi, aġenti tal-ivvjaġar, eċċ), kif ukoll mill-partijiet li jaqdu funzjoni ta' online booking. Minn dawn ta' l-aħħar, sa issa diġa irreġistraw, jew qegħdin fil-proċess li jirreġistraw, madwar ħamsin stabbiliment. Is-sezzjonijiet l-oħra se jiġu attivati fil-ġimgħat li ġejjin u għaldaqstant għad m'hemmx figuri eżatti f'dan ir-rigward.
Fil-każ ta' l-online booking ta' titjiriet għal Malta, dan isir permezz ta' servizz ta' tfittxija fuq l-internet li huwa aċċessibli mis-sit innifsu għalkemm ipprovdut minn kumpanija li magħha ġie iffirmat kuntratt apposta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-kriterju li bihom proprjetajiet jiġu liċenzjati biex jinkrew lit-turisti? Jista' jgħid kemm hawn proprjetajiet hekk liċenzjati u ta' x'tip huma? F'liema lokalitajiet jinsabu?
Jista' jgħid jekk jiġux indagati l-proprjetajiet irriklamati għal kiri li jidhru fuq il-gazzetti u min hu responsabli għal dawn l-investigazzjonijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu tilliċenzja proprjetajiet li jinkrew għat-turisti skond l-Avviż Legali 131 ta’ 2002 kif ammendat bl-Avviż Legali 86 tal- 2005. Dan l-avviż legali jistabilixxi l-kriterji u standards li dawn il-proprjetajiet għandhom ikollhom.
Sa l-aħħar tas-sena 2006 f’Malta u Għawdex kien hawn 1103 proprjeta liċenzjata għal dan l-iskop kif turi t-tabella hawn taħt:
Malta
Appartamenti
584
Villel u ‘farmhouses’
27
Ghawdex
Appartamenti
222
Villel u ‘farmhouses’
270
Total
1103
Il-lokalitajiet fejn jinstabu dawn il-proprjetajiet huma kif jidher fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Id-Direttorat ta’ l-Infurzar fi ħdan l-Awtorita' tat-Turizmu jagħmel investigazjonijiet dwar djar u appartamenti li jinkrew lit-turisti biex jara jekk dawn għandhomx il-liċenzja meħtieġa biex jintuzaw għal dan l-iskop. L-investigazzjoni tinkludi wkoll ricerka fil-gazzetti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi kuntatti sabiex jiġu rritornati lill-Malta artifatti ta' importanza storika jew nazzjonali li ġew meħuda mill-qawwiet Franċiżi jew Ingliżi tul is-snin? Speċifikatament, kien hemm xi tentattivi jew diskussjonijiet riċenti sabiex ix-xabla ta' La Vallette tiġi rritornata lil Malta mill-Gvern Franċiż wara li din kienet ġiet misruqa minn pajjiżna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi ma saret l-ebda talba mill-Gvern Malti fis-snin riċenti għal ritorn ta' oġġetti ta' importanza storika meħuda minn Malta f'perjodu jew ieħor.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23189, jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li jkun lest ir-ristrutturar imsemmi, meta se jiġi mplimentat u jekk hux se jintitola li suldati jitħallsu f'festi pubbliċi bħall-ħaddiema l-oħra tal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li bħalissa qed isir studju totali fuq is-sitwazzjoni ta’ pagi/allowances u ħlasijiet matul il-festi fl-Armata.
Mhux il-każ li wieħed jagħti iżjed informazzjoni qabel ma jkun hemm l-informazzjoni kollha miġbura u eżaminata.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk fl-armata isirx confidential report kull sena fuq kull suldat? Jista' jiċħad jew jikkonferma li f'dawn l-aħħar sitt snin ma sarx dan l-eżerċizzju fuq is-suldati u f'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-proċedura fl-Armata hija li jsir rapport kunfidenzjali kull sena fuq kull suldat.
F’dawn l-aħħar sitt snin dan l-eżerċizzju sar lill-maġġoranza tas-suldati. Hemm numru żgħir ta’ każi fejn f’dawn l-aħħar sitt snin r-rapport kunfidenzjali ma nteliex.
Jien infurmat ukoll li passi diġà ttieħdu fil-każi fejn ir-rapport ma nteliex, li dan ma jerġax jirrepeti ruħu, u li r-rapport kunfidenzjali għandu jintela kull sena għal kull suldat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23182, jista' l-Ministru jwieġeb fil-każ tal-ministeru, dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħtu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bejn is-sena 2005 u 2006 in-nefqa fuq is-safar fil-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoni, dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħtu żdiedet b'Lm43,420. Ir-raġuni għal din in-nefqa hija dovuta għal żiedafin-numru ta' commitments ta' safar li kellhom l-uffiċjali ta' dan il-Ministeru, inklużi dawk l-uffiċjali tal-tlett awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu.
Is-safar ta' matul l-2006 għal dak li jirrigwarda l-Ministeru, id-Dipartimenti u d-Diviżjonijiet li jaqgħu taħtu kien approvat mis-Segretarju Permanenti, filwaqt li s-safar l-ieħor kollu li jirrigwara l-awtoritajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru kien approvat miċ-Chairpmen rispettivi tagħhom.