Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #23789 Sitting 495 2007-02-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Siti storiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-awtoritajiet lokali liema siti storiċi pproponew sabiex ikunu parti mill-għeġubijiet tad-dinja moderna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Għandi nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-programm imsejjah The New 7 Wonders of the World, immexxi minn-New 7 Wonders Foundation li hija ibbażata f’Zurich fl-Isvizzera. Wieħed għandu jinnota id-dimensjoni kummerċjali fl-attivita` ta’ din il-Fondazzjoni, li tiġbor il-flus mingħand min jivvota sabiex jintaghzlu is-7 siti li ser jiġu inklużi. Ta’ min jinnota wkoll li din l-attivita` mihiex imnediha mill-UNESCO, u mihiex marbuta mal-Lista ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO, li fiha Malta għanda iskritti il-Belt Valletta, l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, u t-Tempji Megalitiċi. Ta’ min jinnota li n-nominazzjonijiet għal din l-inizjattiva setgħu isiru mill-pubbliku, mhux permezz ta’ proposti minn xi Gvern jew Awtorita`. Iż-żmien għan-nominazzjonijiet għalaq aktar minn sena ilu. Minn mal-200 sit li kienu nominati, l-organizzaturi diga` għazlu 21 sit, li l-għażla fosthom għas-7 finalisti ser issir permess ta’ votazzjoni mill-pubbliku.

Għalliema

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23145, jista' l-Ministru jgħid jekk it-totali msemmija humiex biss għal teachers jew inkella hemm inklużi persuni oħra li qed igħallmu? F'kull każ, jista' jgħid kemm hemm persuni oħra li qed igħallmu u x'inhi n-nomenklatura tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li fit-terminoloġija 'teachers' hemm inkluzi l-'instructors'.

OPM — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu impjegati miegħu l-uffiċċju tiegħu, il-ministeru u s-segretarju parlamentari ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Laħam tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt għola l-prezz tal-laħam tal-majjal għall-produtturi tal-majjal kull kilo? X'kienu r-raġunijiet li l-prezz tal-laħam tal-majjal frisk ma roħosx kif kellu jorħos wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u dan abbażi tas-sussidju li l-gvern ta biex dan iseħħ għall-ġid tal-konsumatur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-prezz huwa materja ta’ natura kummerċjali, it-tweġiba tista’ tingħata biss minn min ħa deċiżjoni biex jirrevedi l-prezzijiet fis-suq. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Interpellant hu mgħarraf li l-iskop tas-sussidji kien biex jagħmel tajjeb għad-differenzi storiċi fil-prezzijiet bejn dawk ta’ uħud mill-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ Malta. Naturalment, qatt ma kien il-ħsieb li dawn is-sussidji jiggarantixxu roħs dejjiemi fil-prezzijiet, liema prezzijiet għandhom jirriflettu tibdil fis-suq.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Kiri ta' Karozzi

Question

Jista l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22850 u jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nefqa globali fis-sena 2006 għall-kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, entitajiet jiġifieri Mount Carmel Hospital, Ministeru, Public Health, Primary Health Care, Medicines Authority kienet ta' Lm30,207.73c. Barra minn hekk, saru wkoll kirjiet f'isem l-Awtorita' dwar il-Mediċini li jammontaw għal Lm3,057.89c. Dawn ta' l-aħħar qed jiġu investigati.

KIM

Question

Jista' l-Ministru jinformana dwar il-punti li dwarhom kien hemm qbil bejn il-KIM u l-Ministeru fil-laqgħa li saret nhar it-Tlieta 16 ta' Jannar, 2007?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-KIM qablet li tissottometti programm ġdid għall-ġenetika ġdida sa Marzu 2007. Il-Ministeru ser jgħin biex dan il-programm jitwettaq skond il-parametri ta’ dak li hemm fit-Trattat ta’ Sħubija.

Konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Taxxi/tariffi/miżati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, it-tariffi/miżati li ġew riveduti kienu fil-Forzi Armati ta’ Malta. Ir-reviżjoni kienet: 2005 (Lm – VAT inkluża) 2006 (Lm – VAT inkluża) Servizz ta’ Sigurtà 3.80 3.86 Skorta ma’ Cash Van 23.93 24.31 Użu ta’ Cash Van u Skorti 40.80 41.99 Fir-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi r-reviżjoni fir-rati ta’ l-MFSA, Lotteries and Gaming u d-Dipartimenti tad-Dwana. Fl-aħħar baġit tħabbret reviżjoni fir-rati tat-taxxa (tax-bands). Ir-rati l-ġodda huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007 u ser jirriżultaw fi tnaqqis fit-taxxa sa massimu ta’ Lm243 f’każ ta’ koppja b’komputazzjoni konġunta u massimu ta’ Lm155 f’każ ta’ komputazzjoni separata jew ta’ persuna waħidha. Ir-rati huma kif murija f’Tabella B li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fl-aħħar baġit tħabbar ukoll li ser jingħata tnaqqis mill-income ta’ Lm400 għal spejjeż li ġenituri jagħmlu għal servizz ta’ childcare. Barra minn hekk, it-tnaqqis li jingħata lil ġenituri li t-tfal tagħhom jattendu skejjel privati ser jiżdied minn Lm300 għal Lm600 (kull wild fi skola sekondarja) u minn Lm200 għal Lm400 (kull wild fi skola primarja). Dawn il-miżuri wkoll huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007. Fl-2006 saru regolamenti dwar kif għandhom jiġu ntaxxati l-host families li jospitaw l-istudenti li jkunu qed jistudjaw Malta. Dawn kienu dejjem taxxabbli bħala negozju, jiġifieri riedu jippreżentaw Profit and Loss Account bid-dħul u l-ispejjeż. Ir-regolamenti l-ġodda jissimplifikaw il-metodu ta’ tassazzjoni u jagħtu tnaqqis ta’ Lm1000 mill-income u wkoll tnaqqis ieħor ta’ 65% tad-dħul li jirriżulta, biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż. Dawn ir-regoli bdew japplikaw mis-sena ta’ stima 2006. Mis-sena bażi 2006 inbidlet ir-rata ta’ taxxa fuq l-income ta’ min jaħdem barra minn Malta. Dan l-income issa qed jiġi ntaxxat b’rata waħda ta’ 15%, iżda taxpayer jista’ jagħżel ir-rati normali tat-taxxa jekk jaqbillu hekk. It-taxxa fuq dan id-dħul qabel kienet ammont fiss fis-sena skond it-tip ta’ xogħol: Lm300 għal ħaddiem bla sengħa, Lm450 għal ħaddiem tas-sengħa, Lm500 għal technician, u Lm1000 għal min jipprovdi servizzi maniġerjali u professjonali.

Taxxi/Tariffi/Miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li matul l-2006 kien hemm xi tibdil fit-tariffi tat-tags minn naħa tad-Direttorat tat-Trasport Pubbliku. It- tags ta’ l-ADT jingħataw lil xufiera li jsuqu vetturi tat-trasport pubbliku u dawn kienu jinħarġu għall-prezz ta’ Lm2 l-waħda. Barra minn hekk kienu jitħallsu 75c oħra għall-ADT Lanyard (zigarella apposta biex tinżamm it -tag ). Dawn it -tags kienu magħmula mill-kartun miksija bill-plastik u faċilment setgħu jiġu falsifikati. Illum dawn it- tags inbidlu u qed jinħarġu forma ta’ tag tal-plastik soda li hija aktar sikura u diffiċilment tista' tiġi kkupjata. Il-prezz tagħha huwa ta’ Lm5, li jinkludi il- lanyard , ir-ritratt, u plastik apposta biex tinżamm fiha it- tag . Dawn it- tags huma validi għal 5 (ħames) snin u mbagħad iridu jinbidlu. Barra dawn t’hawn fuq, saru wkoll xi reviżżjonijiet fir-rati tal-liċenzji tat-triq ta’ vetturi li jintużaw għall-ġarr tal-merkanizija. Lista dettaljata ta’ dawn it-tibdiliet qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Taxxi/Tariffi/Miżati

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnha, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtha matul is-sena 2006? Tista' tindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li f’Settembru 2006, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ introduċiet ħlas ta’ Lm5 ma’ l-applikazzjoni għall-Blue Sticker li jinħareg mill-Kummissarju tal-Pulizija. Dan il-ħlas qed jintuża biex il-Kummissjoni tixtri s-servizz ta’ tabib biex jiċċertifika li l-persuna li tapplika hija verament intitolata għall-Blue Sticker u permezz ta’ hekk qed ikun hemm aktar kontroll fuq il-ħruġ ta’ dawn il-permessi. Ninsab infurmata wkoll li, matul l-2006, ma kien hemm ebda taxxa, tariffa jew miżata oħra li ddaħħlet jew ġiet riveduta mid-Dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet jew aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

ADT — Naxxar

Question

Minħabba li sirt naf li l-ADT tat permess lill-kunsilli lokali ta' l-Iklin u n-Naxxar biex jagħmlu toroq arterjali importanti - No entry for heavy vehicles except to render a service, public transport vehicles and for access- tista' tikkonferma li ċerti arranġamenti f'San Ġwann, bħal Naxxar Road, se jibqgħu jgħoddu u li l-lokal ta' San Ġwann mhux se jibla dawn it-tip ta' vetturi, b'konsegwenza ta' dawn l-arranġamenti ġodda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-ADT tilqa’ dejjem talbiet li jistgħu jtejbu t-traffiku u anke jipproteġu l-eżiġenzi taċ-ċittadin. F’dan il-każ, l-ADT dejjem tagħmel bi prova ċerti talbiet meta dawn ikunu fis-sustanza loġiċi u pertinenti biex isolvu xi problema. Vetturi ta’ ċertu toqol jiġu pprojbiti minn aċċess fejn dan jista’ jtejjeb it-traffiku kif ukoll l-aspett ta’ sigurtà tal-lokal. Wieħed irid jikkunsidra wkoll li ma jistax jagħmel policy li din tista' tiġi applikata kull ħin u kull mument għaliex f’kull deċizjoni wieħed irid jieħu ukoll in konsiderazzjoni r-regolamentazzjoni tat- traffic flow fl-inħawi. Huwa minnu wkoll li jista' jiġi pprojbit l-aċċess għall-ċertu ħin tal-ġurnata għall-vetturi kbar bl’eċċezzjoni meta dawn ikunu qed jagħtu servizz. Għaldaqstant, kull darba li l-Awtorita’ jkollha dawn it-tip ta’ talbiet qed tikkunsidrhom u jekk hu possibbli iddaħal sistema ta’ prova.

Swatar, Msida — Bini residenzjali

Question

L-awtorita' tad-djar għandha xi pjani biex tibni bini residenzjali fil-parti mhux żviluppata faċċata ta' Triq Indri Grima, fis-Swatar, l-Imsida?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar m'għandiex art fiz-zona ndikata mill-Onor. Interpellant.

Msida — Parti mhux żviluppata fi Triq Indri Grima

Question

Il-parti mhux żviluppata faċċata ta' Triq Indri Grima, fis-Swatar, Msida hija earmarked bħala zona ta' żvilupp?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mappa Nru 29 tad-Dokument "Local Plans - Rationalisation of Development Boundaries", li ġie approvat mill-parlament f’Lulju li għadda.

Carers — Night duty disturbance allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema carers fi djar ta' l-anzjani tas-sorijiet humiex intitolati għal night duty distrubance allowance skond il-liġi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' carers fi djar tal-anzjani tas-sorijiet ma jaqgħux taħt id-dekasteru tiegħi.

OPM — Bordijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.