Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-forzi armati ta' Malta humiex qegħdin ikunu konformi mar-regolamenti tal-E-procurement rigward ix-xiri tal-computers jew parts tagħhom? Jista' jikkonferma jekk computers hux qegħdin jiġu mixtrija biċċiet u jingħaqdu minn nies ta' l-AFM stess? Jekk iva, jista' jikkonferma li dawn huma ta' l-istess specifications li joħroġ il-gvern kif elenkat mill-MITTS hardware specifications checklist? Fil-prattika, kif qiegħed jiġi regolat ix-xiri ta' dawn il-computers u parts? Qed ngħid dan għaliex għandi informazzjoni li l-ispecifications li għamilt riferenza għalihom mhumiex jiġu rispettati f'dawn iċ-ċirkostanzi.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-proċedura tal-e-procurement tistabilixxi kif wieħed għandu jitlob stimi, sew għal sistemi ta’ kompjuters sħaħ, kif ukoll għall-components li wieħed jista’ juża sabiex jammonta kompjuter.
Fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant il-proċedura msemmija ġiet esegwita u rispettata; tant hu hekk, li l-components bl-aktar prezz favorevoli ġew mixtrija biex jiġu mmuntati fil-kompjuters imsemmija.
Il-components jinxtraw skond l-ispeċifikazzjonijiet elenkati mill-MITTS fil-hardware specifications checklist u f’ċerti każi kienu anki ta’ kwalità aħjar. Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li anki l-garanzija fuq il-biċċiet mixtrija ġew akkwistati aħjar minn dik li ġeneralment tiġi mogħtija fuq sistemi sħaħ.
Għaldaqstant, il-Forzi Armati jħossu li fil-każ imsemmi, apparti li l-ispeċifikazzjonijiet kienu aħjar minn dawk murija fiċ-checklist msemmija għall-prezzijiet aktar favorevoli, in-know-how u l-esperjenzi tan-nies li l-istess Armata rawmet tul dawn l-aħħar snin ġew utilizzati għall-vantaġġ ta’ l-istess Armata billi ġie akkwistat aktar b’inqas spejjeż.
Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjoni ħadet l-awtorita' dwar it-trasport dwar petizzjoni li ġiet mgħoddija lilha mis-sidien tal-ħwienet f'St. George's Road, San Ġiljan xi xhur ilu dwar il-possibbilta' ta' time parking (ta' madwar 30 minuta) b'mod partikolari fl-inħawi tal-ħwienet li hemm quddiem il-ġnien u ħdejn il-Wembley Garage u l-HSBC?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta' l-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-petizzjoni li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari qatt ma rċevewha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn lukandi llum f'Malta u Għawdex maqsuma skond il-kategorija li huma fiha? Kemm hawn sodod f'dawn il-lukandi maqsuma skond il-kategoriji li huma fiha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq dar Malta fi Brussell? X'inhi l-ispiża li ntnefqet sal-lum?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Dan il-Ministeru ma hux responsabbli għax-xogħolijiet li qed isiru f'Dar Malta. Nitlob lill-Onorevoli Deputat biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li huma intitolati għall-karta r-roża? Min hu intitolat għaliha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ma jżommx statistika dwar in-numru ta’ persuni individwali li huma ntitolati għall-Għajnuna Medika bla Ħlas iżda din tinżamm dwar in-numru ta’ familji ntitolati għal din l-Għajnuna. Ninsab infurmata li dan in-numru hu 8,035.
Biex persuna tkun intitolata għall-Għajnuna Medika bla Ħlas ma jridx ikollha assi kapitali li jaqbżu Lm4,000, jekk tkun persuna weħedha, jew Lm7,000 f’każ ta’ koppja miżżewġa.
F’każ ta’ persuna li ma taħdimx id-dħul tagħha fil-ġimgħa, ikkalkulat skond it-Tielet Parti tat-Tieni Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, ma jridx jaqbeż Lm11.75 għal persuna weħedha u Lm15.25 għal koppja miżżewġa.
F’każ ta’ persuni li jaħdmu, d-dħul mill-impjieg ma jridx jaqbeż Lm51.63 fil-ġimgħa għal persuna waħedha u Lm55.13 fil-ġimgħa għal persuna miżżewġa, wara li titnaqqas il-kontribuzzjoni tas-Sigurta’ Soċjali.
Fejn familja tkun komposta minn aktar persuni mill-persuna singla jew mill-kap tal-familja u martu, skond il-każ, il-limiti ta’ dħul imsemmija qabel jiżdiedu bi Lm3.50 fil-gimgħa għal kull persuna addizzjonali.
Ta’ min iżid li persuni li jbatu minn mard speċifiku, bħal ma’ huma diabete, tuberkulosi, lebbra jew poliomilitis kif ukoll persuni li qed jirċievu Għajnuna Soċjali jew pensjoni mhux kontributorja mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jikkwalifikaw għall-Għajnuna Medika bla Ħlas mingħajr it-test tal-mezzi.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikanti li qed jistennew adozzjoni ta' tfal? Liema huma dawk il-pajjiżi li qed jagħtu tfal għall-adozzjoni li magħhom pajjiżna għandu ftehim għal dan l-iskop?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li preżentament hemm 222 applikazzjoni għall-adozzjoni reġistrati mad-Dipartiment għal Standards ta’ Ħarsien Soċjali.
Malta għandha ftehim formali dwar adozzjoni ma’ l-Albanija u r-Rumanija. Inżid ngħid li Malta hi wkoll firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1993, dwar il-Protezzjoni ta’ Ulied u Ko-operazzjoni dwar l-Adozzjoni fost il-Pajjiżi.
Tista' l-Ministru tgħid min hu intitolat għall-pensjoni tal-wens?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Persuna tikkwalifika għall-Pensjoni tal-Wens imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jekk:
· tkun mhux miżżewweġ/a jew armel/armla;
· tkun ċittadina Maltija u tirrisjedi regolarment f’Malta;
· l-assi kapitali tagħha ma jkunux jaqbżu Lm6,000
· id-dħul tagħha fis-sena ma jkunx jaqbeż 60% tal-Paga Minima Nazzjonali applikabbli għal persuni ta’ 18-il
sena jew iżjed;
· tkun qed tieħu ħsieb, weħedha, fuq bażi full-time u regolarment, tal-ġenitur tagħha jew ħuha, oħtha,
nannitha, zijuha, zijitha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett li jkun/tkun qed jgħix
fl-istess dar ta’ l-applikant/i u, minħabba infermita’, jkun/tkun kostrett/a li j/tgħaddi ħajtu/ħajjitha f’sodda jew f’wheelchair.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm investiment barrani dirett f'Għawdex kull sena mill-1999 sa l-2005 u kull xahar fl-2006? Jista' jgħid fejn sar l-investiment?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Intrpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il petizzjoni saret kull sena mis-sena 2000 'l hawn dwar riżultati ta' Bordijiet ta' Għażla għal ħatriet/promozzjonijiet fis-settur pubbliku? Kemm-il riżultat nstab li kien żbaljat? Għal liema postijiet kienet il-ħatra/promozzjonijiet f'kull każ? F'liema ministeru kienu l-postijiet f'kull każ? X'kien l-iżball f'kull każ? X'rimedju ngħataw dawk il-kandidati li kienu ntlaqtu ħażin bir-riżultat żbaljat? Minn min kien kompost il-bord f'kull każ? X'passi ħa l-Prim Ministru biex jassigura li dawn l-iżbalji ma jibqgħux jiġru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-proġetti, korsijiet, eċċ. li huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2004-2006 li għadhom ma tlestewx? X'sar s'issa fuq kull wieħed minnhom? X'jonqos isir? Meta għandhom jitlestew skond il-ftehim ta' finanzjament li sar ma' l-Unjoni Ewropea? Kemm kienet l-istima oriġinali fil-ftehim ta' finanzjament u x'se tkun l-ispiża finali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skond it-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħidli x'kuntratti ngħataw fl-2006 u din is-sena għall-asfaltar ta' toroq residenzjali? Min ħadhom u kemm hu l-valur ta' kull kuntratt? Meta għandha titlesta kull triq? Kien hemm xi varjazzjoni fil-prezz tal-kuntratt wara li beda x-xogħol? Jekk kien hemm, x'inhu l-valur il-ġdid? Xi ħlasijiet saru s'issa fuq kull triq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fl-iskeda li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. L-iskeda turi wkoll il-kumpaniji li offrew għal dan ix-xogħol u l-ammonti ta' l-offerti. Ix-xogħlijiet li għadhom ma sarux ser jitlestew aktar tard matul din is-sena.
Tista' l-Ministru tgħid x'kien il-valur tal-kuntratt u x'kienet l-ispiża finali ta' kull tender li ngħatat lir-Road Construction Ltd mill-1999 sal-lum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li malli l-informazzjoni kollha tkun miġbura, din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fin-negozjati għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea l-gvern ma ħax il-passi meħtieġa biex iġib deroga mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex fuq il-bażi li l-forzi tas-suq weħidhom ma jħallux li jintlaħaq livell ta' servizz sodisfaċenti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' Għawdex? Jaf li Franza, Spanja, il-Portugal u l-Greċja hekk għamlu biex iħarsu l-interessi tal-gzejjer tagħhom?
Response (FRENDO, MICHAEL)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 23736, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, ċioe lil-Ministru għall-Kompettivita u l-Kommunikazzjoni.
Jista' l-Ministru jara kif jista' jgħin biex sqaq nru 1, Triq San Pawl, Rabat, Malta jiġi mdawwal sew b'sistema ta' street lighting għaliex id-dlam fit-triq qiegħed ikun ta' periklu għar-residenti tal-lokal?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li r-responsabbilta’ ta’ l-street lighting fit-triq imsemmija hija tal-Kunsill Lokali tar-Rabat. L-istess Kunsill għandu jagħmel applikazzjoni lil Enemalta biex din tiġi investigata.
Jekk l-applikazzjoni tiġi aċċetata, il-Kunsill Lokali imbagħad jieħu ħsieb biex titwaħħal il-lampa jew lampi skond il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li applikaw biex joqogħdu għal kull suġġett li jiġi offrut fl-eżamijiet tas-SEC li se jsiru fi ftit xhur oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22667, jista' l-Ministru jgħid meta se jintgħażlu l-persuni li jiffurmaw il-kunsill ta' l-għalliema? Jista' jgħid ukoll x'se jiġri mit-13-il każ pendenti ħalli ma jdumux aktar jistennew?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed jittieħdu passi biex l-organizazzjonijiet stabbiliti fil-liġi jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom fuq il-kunsill.
Dwar il-każi pendenti qed tiġi verifikata l-pożizzjoni ta' kull każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-programmi sportivi kważi spiċċaw għal kollox mill-istazzjoni tax-xandir nazzjonali tal-PBS? Jista' jgħid x'sar mill-preżentaturi u kummentaturi sportivi li kienu jaħdmu mal-PBS, kemm dawk full-time kif ukoll part-time?
Response (GATT, AUSTIN)
L-iskeda tax-xandir tal-PBS issir skond il-politika nazzjonali dwar ix-xandir li l-gvern ippublika fl-2003. Il-Board Editorjali tal-PBS, li hu Board awtonomu f'materji li għandhom x'jaqsmu ma l-obbligi tas-servizz pubbliku tal-PBS, perjodikament jirraporta dwar kemm il-PBS jissodisfa jew le l-obbligi tiegħu.
Ma jirriżultax illi kif jgħid l-Onor. Interpellant "l-programmi sportivi kważi spiċċaw għal kollox." Il-PBS juża diversi ġurnalisti sportivi u qatt ma kellu kummentaturi sportivi full time.
L-ġurnalisti li qed jieħdu sehem fl-iskedi kurrenti ġew magħżula wara sejħa pubblika għall-programmi sportivi.