Jista' l-Viċi Ministru jgħid jekk is-siġar fi Triq Proserpina, l-Imtarfa jistgħux jiġu miżbura u dan b'urġenza għaliex qed ikunu waħda mill-kawżi li jġibu l-ħmieġ fiz-zona u dan b'konsegwenza li hemm infestazzjoni ta' ġrieden?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23714 jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-applikanti li applikaw għal pilots ma' l-Air Malta f'Jannar li għadda u li ma ntagħżlux minħabba li ma kellhomx A levels imma kellhom il-kwalifikazzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa, hux se jintagħżlu biex jagħtu servizz lill-Air Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dawk l-applikanti li għandhom ‘A’ level fil- Physics jew Mathematics jew Computer Science jew Business Studies jew suġġett ekwivalenti (kontenut u livell) kif ċertifikat mill- Malta Qualification Recognition Information Centre u kwalifikazzjonijiet oħra meħtieġa jiġu kunsidrati biex jagħtu servizz lill-Air Malta.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew boarded out mill-impjieg fis-settur pubbliku u fis-settur privat mill-1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 2006, sena, sena? Tista' l-Ministru tikklassifika t-tagħrif għal Malta u għal Għawdex? Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti u tikklassifikahom għal Malta u għal Għawdex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ebda dipartiment jew entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżommu statistika dwar in-numru ta’ persuni li jiġu boarded out mis-settur pubbliku jew mis-settur privat. Id-Dipartiment tas-Siġurta’ Soċjali jżomm statistika dwar in-numru ta’ talbiet għall-Pensjoni għall-Invalidita’ u dawk aċċettati u mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
Ninsab infurmata wkoll li ma tinżammx statistika dwar ix-xogħol li kienu jagħmlu persuni qabel ma japplikaw għall-Pensjoni għall-Invalidita’ u li l-istatistika dwar il-lokalita’ ta’ l-applikanti bdiet tinżamm mis-sena l-oħra.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni dwar in-numru ta’ talbiet milqugħa għall-Pensjoni għall-Invalidita’ għas-snin indikati mill-Onor. Interpellant u dawk pendenti fl-14 ta’ Frar 2007.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġew aċċettati applikazzjonijiet għal work permits lil third country nationals matul is-sena 2005 u 2006? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm applikazzjonijiet li ġew aċċettati fis-sena 2006, iżda l-istess applikanti kellhom r-renewal tagħhom miċħuda f'Jannar 2007? Jekk iva, jista' l-Ministru jispjega kif l-ewwel darba l-applikazzjoni ġiet aċċettata iżda r-renewal ġiet rifjutata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 2005 (1 ta’ Awissu sa 31 Diċembru) in-numru ta’ applikazzjonijiet għal work permits lil third country nationals li ġew aċċettati kien ta’ 647 u matul is sena 2006 in-numru ta’ applikazzjonijiet għal work permits lil third country nationals li ġew aċċettati kien ta’ 4064. Minn dawn :-
838 jappartjenu lill-Malta Shipyards
426 jappertjenu lill-Mater Dei
Mill-oħrajn :-
1,548 kienu mġeddin
1,251 kienu ġodda.
In-numru ta’ applikanti li kellhom l-applikazzjoni aċċettata fis-sena 2006, iżda kellhom r-renewal tagħhom miċħud f'Jannar 2007 kien ta’ 32.
Iċ-ċaħda tar-renewal ta’ l-applikazzjonijiet kienet a bazi ta' diversi raġunijiet:
-l-applikant ma kellux formola ta’ bidu ta' xogħol mimlija
-l-applikant ma kellux impjieg skond il-liġi tax-xogħol (paga minima u ħinijiet tax-xogħol)
-l-applikant ma ġġustifikax il-bzonn għall-pozizzjoni tiegħu
-kien hemm ċittadini Maltin jew ta’ l-Unjoni Ewropea li setgħu jagħmlu dak ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jibdel jew jirranġa is-sistema prinċipali tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Luqa peress li minħabba estensjoni ta' bini dan mhux qed ilaħħaq u sikwit dan iffawwar ġod-djar b'inkonvenjent kbir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-introjtu tal-Gvern in ġenerali minn dawn il-miżuri:
miċ-ċitazzjonijiet li jagħtu il-wardens fuq traffiku
miċ-ċitazzjonijiet li jagħmlu ALE
miċ-ċitazzjonijiet li jagħtu l-environment wardens
Dan għas-snin 2005 u 2006?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ċ-ċitazzjonijiet li jirrigwardjaw id-doveri prinċipali tat-Taqsima ta' l-Administrative Law Enforcement tal-Pulizija, jiġu proċessati quddiem il-Qorti jew Tribunal u mhux permezz ta' tickets. Għaldaqstant it-tagħrif mitlub jiddependi mill-multa inflitta mill-Qorti jew Tribunal f'kull każ ta' ħtija u t-tagħrif mitlub mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ċentrali ma jieħu xejn mid-dħul tal-penali taċ-ċitazzjonijiet li jagħtu l-Gwardjani Lokali. Dan l-introjtu jintuża biex jitħallsu l-ispejjeż konnessi ma' l-għoti tas-servizz, inkluż dak tal-Aġenziji tal-Gwardjani Privati, l-Uffiċjali Awtorizzati u spejjeż amministrattivi oħra, filwaqt li l-bilanċ jitqassam lill-Kunsilli Lokali skond l-arranġament kuntrattwali li jkollhom fil-Kumitat Konġunt.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-injection Calcitonin (100cu) mhux qed ikunu in stock, saħansitra kien hemm perijodu li damu anke tlett xhur out of stock?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li stokk minn din il-mediċina Calcitonin Injection (100iu) tinsab fl-ispiżeriji tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji addottati biex anzjani applikati għad-dħul fid-dar residenzjali għall-anzjani, St Vincent de Paule, jiġu admitted? Jista' jagħti l-lista ta' l-anzjani li ddaħħlu f'St Vincent de Paule mis-sena 2003, sena b'sena sas-sena 2006, kategorizzati nisa u rġiel, eta' u l-lokalita' ta' l-oriġini tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23918 għadha qed tinġabar u titpoġġa fuq il-Meja tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu mwaqqaf l-Humanitarian Committee fil-Ministeru jew fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jittratta l-każijiet partikolari dwar l-eżenżjoni mis-soprataxxa fuq il-konsumm tad-dawl u l-ilma għal persuni b'diżabilita', i.e. l-kumitat li rreferiet għalih, waqt konferenza għal media msejħa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', t-Tlieta, 13 ta' Frar, 2007?
Min huma l-membri ta' dan il-kumitat? Fuq liema kriterju ġew magħżula l-membri biex iservu fuq dan il-kumitat? Liema każijiet qiegħed jittratta, i.e. ta' persuni b'diżabilita' biss, jew anke ta' oħrajn? Xi kriterji qiegħed juża biex jiddeċiedi liema applikazzjonijiet japprova u oħrajn ma japprovahomx? Dawn il-kriterji ġew ippublikati x'imkien?
Kemm-il applikazzjoni kien hemm ta' persuni b'diżabilita' u jekk jittratta applikazzjonijiet oħra kemm kien hemm min dawn? Kemm-il applikazzjoni ġiet approvata minn meta twaqqaf dan il-kumitat, u ta' liema kategorija, u kemm ma approvax u għaliex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-kumitat maħtur biex jikkunsidra talbiet għal eżenzjoni mis-surcharge fuq il-konsum tad-dawl u ilma fuq bażi umanitarja twaqqaf f’ Mejju tas-sena l-oħra.
Dan il-kumitat hu kompost kif ġej:
Chairman
Is-Sur Alfred Portelli
Membri
Dr. Louis Bonello, M.D.
Dr. Victoria Farrugia, M.D.
Is-Sur Jesmond Schembri
*
Segretarja
Ms Marvic Cordina
*sat-2 ta’ Frar 2007
Il-membri ta’ dan il-kumitat ġew maħtura a bażi tal-kompetenza u l-esperjenza fil-qasam tax-xogħol jew professjoni rispettiva tagħhom.
Dan il-kumitat jikkunsidra talbiet minn familji li, għalkemm ma jikkwalifikawx għall-eżenzjoni mis-surcharge fuq il-konsum tad-dawl u ilma skond it-test tal-mezzi, jistgħu jikkwalifikaw għal din l-eżenzjoni fuq bażi umanitarja minħabba ċirkustanzi partikolari relatati ma’ marda jew kundizzjoni ċertifikata.
Il-kriterji approvati li jimxi fuqhom dan il-kumitat huma li: -
(a) xi membru fil-familja j/tkun qed i/tbati minn marda jew kundizzjoni ċertifikata fejn ikun meħtieġ konsum eċċessiv ta’ dawl u ilma, u
(b) d-dħul kollu tal-familja ma jkunx jeċċedi Lm13,270 fis-sena.
Ninsab infurmata li, sa l-aħħar ta’ Jannar 2007, in-numru ta’ talbiet referuti lil dan il-kumitat kien ta’ 64. Minn dawn, 24 każ ġew aċċettati u ngħataw l-eżenzjoni, 27 każ ġew miċħuda għax ma kienux jissodisfaw il-kriterji msemmija u 13 il-każ għadhom qed jiġu kkunsidrati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istatistika tal-attivitajiet tal-Qrati mhux qed tkun aġġornata u r-rapporti ilhom ma jiġu pubblikati sa mis-6 ta' Frar, 2004?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-istatistika ta' attivitajiet tal-Qorti li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija dwar in-numru ta' kawżi introdotti, pendenti u maqtugħa fil-Qrati u Tribunali Ċivili, ninsab infurmat illi tali statistika hija aġġornata kull xahar u l-aħħar statistika li wieħed isib fuq is-sit www.mjha.gov.mt hija korretta sa l-aħħar ta' Diċembru 2006.
B'referenza għal Triq Emm Galizia, f'Ta Xbiex fejn il-kunsill lokali għamel linji sofor esaġerati għad-dannu ta' parking għar-residenti, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-linji humiex approvati mill-Awtorita' dwar it-Trasport? Jekk le, dawn se jitneħħew?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li ma nstabet l-ebda approvazzjoni għal double yellow lines fi Triq Emm Galizia li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. Iżda t-taqsima kienet ukoll infurmat lill-Kunsill Lokali li minħabba li t-triq hija wisa’ biss 7.3metri u hija wkoll 2 ways għaldaqstant mhux rakkomandabli li jsir parkeġġ fit-triq. B’talbiet bħal dawn isir single line mhux double yellow line. It-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku ser tieħu l-passi neċessarji dwar dan il-każ.
Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima rriżulta li hemm
double yellow line
għal tul ta’ 8.7metri mill-kantuniera. Skond il-Kodiċi tal-Vettura bil-Mutur,
double yellow line
f’kantunieri għandhom ikunu tul ta’ 5 metri biss.
Jista' l-Ministru jara li jingħata mill-aktar fis s-servizz ta' l-ilma lil familja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha mingħajr s-servizz ta' l-ilma għal dawn l-aħħar sentejn?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma tistax tinvestiga l-każ jekk ma jkollhiex iktar dettalji bħal isem ta' l-applikant, numru tat-telefon, numru ta' l-applikazzjoni jew indirizz komplut.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, matul l-2006, n-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħti kienet tammonta għal:
Head Office: Lm 12,335.70
Ambaxxati: Lm 885,077.38.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' xtieli/pjanti tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru, dipartimenti, dekasteru u l-enti kollha li jaqgħu taħti ma kellhom l-ebda spejjeż f'kiri ta' xtieli jew pjanti matul l-2006.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' għamara/pittura tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2006, l-Ministeru, dipartimenti, dekasteru u l-enti kollha li jaqgħu taħti ma nefqu xejn f'kiri ta' għamara jew pittura.
Ġieli kellna nikru xi siġġijiet għall-okkazjonijiet partikolari bħal per eżempju lecturespubbliċi.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali ta' l-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazjoni għada qed tinġabar u r-risposta tingħata f' seduta oħra..
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-awtorita' dwar it-trasport aċċettat li tawtorizza parking bay qrib stop sign fi Triq Balliju Guttenberg, ma' Triq G. Ellul Mercer fis-Swatar, Msida?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku ma nstabet l-ebda korrispondenza jew approvazzjoni għal Parking Bay li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li d-distanza bejn il-kantuniera u l-Parking Bay hija ta’ 7.5 metri. Din id-distanza hija aktar mill-5.0 metri stipulat bil-liġi u hemm double yellow lines fuq in-naħa l-oħra tat-triq u għalhekk hemm wisgħa biżżejjed. Tali parking bay ma tostakolax il-viżibilita’ u l-anqas ma tillimita il-movimenti tal-vetturi f’din il-junction. Ukoll l-iSTOP sign u road markings jidhru sewwa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ex-ħaddiema tal-posta li jinsabu jaħdmu f'diversi dipartimenti tal-gvern għadhom jirċievu l-P3 tagħhom identifikati bħala senior postmenmeta dawn ilhom li nqatgħu minn dan ix-xogħol snin sħaħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ex-impjegati tal-Maltapost li ġew lura mal-Gvern wara l-1 ta’ Novembru 2003 baqgħu iżommu l-istess nominklatura li kellhom qabel kienu qalbu minn Posta Ltd għal Maltapost iżda mill-aspett finanzjarju żammu l-istess salarju li kienu qed igawdu skond il-grad li kellhom mal-Maltapost.
Dawn l-arranġamenti saru bi ftehim bejn il-Unions rispettivi tal-ħaddiema u mal-MPO.