B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23510 jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-awtorita' dwar it-trasport pubbliku biex tagħlaq St Anthony Street, f'Buġibba? X'jiġri fil-każ li r-residenti jkollhom bżonn ambulanza jew fire engine għal xi emerġenza f'din it-triq? Kif se tkun aċċessibbli din it-triq f'każ ta' emerġenza?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
X'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-applikazzjoni tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ġabet 50 punt biss meta din qed ikollha torqod fuq sufan f'salott f'dar fejn jgħixu disa' persuni li mhix spazjuża biżżejjed għalihom lkoll?
Għal xiex se tintuża l-mina li tħaffret minn Wied iż-Żiju l/o Sant'Antnin sal-power station ta' Delimara? Meta beda x-xogħol ta' tħaffir tal-mina li mill-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant Antnin Wied il-Għajn twassal għal power station ta' Delimara?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' sussidju fuq dawl u ilma ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separamenta, li tgħix bil-pensjoni ta' l-invalidita' li qed jitlob li s-sussidju li kien jieħu fuq il-post fejn kien joqgħod jiġi trasferit għall-post ieħor?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Kemm twieldu trabi f'Malta minn immigranti illegali fl-aħħar sitt snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' trabi li twieldu bejn l-2002 u l-2006 minn immigranti irregolari f'ċentri ta' detenzjoni kien ta' 48 kif muri hawn taħt sena b'sena:
2002 - 13 trabi
2003 - 12 trabi
2004 - 10 trabi
2005 - 3 trabi
2006 - 10 trabi
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li wara li tlesta l-iċċangar tal-bankina tax-xatt tal-Birgu, din reġgħet qegħda titkisser? Min hu responsabbli ta' dawn l-ispejjeż żejda?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 22995. Parti mill-ħsarat ġew imħallsa min minn għamel il-ħsara u l-bqija ġew imħallsa mill-gvern.
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li minn meta qiegħdna il-planters il-ħsara waqfet u qed inkomplu nilqgħu għal ħsarat simili permezz ta' railings ħdejn rampi għal aċċess pedonali. Qed jittieħdu miżuri wkoll min naħa tal-Mużew Marittimu biex ma jitilgħux aktar vetturi fuq il-bankina.
Peress li xhur ilu l-Ministru qal li kienu qed jistennew biex isir xogħol fuq il-kaptelli perikolużi fi Pjazza G. Gulia Bormla, jista' jgħid fhiex waslu l-affarijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ġimgħa d-dieħla ser isir meeting fuq il-post u dan ix-xogħol mistenni jibda' fil-ġranet ta' wara.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fetħu spiżeriji mis-sena 2000 sal-lum u f'liema lokalita' kienu? Xi proċedura intużat sabiex ingħata permess lil dawn l-ispiżeriji ġodda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Spiżeriji li ngħataw liċenzji
Lokalita'
Data tal-Liċenzji
St. Joseph
Qala
17/11/2000
Baħrija
Rabat
15/4/2002
San Giorgio
Pembroke
8/15/2003
San Ġwakkin
Marsascala
20/10/2003
Medicine Chest
Għargħur
23/6/2004
Oxybar
(permess għad-dispensa tal-ossiġnu biss)
Kirkop
22/12/2005
Vella Pharmacy
Nadur
26/6/2006
Sokkors Pharmacy
Kerċem
3/10/2006
Il-proċedura li tintuża għall-għoti ta' permessi ġodda tinvolvi li l-applikazzjoni tiġi evalwata mill-kumitat konġunt kompost mill-Ministeru tas-Saħħa, il-GRTU u l-Kamra ta' l-Ispiżjara fuq rakkomandazzjoni u qbil minn dan il-kumitat, il-liċenzja ġdida tkun tista' tingħata.
Awtorita' dwar is-Saħħa u s-Sigurta — Performance allowance/bonus
Question
Jista' l-Ministru jgħid teżistix xi forma ta' performance allowance/bonus fl-Awtorita' dwar is-Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol? Jekk fl-affermattiv, min hu intitolat għaliha u x'ammonti ttieħdu sal-lum mis-sena 2001, maqsuma sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm taħdidiet mal-Union li tirraprezenta l-maġġoranza tal-ħaddiema ta' l-Awtorita' dwar is-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol dwar tiġdid tal-Collective Agreement, li għandu jkopri l-perjodu 2007-2010. Mogħti l-parir li ma jkunx propizju li din l-informazzjoni tingħata fil-prezent.
Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23234, 20614 u 22472 u jgħid kemm applikaw studenti għall-istituti kollha ta' l-MCAST mis-sena 2002 sa l-aħħar sena skolastika separatament għal kull sena u għal kull istitut? Jista' bl-istess mod jgħid kemm ġew aċċettati minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-informazzjoni mitluba ma tinżammx kompilata b'mod li tirrifletti bl-eżatt il-pożizzjoni kif mitluba għall-kull sena msemmija (2002-2006). Mill-applikanti ikun hemm min ma jikkwalifikax għall-kors magħżul, min jirrifjuta l-offerta ta' l-MCAST biex jibda l-kors, min jibda l-kors u wara xahar jibdel, min jibdel il-kors fl-MCAST stess u ċirkostanzi oħra. L-MCAST għad m'għandux sistema ta' informatika li żżomm rekord ta' dan kollu u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma nistax nagħtiha.
Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari W295 u jgħid jekk huwiex l-każ li għad hemm studenti li qed jiġu aċċettati fl-MCAST, u jagħti l-informazzjoni sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Għas-sena akkademika 2006-2007 it-tagħrif mitlub beda jinżamm fil-formola kif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23447 dwar kaz ta' pensjonant, minħabba li fit-Tarzna hemm ħlas l-istess għall-istess grad u xogħol, taħsibx il-Ministru li hemm xi anomalija allura jew inkella xi difett fil-Ftehim Kollettiv li kien ġie ffirmat għall-ħabta ta' l-1999?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk Gnien Brejgu li jinsab fi Triq Mikiel Cachia fiz-Zejtun jaqax taħt ir-responsabbilta' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet jew le? Jekk fin-negattiv, f'idejn min qiegħed jew minn min huwa amministrat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art fejn hemm il-ġnien in kwistjoni ġiet esproprjata mingħand il-privat. Fuq parti minnha il-kuntratt għadu ma sarx u għalhekk għadha mhix tal-Gvern. Fuq dan il-ġnien it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma saritilha l-ebda talba għal devoluzzjoni mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun. Għalhekk jidher li bħal ġonna oħra ta' dan it-tip, dan il-ġnien jaqa' taħt ir-responsabbilita' tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jara li l-istudent li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separtament, jingħata l-għajnuna li għandu bżonn waqt l-eżamijiet minħabba li ġie suġġerit li għandu bżonn reader u ħin żejjed? Jista' jgħid ukoll jekk għandux applikazzjoni pendenti quddiem l-istatementing board u kemm ilha pendenti minħabba li jidher li ilha aktar minn sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-dokumenti u ċ-ċertifikati mediċi meħtieġa għall-iStatementing Board daħlu f'Diċembru 2006. L-appuntament mal-Bord huwa għal Marzu ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jara li jitkompla x-xogħol neċessarju f'bini li waqa' u li spiċċa biex ħalla d-dar ta' l-appoġġ b'ħajt singlu bi tbatija għall-koppja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li din id-dar spiċċat tkun f'kondizzjoni ta' kesħa kbira?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fuq il-fond in kwestjoni kienet saret talba permezz ta’ applikazzjoni PA 164/06 biex jitwaqqa’ l-bini imsemmi però din kienet irtirata. Saret talba oħra (DS 0034-06) biex jitneħħew is-soqfa li kienu fil periklu li jiġġarfu. Fil-fatt, din l-awtorizzazzjoni ħarġet fis-16 ta' Marzu 2006 biex isir dan ix-xogħol biss. Dan huwa l-uniku permess li hemm fuq is-sit. Mhemm xejn fil-liġi li jagħti l-jedd lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tordna lis-sid li jagħmel xi xogħol li mhuwiex kopert bil-permessi meħtieġa. Sid il-propjetà li jsoffri danni minn azzjoni ta’ sidien ta’ propjetà aġġjaċenti jista’ jfittex għad-danni u jieħu miżuri oħra simili skond il-liġi kontra min qiegħed jikkawża l-ħsara.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23796 li tgħid: Possibbli l-awtorita' dwar it-trasport ġentilment tikkonsidra li ssir private road fi Triq il-President Anton Buttiġieġ, Żejtun minħabba r-riskju kbir li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti ta' din it-triq minħabba l-ammont kbir ta' traffiku li jgħaddi minn din it-triq u inċidenti kontinwi uħud minnhom fatali li qed ikun hemm f'din il-bypass fejn lejl u nhar jgħaddu eluf ta' karozzi?
Hija nformata l-awtorita' dwar it-trasport li minbarra inċidenti tat-traffiku, inkluż inċident fatali b'mod regolari diversi familji qed jispiċċaw bil-parapetti tagħhom imkissra minn karozzi li jibqgħu deħlin waqt li familji oħrajn spiċċaw bil-vetturi tagħhom imkissra waqt li jkunu pparkjati quddiem il-bieb għax jidħlu fihom karozzi/trakkijiet li jkunu għaddejjin bi speed eċċessiv?
Billi hemm fejn issir private road biex ir-residenti jiġu separati mill-bypass, tistax din l-alternattiva tiġi kkonsidrata bis-serjeta'? Possibbli li l-awtorita' dwar it-trasport tagħmel żjara fuq il-post?
Billi qed jingħad li l-awtorita' dwar it-trasport beħsiebha tagħmel bicycle lane f'din it-triq, tista' tikkonsidra l-private road minflok għax jekk issir bicycle lane kif inhi t-triq fil-preżent il-problema tiġi agħar u r-riskju jikber mhux biss għar-residenti imma anke għal min jissogra jmur bil-bicycle tiegħu f'din it-triq?
Jimporta jekk l-awtorita' dwar it-trasport tikkonsulta r-residenti ta' din it-triq qabel tieħu deċiżjoni għax fl-aħħar mill-aħħar huma n-nies li jafu l-aktar x'jeħtieġu li qegħdin f'riskju kontinwu?
Possibbli l-Ministru ġentilment jara li permezz ta' l-awtorita' dwar it-trasport ningħata t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha li għamilt?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li hu l-valur tal-ħsarat li saru fi ġnien Howard fir-Rabat wara l-inċidenti ta' vandaliżmu li saru kemm ilu li ġie inawgurat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li huwa stmat li minn mindu nfetaħ Ġnien Howard saret madwar Lm 2,000 ħsara.