Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnuna soċjali

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 23739 u tgħid kemm kien hemm persuni jirċievu l-għajnuna soċjali sa l-aħħar ta' Diċembru 2006? Kemm kien hemm persuni li resqu quddiem il-bord ta' l-invalidita' fl-2005 u fl-2006 separatament? F'kull każ, kemm minn dawn il-persuni ma kkwalifikawx għall-pensjoni? Kemm kien hemm persuni jirċievu l-pensjoni ta' l-anzjani (OAP) sa l-aħħar ta' Diċembru 2006? Kemm kien hemm familji jirċievu l-allowance tat-tfal f'Diċembru 2005 u f'Diċembru 2006?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni dijabetiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-każ ta' persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete u li jkollhom jużaw l-insulina, ma jingħatawx siringi biżżejjed, partikolarment għal dawk il-persuni li jkollhom jittaqbu aktar minn darba kuljum? Għaliex bħala medja qed jingħataw 12-il siringa fix-xahar biss, meta dawn jinħtieġu ħafna aktar? Għaliex dawn l-istess persuni ma jingħatawx l-isticks li permezz tagħhom jittestjaw id-demm? Jaf l-Ministru li hemm għadd kbir minn dawn il-persuni b'din il-kundizzjoni li sfortunatament m'għandhomx il-mezzi finanzjarji biex ilaħħqu ma' dawn it-tip ta' spejjeż essenzjali? X'beħsiebu jagħmel il-gvern biex lil dawn il-persuni dijabetiċi jkunu mgħejjuna ħalli ma jkomplux jitgħabbew b'piżijiet li ma jifilħux għalihom u li sfortunatament f'ħafna minn dawn il-każijiet, lanqas ma jkunu jistgħu jlaħħqu maż-żamma ta' dieta tajba kif titlob din il-kondizzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

1. Il-policy dwar l-għoti ta' siringi lid-dijabetici li jużaw l-insulina hija skond gwidi internazzjonali . Għaldaqstant ġiet stabbilita policy li jingħataw 10 siringi fix-xahar. 2. L-isticks għal kontroll taz-zokkor fid-demm mhumiex mediċini. Skond ma jippermettu r-riżorsi tal-pajjiż qed jibbenifikaw mill-konċessjoni ta' sticks b'xejn għall-ittestjar tad-demm dawk id-dijabetiċi li għandhom 35 sena jew inqas u nisa li huma dijabetiċi matul it-tqala, irrispettivament mill-eta'. 3. Id-dijabetiċi qed jiġu mgħejjuna b'meżżi oħra jiġifieri: i. Permezz ta' għoti tal-karta r-roża lid-dijabetiċi kollha irrispettivament mill-meżżi finanzjarji tagħhom, li tintitolhom, għal mediċini b'xejn skond il-lista approvata, liema lista tkopri wkoll kura għal mard ieħor mhux biss dijabete. ii. Assistenza soċjali fi flus sabiex ilaħħqu ma' l-ispejjez tad-dieta speċjali li jkollhom bżonn id-dijabetiċi, wara li jissodisfaw il-means test skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.

Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 20028. L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-kumplament tas-sena 2006 qiegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Riżorsi u Infrastruttura — Kiri ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali fuq kiri ta’ propjeta’ mid-dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kienet ta’ Lm 221,645.20.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Kiri ta' xtieli/pjanti

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' xtieli/pjanti tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fid-dipartiment ma jinżamx rekord separat ta' xi nefqiet fuq kiri ta' xtieli / pjanti.

Riżorsi u Infrastruttura — Kiri ta' pjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' xtieli/pjanti tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali għall-kiri ta’ xtieli u pjanti mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura matul is-sena 2006 kienet ta’ Lm 236.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Kiri ta' għamara/pittura

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' għamara/pittura tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma saret l-ebda nefqa ta' din ix-xorta.

Riżorsi u Infrastruttura — Kiri ta' għamara/pittura

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' għamara/pittura tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali li saret matul is-sena 2006 għall-kiri ta’ għamara/pittura mid-dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kienet ta’ Lm 30 u li din ġiet irkuprata.

Riżorsi u Infrastruttura — Ikliet/Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali fuq ikliet/hospitalitygħad-dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura matul l-2006 kienet ta’ Lm 3,730.88.

Gharghur — Triq Santa Katerina

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 23249 u 22954 u jgħid: Minħabba l-inkonvenjent ikkawżat għar-residenti ta' Triq Santa Katerina fil-Għargħur, il-gvern għandu ħsieb li jirrivedi d-deċiżjoni li tillimita l-aċċess għat-triq għar-residenti, għall-bdiewa lokali kif ukoll għall-impjegati tal-kamra tan-nar billi teknikament kull karozza li tidħol biex tipprovdi servizz għandha r-riskju li taqla' ċitazzjoni? Jikkonferma l-Ministru dak li ġie rrappurtat fil-media lokali li d-deċiżjoni ġiet mehuda fuq livell ta' Kabinett?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 23249.

Kontijiet tat-telephone

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23257, jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-nefqa f'kontijiet tat-telefon ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi kienet Lm6,348 fit-2005 u Lm6,283 fit-2006.

Kontijiet tat-telephone

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23252 u jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fir-rigward tat-tieni parti ma narax li hija prudenza li nsemmi l-ismijiet fil-Parlament.
Leg 10 PQ #23596 Sitting 498 2007-02-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Konsulenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23268, jista' l-Ministru jgħid x'kien jitratta r-rapport ta' konsulenza tal-KPMG dwar il-Libja?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Dan ir-rapport kien jittratta materji relatati mas-sistemi legali taż-żewġ pajjiżi dwar investiment u kummerċ u x'jista' jsir biex dawn jittejbu. Dan is-suġġett issa hu materja għall-Working Group li ġie mwaqqaf b'riżultat tal-kummissjoni konġunta li ltaqgħat fi Tripli l-ġimgħa li għaddiet.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Uffiċjali governattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi fil-ministeru tiegħu u fid-dekasteri li jaqgħu taħtu matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul l-2005 tħallsu Lm766.77 f'kontijiet tat-telephone ta' residenżi ta' uffiċjali governattivi fil-Ministeru tiegħi filwaqt li fl-2006 tħallsu Lm1210.98. Ma narax li hija prudenża li nsemmi l-ismijiet fil-Parlament.

Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23274 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Iklin — Pelican lights

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18426, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma nżammitx il-wegħda li kienet saret meta l-pelican lights kellhom jiġu stallati fis-sajf ta' l-2006? Ma jaħsibx li wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni mmedjata? Jista' jagħti data ta meta se jiġu stallati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt għal dawn il-lights ingħata fis-17 ta' Jannar, 2007. Dawn ser jitwaħħlu fil-ġranet li ġejjien.

Hal Qormi — Triq l-Armal

Question

Jista' l-Ministru jagħti data definittiva ta' meta se jinbeda x-xogħol fuq Triq l-Armal, Hal Qormi jew jintlaħaq xi forma ta' ftehim mal-kuntrattur biex jinbeda dan ix-xogħol minħabba li din it-triq hija waħda minn dawk it-toroq li suppost inbniet għexieren ta' snin ilu? Jista' jgħid għaliex qed ikun hemm dan id-dewmien kollu f'toroq sekondarji residenzjali bħal Triq l-Armal? Jista' jgħid kemm ilha l-estensjoni li ngħatat fuq dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fi Triq l-Armal u Triq ir-Ragħaj mistenni jibda sa l-aħħar ta' dan ix-xhar. Sadanittant beda x-xogħol fuq Triq Fonzu Meli, Triq Dun Alwiġ Psaila u Triq Ġuże' Maria Camilleri.

Birgu — Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet f'dawn l-aħħar għaxar snin il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, biex tissolva problema f'residenza fil-Birgu minħabba kwantita' ta' ilma li jinsab dieħel fil-kantina tal-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn analiżi ta' l-ilma li qed jiskula, irriżulta li dan hu ilma tad-drenaġġ. Sussegwentament, uffiċċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma spezzjonaw il-mejn tad-drenaġġ fit-triq tar-residenza indikata. Dan instab li ma fih xejn ħażin. Jidher li jista jkun hemm xi difetti fil-konnessjonijiet privati ta' residenzi u għaldaqstant kienu informati l-awtoritajiet sanitarji biex huma jagħmlu l-investigazzjonijiet li hemm bżonn fil-konnessjonijiet privati.
Leg 10 PQ #23868 Sitting 498 2007-02-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Nefqa kapitali

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23398 dwar nefqa kapitali tista' tagħtini l-informazzjoni li tlabtha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Kif jaf l-Onorevoli Nterpellant trasferimenti minn vot għal-ieħor isiru bies fejn ikun hemm savings. Dawn il-fondi jkunu jistgħu jintużaw skond il-programmi ta' xogħlijiet tal-Ministeru.
Leg 10 PQ #23869 Sitting 498 2007-02-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Servizz ta' l-ajru

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23406 dwar servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex, jekk il-gvern ħax deċiżjoni fuq ir-rapporti tal-kumitat li nħatar biex jagħmel ir-rakkmandazzjonijiet lill-Gvern dwar dan is-servizz?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M’għandix xi nżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija Parlamentari numru 23406.