Legislature:
Category:
Reset
Active:

Studenti — Attenzjoni individwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li ma tibqax tingħata attenzjoni individwali lil studenti li jaqgħu lura minn complementary teachers f'kulleġġ nru. 5 u minflok tqiegħdu fi klassijiet sħaħ? Ma jaħsibx li deċiżjoni bħal din titfa' lura studenti li qed jaqgħu lura kif turi riċerka internazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-edukazzjoni kumplementarja tista' tingħata fil-klassi jew barra mill-klassi għalhekk l-istudenti xorta tista' tingħatalhom attenzjoni individwali skond il- ħtiġijiet tagħhom. Meta l-edukazzjoni kumplementarja ssir fil-klassi minħabba il-ħtiega tat-tfal u n-natura tat-tagħlim (għax jista' jkun ta' dettriment li l-istudenti jinħarġu barra mill-klassi) l-għalliema tal-klassi tieħu il-grupp il- kbir fil-waqt li l-għalliema tal- edukazzjoni kumplementarja tieħu dawk l-individwi li għandhom bżonn attenzjoni individwali u x - xogħol / it-tagħlim isir fil- klassi eż. waqt Creative Writing, Story Telling , attivitajiet tal - Matematika u attivitajiet oħra. F’xi każijiet ikun ta’ ġid li t-tfal jibqgħu fil-klassi. Minn naħa l-oħra hemm sitwazzjonijiet fejn it-tfal jinħargu barra mill- klassi - (dawn ukoll ikunu fi grupp għax il-preżenza ta' tfal oħra tgħin ħafna fit-tagħlim) - fejn tingħatalhom għajnuna individwali, eżempju meta jidħlu l-iskola tfal barranin li ma jafux il-Malti. Allura waqt il-lezzjonijiet tal-Malti dawn jinħargu mill-klassi biex jingħatalhom programm tal-lingwa u wara li jkunu qabdu jattendu l-lezzjonijiet normali. M'hiex in-normal li l-istudent jingħata l-edukazzjoni kumplementarja waħdu. L-edukazzjoni kumplimentari dejjem issir fi grupp. Jekk hux ġol-klassi jew le jiddependi mill-ħtigijiet edukattivi ta’ l-istudent.

Postijiet projibiti għas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu l-passi biex jiġu ntrodotti żoni li fihom ma jistax isir sajd fil-postijiet f'Malta u f'Għawdex fejn hemm vapuri mgħarrqa għall-għaddasa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Mariners Notice qegħda fi stat avvanzat għall-pubblikazzjoni.

San Pawl il-Baħar — Triq Għajn Rihana

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Għajn Rihana f'San Pawl il-Baħar tistax tiġi rranġata u dan għaliex partijiet minnha ma tistax tgħaddi minnhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra

Kuntratt definit

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29105 u jgħid kemm ħarġu sejħiet għall-applikazzjoni għal xogħol bil-kuntratt definit fis-servizz pubbliku matul is-snin 2003,2004,2005,2006 u 2007? Jista' jagħti din l-informazzjoni maqsuma skond il-grad mitlub fis-sejħiet? Jista' jgħid kemm ħaddiema fis-servizz pubbliku li jaħdmu fuq kuntratt fiss, ngħataw jew se jingħataw kuntratt indefinit skond il-gradi tal-kuntratt ekwivalenti mas-servizz pubbliku? Jista' jagħti l-informazzjoni skond il-ħaddiema humeix irġiel jew nisa f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Reġistrazzjoni ta' Persuna

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29158 u jgħid għaliex il-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ qatgħet mir-reġistrazzjoni lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, illum is-27 ta' Novembru, 2007 meta dan għadu jrid jidher quddiem il-bord mediku? Biex se tgħix din il-persuna sakemm tittieħed din id-deċiżjoni tal-bord mediku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Onor. Membru aktarx qed jifhem il-kaz b'mod zbaljat għaliex l-ETC ma qatghetx lill-din il-persuna mir-reġistrar. Informat li meta persuna tigi tirreġistra għax-xogħol l-ETC titlob dikjarazzjoni li din tkun lesta u kapaċi taċċetta opportunita' ta' xogħol offruta lilha. Fil-kaz imsemmi, ġie pprovdut ċertifikat mediku lill-Korporazzjoni li jgħid li din il-persuna mhux tajba għax-xogħol. Għalhekk il-Korporazzjoni irreferiet il-persuna lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali sabiex tibda tieħu l-għajnuna soċjali mingħajr ma jkollha bzonn tirreġistra għax-xogħol. Ser insegwi l-kaz biex nassigura li din il-persuna tieħu dak li hu bi dritt tagħha mill-aktar fis.

Skejjel Statali — Studenti

Question

Jista l-Ministru jirrispondi mistoqsiijiet parlamentari 29054 u 29169 u jgħid x'kien it-total ta' studenti sekondarji tal-Form V fl-iskejjel statali, privati u tal-Knisja fis-sena skolastika 2006 - 2007 u x'inhu t-total ta' studenti li bdew xi forma jew oħra ta' edukazzjoni post-sekondarja f'Malta u f'Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li spiċċaw il-Form V fis-sena skolastika 2006/07 hu hekk :- Skejjel Statali - 3,573 Skejjel tal-Knisja - 1,526 Skejjel Indipendenti - 501 Informat ukoll li n-numru ta' studenti li bdew Edukazzjoni Post-Sekondarja fis-sena skolastika 2006/07 hu hekk :- Skejjel tal-Knisja - 363 Skejjel Indipendenti - 398 Skola Giovanni Curmi Naxxar - 1,638 Skola Sir M.A. Refalo, Għawdex - 288 Istitut għall-Istudji Turistiċi - 206 MCAST - 1,971 Junior College, Msida - 1,757.

Żejtun — Triq Orazio Diacono

Question

Jista l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir Triq Orazio Diacono, iż-Żejtun li minkejja li llum hemm ħafna residenti joqogħdu fiha bi tfal żgħar, din it-triq għadha fi stat diżastruż ħafna? Jista' jindika meta hemm il-ħsieb li ssir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq taghmel parti mill-lista ta’ toroq li l-Gvern Centrali se jibni sal-2008

Studenti tal-Form V

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29057 u jgħid x'kien it-total ta' studenti fl-Form V fil-Junior Lyceum u fl-iskejjel sekondarji ta' Malta u Għawdex fi żmien is-sena akkademika 2006 - 2007 u x'kien it-total ta' studenti f'dawn l-iskejjel li kisbu Grade 1 sa 5 f'xi wieħed mis-sezzjonijiet tas-SEC f'dawn is-suġġetti: Ingliż, Malti, Matematika, Xjenza, Kompjuter, Taljan, Franċiż, Ġermaniż u Spanjol?

Response (GALEA, LOUIS)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 29233 fl-istess seduta. Informazzjoni għat-tieni parti tal-Mistoqsija ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Gwann — Pelican crossing

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7497, 12540 u 26889 jista' l-Ministru jgħid meta l-pelican crossing ħdejn l-iskola tal-gvern ta' San Gwann se jiġu nstallati, speċjalment meta wieħed jikkonsidra din iż-żona kemm hija perikoluża u x'konsegwenzi jistgħu jinqalgħu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-stima tax-xogħol imsemmi fi Vjal ir-Rihan, San Ġwann saret u x-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjien.

Bord

Question

Jista l-Prim Ministru jgħid minn min hu kompost il-bord li għamel l-interviews għall-psikologi nhar il-Hamis 29 ta' Novembru 2007? Jista' jgħid minn min hu kompost il-bord li għamel l-interview għal chief psychologist nhar il-Ġimgha 30 ta' Novembru? Jista jgħid xi kriterji ntużaw biex issir l-għażla minn bejn il-kandidati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Football nursery

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żvilupp ser isir fejn il-football nurserytal-Marsa? Jista' joffri post alternattiv għall-warming up minflok il-post meħud?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 898/07 mill-Kunsill Lokali tal-Marsa hija intiża biex jitqiegħed paviment ġdid u jitħawwlu siġar ħalli tissebbaħ din l-area maġenb il-grawnd tal-futbol, skond policies GE02, GE03 u GM12 tal-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir. Permess għall-iżvilupp inħareġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-6 ta' Lulju 2007.

Kappara

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29185 u jara li jiġi kkunsidrat is-servizz tat-trasport pubbliku li jaqdi r-residenti tal-Kappara li joqogħdu fl-inħawi ta' Triq l-Isponsun minħabba l-mixja twila li llum qed ikollhom jagħmlu biex jinqdew b'dan is-servizz?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Taxxa tad-dħul

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29134 u jgħid kemm nies iħallsu t-taxxa tad-dħul bil-15% u kemm hu l-ammont ta' taxxa li l-gvern ġabar fis-sena 2006 b'din ir-rata? Jista' jgħid kemm nies iħallsu t-taxxa tad-dħul bil-25% u kemm hu l-ammont ta' taxxa li l-gvern ġabar fis-sena 2006 b'din ir-rata? Jista' jgħid kemm nies iħallsu t-taxxa tad-dħul bil-35% u kemm hu l-ammont ta' taxxa li l-gvern ġabar fis-sena 2006 b'din ir-rata? Jista' jgħid kemm ġabar taxxa l-gvern fuq overtime fis-sena 2006? Jista' jgħid kemm ġabar taxxa l-gvern fuq part-time fis-sena 2006? Jista' jgħid kemm hu kkalkulat li hemm nisa miżżewġin bit-tfal li ma jaħdmux?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

B'Kara — Triq Mannarino

Question

Billi issa ħafna ħwienet qegħdin jiftħu f'ħijiniet irregolari, jista' l-Ministru jara jekk it-tabelli fi Triq Mannarino, Birkirkara fuq naħa waħda jistgħux jiġu "no parking except for loading/unloading" mingħajr ħinijiet imniżżla?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-un/loading bays u t-timed parking li hemm fi Triq Mannarino u li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari mhumiex approvati mill-Awtorita’ Dwar it-Trasport. It-taqsima ser tinforma lill-kunsill lokali Birkirkara rigward dan.

Sptar Mater Dei — Trasport

Question

Jista' l-Ministru jara jekk tistax issir karozza tal-linja mit-Terminus fejn titlaq il-karozza numru 71 f'Birkirkara għall-iSptar Mater Dei għaliex bħalissa m'hemmx?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fil-preżent ir-residenti ta’ Birkirkara li jridu jmorru Mater Dei iridu jirkbu ir-Rotta 71 mill-venda ta’ Birkirkara ta’ ħdejn l-Istazzjoni u jieqfu ħdejn l-għassa tal-Hamrun. Minn hemm jaqbdu l-karozza bin-numru tar-Rotta 75 li tkun ġejja mil-Belt u li tibqa sejra lejn l-Isptar St. Luke’s u l-Isptar Mater Dei. Dan is-servizz jopera bejn is-6.00 ta’ filgħodu u 8.30 ta’ filgħaxija mit-Tnejn sal-Ħadd u għandu frekwenza ta’ kull kwarta jew 20 minuta.

Fund for Good Causes

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul din is-sena liema għaqdiet u proġetti ġew iffinanzjati mill-Fund for Good Causes li ġej mill-lotteriji? Liema għaqdiet oħra ġew mgħarrfa li se jingħataw fondi u x'inhuma l-proġetti ffinanzjati? Fuq liema kriterji ġew magħżula l-għaqdiet u l-proġetti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29129.