Jista' l-Ministru jgħid meta triq ġdida fi Triq Villa Abate ġewwa Ħaż-Żabbar se tingħata isem minħabba li ilha żmien twil li ġie suġġerit isem għaliha li aktarx huwa Triq Dun Gwann Debono?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-premjijiet għall-Karnival tas-sena 2006? Jista' jgħid ukoll kemm saru l-premijiet għall-Karnival ta' din is-sena 2007? Jista' minbarra l-informazzjoni globali jagħti din l-istess informazzjoni għal kull kategorija li tingħata premju għas-sena 2006 u 2007?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
Peress li sar ħafna tibdil fin-numru ta' bibien f'diversi bliet u rħula, jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li joħroġ id-direttorju tat-telefon il-ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi mhux responsabbli għall-ħruġ tad-direttorju tat-telefon.
Issa li l-Maltapost biddlet il-kodiċi postali tal-pajjiż kollu, jista' l-Ministru jgħid meta se joħroġ ktejjeb biex jagħti l-kodiċi postali l-ġodda u dan biex ma jkunx hemm taħwid u dewmien fit-tqassim tal-posta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta bil-Maġistrat dwar iċ-ċittadin Russu li weġġa' gravi ftit ġimgħat ilu meta waqgħet lasta tal-football fuqu fil-ground ta' Manoel Island?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records miżmuma fir-Reġistru tal-Qrati ta' Ġurisdizzjoni Kriminali jirriżulta li fil-25 ta' Jannar 2007 infetħet inkjesta Maġisterjali dwar persuna ta' nazzjonalita' Ġeorġjana li weġgħet gravi wara li waqgħet lasta tal-football fuqha fil-ground ta' Manoel Island u kien fil-periklu tal-mewt.
Din l-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat ta' l-Għassa u qed tieħu l-korsa normali tagħha fejn fost ħwejjeġ oħra l-esperti nominati mill-Maġistrati qed jippreparaw ir-rapporti tagħhom.
Meta l-Maġistrat Inkwerenti jirċievi r-rapporti ta' l-esperti minnu nominati jkun jista' jgħaddi biex jagħlaq l-inkjesta skond il-liġi.
Jisat' l-Ministru jgħid għaliex ġie ordnat sufan u mejda għaċ-chairman tal-MMA meta dan diġa' kellu? Kemm ġew jiswew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-board room table kif ukoll coffee table fl-uffiċċju taċ-Chairman ġew jiswew Lm480 bil-VAT inkluża. Il-mejda li oriġinarjament kienet fl-uffiċċju taċ-Chairman issa tinsab f'uffiċċju ieħor.
Inxtraw ukoll żewġ single seaters (microfibre) li ġew jiswew Lm292 bil-VAT inkluża.
Ma kien hemm ebda sufan jew armchairs fl-uffiċċju li kellu c-Chairman fl-ufficcini li l-Awtorita' kellha ġewwa x-Xatt ta’ Pinto.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tax-xorb tal-MMA matul l-2006 u matul din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ispiża tax-xorb matul is-sena 2006 (Ottubru 2005 sa’ Settembru 2006) ta’ l-Awtorita’ Marittima kienet ta’ Lm758. Minn Ottubru 2006 sal-lum din kienet ta’ Lm167.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fl-MMA sarx party għall-managers biss tal-corporate office u l-managers u l-ħaddiema li jinsabu fl-istess bini ma ġewx mistiedna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fi żmien il-Milied saret laqgħa fl-uffiċju ta’ CEO għall-Corporate Office Managers li fiha irringrazzjahom għall-ħidma tagħhom matul is-sena u elenka l-isfidi li sejra tiffaċja l-Awtorita' fis-sena l-ġdida. Waqt il-laqgħa ġew ipprovduti xi refreshments u snacks.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani x'arranġamenti saru għal schengen visas għal din is-sena turistika u jserraħ ras it-tour operators barranin fuq l-arranġamenti, ġaladarba kien hemm xi konfużjoni fis-swieq konċernati?
Response (BORG, TONIO)
Sa l-aħħar ta' Ottubru 2007 mhux ser ikun hemm xi tibdil fis-sistema preżenti. Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin qed jieħu l-passi neċessarji biex meta Malta tibda toħroġ Schengen Visas dan ikun konformi mar-regoli eżistenti.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23913 u jara li tinbidel jew titranġa s-sistema prinċipali tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Ħal-Luqa peress li minħabba estensjoni ta' bini dan mhux qed ilaħħaq u sikwit iffawwar ġod-djar b'inkonvenjent kbir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tagħmel xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ f'din l-area, liema xogħol ser jibda appena joħorġu l-permessi neċessarji.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li għaddejja investigazzjoni nterna fl-Akkademja tal-Korp tal-Pulizija fuq allegazzjonijiet li kien hemm xi partying waqt il-live-in tar-rekluti l-ġodda? Jista' jgħid f'liema stadju waslet l-investigazzjoni? Jekk l-investigazzjoni ngħalqet, x'inhu l-eżitu? Min hu l-Kmandant responsabbli mill-Akkademja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa fejn huwa magħruf qatt ma saret xi allegazzjoni kemm ma' l-awtoritajiet tal-Pulizija jew ta' l-Akkademja tal-Pulizija li kien seħħ dak allegat mill-Onorevoli Interpellant. Pero' kien hemm okkażżjoni fejn kien sar magħruf li xi rekluti li kienu waqt il-perijodu ta' taħriġ living in, kellhom l-inbid fil-vetturi tagħhom. Kif sar magħruf dan, is-Surġent Maġġur inkarigat minnhim, kien ordna li dan l-inbid jiġi mneħħi.
Napprezza li jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi tagħrif ieħor, huwa jgħaddihuli sabiex ikun investigat.
Il-Kmandant ta' l-Akkademja tal-Pulizija huwa s-Sur Ronald Kelly.
Jista' l-Ministru jara li z-zona fejn jitħarreġ it-team tal-football ta' St. Patrick ta' Ħa-Żabbar isir fiha titjib b'ħolqien ta' zona pedonali, fosthom recreation area, anke biex wieħed ikun jista' imur jogging fl-imsemmija zona, kif hemm fost l-oħrajn f'Sta. Luċija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport mhux involut fil-proġett ta' St. Patrick FC.
Bl-ispiża tas-saħħa dejjem tikber, jikkonsidra l-Ministru li wara li pazjent jattendi għall-kura l-isptar jibda jingħata tagħrif dwar kemm tiswa l-kura jew eżamijiet mediċi li jkun irċieva mhux biex iħallas l-ammont iżda biex inqajmu aktar għarfien li s-servizzi tas-saħħa jiswew ħafna flus u mhux ta' min jabbuża minnhom?
Jikkonsidrax ukoll li kull item jew prodott fl-isptar jew fil-kliniċi jkun immarkat bil-prezz biex anke l-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa jkunu aktar konxji kemm jiswew dawk il-prodotti/items?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Filwaqt li nirringrazzja lill-Onor. Interpellant ninfurmah li s-suġġeriment tiegħu ser jiġi studjat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23933 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li titqiegħed bozza fi Triq San Ġakbu, fis-Siġġiewi peress li fiha hemm id-dlam?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid:
1) x'inhi l-pożizzjoni ta' Malta biex tingħaqad fis-Schengen?
2) jista' jgħid liema sistema se tintuża - dik magħrufa bħala SIS1 (Schengen Information System) jew SIS2?
3) meta se tidħol fis-seħħ is-sistema SIS2? Jista' jikkonferma li Malta ma implimentatx is-sistema SIS2? Kemm se tiswa lill-pajjiż biex mis-sistema SIS1 tiġi upgraded għal SIS2?
4) seta' il-pajjiż stenna u daħal mill-ewwel fis-sistema SIS2 kif se jagħmlu pajjiżi oħrajn imsieħba fl-Unjoni Ewropea?
Jekk Malta dieħla mill-ewwel fis-sistema SIS1, x'inhi r-raġuni għaliex Malta mhux se tidħol fis-sistema SIS2?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern Malti iddeċieda li Malta għandha tidħol fix-Schengen ma' l-ewwel tkabbir li mistenni jsir is-sena d-dieħla.
Is-SIS I, is-sistema li tintuża preżentament, ma tiflaħx għat-tkabbir tal-membri l-ġodda li daħlu fl-UE fl-1 ta' Mejju 2004 u għalhekk qed isir xogħol biex tiġi żviluppata is-SIS II. Minħabba dewmien ta' natura teknika u legali da parti tal-Kummissjoni Ewropeja, ġie deċiż mill-Kunsill tal-Ministri li tiġi żviluppata sistema temporanja, magħrufa bħala SIS for all biex l-għaxar stati membri ġodda, minbarra Ċipru, ikunu jistgħu isiru parti miż-żonra Schengen mingħajr aktar dewmien.
Ovvjament ħafna mill-ispejjeż li ser jintefqu għas-sistemi SIS for all kienu xorta waħda ser jintużaw biex inkunu nistgħu ningħataw aċċess għas-SIS II li, skond il-pjanijiet preżenti tal-Kummissjoni Ewropeja, suppost li tkun lesta sa l-aħħar ta' Diċembru ta' l-2008.
Skond rapport li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea fid-9 ta' Jannar 2007, il-flotta tas-sajd Maltija, bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-31 ta' Diċembru 2005 naqset b'37% - l-aktar waħda li naqset fost il-pajjiżi membri ġodda ta' l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid:
1) kemm kienet il-flotta fl-1 ta' Mejju 2004?
2) kemm kienet il-flotta fil-31 ta' Diċembru 2005?
3) kemm bastimenti ta' sajd ġew imneħħija?
4) ta' liema daqs u kategorija kienu?
5) x'tunnellaġġ jirrappreżentaw imqabbel ma dak ta' l-1 ta' Mejju 2004 u dak tal-31 ta' Diċembru 2005?
6) fuq liema tip ta' sajd kienu wżati l-bastimenti li ġew irtirati?
7) jekk is-sidien tagħhom irtiraw mis-sajd, għaliex dik jew dawk irtirati kienu l-uniċi bastimenti/bċejjeċ tal-baħar li kellhom jew jekk baqgħux jaħdmu b'bastimenti oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23487 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tagħti tagħrif x'relazzjoni ġuridika teżisti bejn l-għaqda persuni neqsin mis-smiegħ u l-gvern?
Tista' l-istess Ministru tagħti iżjed dettalji dwar x'tip ta' kuntratt jeżisti konċernanti l-għalliema ta' din l-għaqda li qed jagħtu servizz lill-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Assoċjazzjoni għall-Persuni Neqsin mis-Smiegħ ilha mill-2002 tirċievi għotja ta’ Lm5,000 kull sena mill-Vot approvat taħt il-Ministeru tiegħi biex jgħin l-Organizazzjonijiet Volontarji. Bħal fil-każ ta’ organizazzjonijiet oħra li jibbenefikaw minn għotjiet simili, l-għotjiet lil din l-Assoċjazzjoni kienu regolati b’Service Agreement li, mis-sena l-oħra, kien jispeċifika kemm is-servizz li kellu jiġi provdut kif ukoll kif dan kien ser jiġi verifikat. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-Assoċjazzjoni kellha tipprovdi servizz ta’ interpreti tal-lingwa tas-sinjali Maltija u tgħin f’riċerka li kienet qed issir mill-Universita’ ta’ Malta.
Ninsab infurmata wkoll li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ tirrifondi lura lil din l-Assoċjazzjoni nofs l-ammont ta’ flus li l-Assoċjazzjoni tonfoq għall-posta.