Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tas-Sliema — Pressa ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għandhiex ilmenti dwar il-pressa ta' l-ilma fiz-zona ta' Tas-Sliema? B'mod partikolari, għal kemm-il sular għoli l-korporazzjoni tagħti xi forma ta' garanzija għas-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Servizz tat-trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħidli x'passi ttieħdu s'issa mill-gvern dwar l-opinjoni motivata li l-Kummissjoni Ewropea bagħtet lil Malta għal nuqqas ta' osservanza tar-regoli dwar il-kabotaġġ marittimu fis-servizz tat-trasport bejn Malta u Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Gvern mhux ta’ l-opinjoni li Malta b'xi mod naqset milli tosserva ir-regoli dwar il-kabotaġġ marittimu fis-settur tat-trasport bejn Malta u Għawdex. L-għoti ta’ Public Service Obligation Contract fir-rigward tat-trasport bejn il-gżejjer kien ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni meta ngħalaq il-Kapitlu dwar it-Trasport. F'dan ir-rigward il-Gvern, qed jipprepara t-tweġiba lill-Kummissjoni.

Pearson College Scholarship Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena kandidati minn Malta hux se jkunu jistgħu japplikaw għall-Pearson College Scholarship Programme? Jekk iva, f'liema oqsma jistgħu japplikaw u kemm hemm postijiet allokati għall-kandidati Maltin?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jirriżultalix li l-awtoritajiet edukattivi rċevew xi stedina bħal dik imsemmija fil-Mistoqsija.

Sleeping policeman

Question

Jista' jiġi kkonsidrat li jsir sleeping policeman barra r-residenza tal-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li joqogħdu f'parti fejn il-karozzi jiġu b'veloċita' qawwija b'periklu għalihom u t-tifel żgħir li għandhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li ma kien hemm l-ebda talba għal round topped road humps fil-post li għalih qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari.

Port il-Kbir

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi tixtieq li jittieħdu l-VISET dwar il-port il-kbir tagħna għax il-faċilitajiet tiegħu qed isiru żgħar wisq għall-vapuri tal-passiġġieri li qed jiġu mibnija akbar u mhux se jkunu nistgħu nilqgħuhom fil-port tagħna u jibqgħu sejrin f'portijiet rivali? X'passi se jieħu l-gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Port il-Kbir jista’ jilqa’ l-akbar bastimenti tal-passiġġieri. S'issa qatt ma kien il-każ li ġiet rifjutata talba sabiex jiġu akkomodati bastimenti kbar. Il-gvern huwa konxju mid-domanda li dejjem qed tikber u mill-ħtiega li jiżdied in-numru ta' irmiġġi fil-port sabiex mhux biss nibqgħu nilqgħu żieda ta' bastimenti kbar iżda wkoll sabiex in-numru ta' bastimenti tal-passiġġieri jiżdied.

Riżorsi u Infrastruttura — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena hemmx xi ħsieb li jingħataw promotions fid-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, f'liema gradi se jingħataw?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li bħal ma jsir kull sena, matul din is-sena wkoll ser joħorġu għadd ta’ sejħiet għall-promozzjonijiet f’dan il-Ministeru. Għada għaddejja korrispondenza mal-Management and Personnel Office dwar dan.
Leg 10 PQ #23965 Sitting 499 2007-02-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — Arkeoloġisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li joħorġu vacancies mal-Heritage Malta għall-Arkeoloġisti billi hemm min hu gradwat u ppreparat akkademikament li jaħdem f'dan il-qasam iżda s'issa ma kienx hemm vacancies għall-Arkeoloġisti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi minn żmien għal żmien Heritage Malta toħroġ dawk il-vacancies meħtieġa biex tkun f'qagħda li tagħti l-aħjar servizz kemm lill-viżitaturi u kif ukoll lil dawk li jagħmlu użu mis-servizzi li toffri din l-aġenzija. Dawn il-vacancies jinħarġu wara li Heritage Malta teżamina u taġġorna s-servizzi li tagħti. Għalhekk mhux eskluż li fil-ġejjieni jinħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet biex jimtlew vacancies ta' kuraturi jew gradi oħra li fihom jintalab li min japplika jrid ikollu degree fl-arkeologija.

Toroq — Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 23706, 23500 u 23838 u jagħti l-lista ta' direct orders li ngħataw għal xogħlijiet ta' toroq matul is-sena 2006, inkluż il-valur ta' direct orders u lil min ingħata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 23709 u 23837 u b'riferenza għat-tender maħruġa mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tal-mains u galleries tad-drenaġġ jgħid: i) min rebaħ din it-tender? ii) x'esperjenza għandu f'dan ix-xogħol ir-rebbieħ tat-tender? iii) l-impjant u l-inġenji tiegħu ġew ċertifikati mill-Bureau Veritas? iv) x'inhu x-xogħol li għamel s'issa inkluż tulijiet ta' mains li ġew imnaddfa? v) meta beda x-xogħol dan il-kuntrattur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-tender li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa dak ta' tindif tal-mains tad-drenaġġ. (i) Dan it-tender intrebaħ mill-kumpanija "Clearway Drains Services Ltd" (ii) Din il-kumpanija għalkemm għada ġdida f'dan ix-xogħol għandha il-"back up support" ta' nies barranin ta' esperjenza f'dan ix-xogħol u x-xogħol li qed isir huwa ta' kwalita tajba ħafna. (iii) L-impjant u l-inġenji tal-kuntrattur ġew ċertifikati minn istituzzjoni kompetenti. (iv) Ix-xogħol li għamel sa issa huma f'diversi lokalitajiet f'Malta u x-xogħol sar skond il-ħtiġijiet u kif ordnat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. (v) Il-kuntrattur beda dan ix-xogħol fil-25 ta' Jannar 2007.

Periti, Avukati u Tobba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nisa u rġiel li qed jaħdmu f'dawn il-professjonijiet ta': a) periti; b) avukati; u c) tobba?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-numru ta’ persuni li kienu qed jaħdmu bħala periti, avukati u tobba sa l-aħħar ta’ Settembru 2006 kien kif ġej:- Professjoni Irġiel Nisa Periti 331 84 Avukati 236 140 Tobba 586 242

Użu ta' djalett fil-lingwa Maltija

Question

Peress li hawn ċerti lokalitajiet f'pajjiżna li għandhom speċi ta' djalett tagħhom, bħal ngħidu aħna l-mod kif in-nies ta' Bormla jippronunzjaw il-kliem "tiegħi, tiegħu, nitilgħu, eċċ.", jista' l-Ministru jserraħ ras il-ġenituri li kliem mitkellem b'dan il-mod waqt eżamijiet orali ma jkunx penalizzat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li waqt l-orali ta' l-ezamijiet annwali, kliem li jiġi pronunzjat b'dan il-mod djalettiku ma jiġix penalizzat.

Skejjel ta' l-Istat — Xogħol strutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema mill-iskejjel ta' l-Istat fit-Tieni Distrett hu mistenni li fihom isir xogħol strutturali? Meta hu mistenni, f'kull każ, li jitlesta kull xogħol imsemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħolijiet strutturali li huma pjanati li se jsiru fuq skejjel fid-distrett imsemmi huma: Birgu: Xogħol fuq il-faċċata. Senglea: Bdil ta' aperturi ta' barra u bdil ta' faċilitajiet sanitarji. Bormla: Bdiet tinbena skola ġdida sekondarja tas-subien. Żabbar: Bdil ta' aperturi ta' barra u ta' ġewwa, kif ukoll bdil ta' faċilitajiet sanitarji. Id-data tat-tkomplija tax-xogħol tiddependi minn meta jingħataw it-tenders u meta jibda x-xogħol.

Kunsilli Lokali — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema li għandu kull kunsill lokali, lokal b'lokal? Jista' jgħid min hu responsabbli għall-ħlas tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Gwardjani Lokali — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali matul is-sena 2006, lokal b'lokal? X'kien l-ammont li suppost inġabar minn dawn iċ-ċitazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ngħataw l-allokazzjonijiet (l-aħħar tliet pagamenti) lill-kunsilli lokali u jgħid kemm ħa kull kunsill, lokal b'lokal, allokazzjoni b'allokazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bini ta' ħajt ma' proprjeta' privata

Question

Il-familja indikata separatament għandha bżonn xi permessi speċjali biex tagħlaq il-ħajt madwar il-proprjeta' tagħha peress li l-aċċess faċli għad-dar mill-wesgħa ta' ħdejhom li hi tagħhom qed ikun ta' periklu għalihom bid-dħul illegali fuq il-proprjeta' tagħhom minn terzi persuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ħajt jista’ jiġi kkunsidrat basta jinbena f'arja li tinstab ġewwa l-konfini ta’ l-iżvilupp. L-ebda tip ta' żvilupp ma jista’ jsir fil-parti mill-propjetà li tinstab f'żona ta' importanza ekologika Livell 2 u barra l-konfini ta’ l-iżvilupp.

SVPR — Sala "Loreto"

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn ċertu kmamar fis-sala "Loreto" fl-SVPR għadhom mingħajr sinkijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Sala Loreto hemm sink wieħed nieqes u dan huwa nieqes għaliex dak li kien hemm tkisser. Dan is-sink dam biex jiġi mibdul minħabba li huwa sink li jitqiegħed ġo Vanity Unit u kellu jinstab wieħed li jiffitja fil-Vanity Unit partikulari.
Leg 10 PQ #23994 Sitting 499 2007-02-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Xogħol mill-kumpannija "Tuning Fork"

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qed tagħmel il-kumpannija "Tuning Fork" fl-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu? X'deċiżjonijiet ittieħdu fl-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu wara rakkmandazzjonijiet tal-kumpannija "Tuning Fork"? Meta mistenni tlesti x-xogħol tagħha fl-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-kumpanija Tuning Fork qiegħda tassisti d-diriġenza ta’ l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu fil-proċess ta’ operational review u resource optimisation għal dawk li huma l-funzjonijiet ewlenin ta’ l-organizzazzjoni, fost l-oħrajn fid-diviżjoni tal-Marketing and Promotion, liema eżerċizzju issa tlesta. A bażi ta’ wħud mir-rikomandazzjonijiet riċerkati u studjati tal-kumpanija Tuning Fork , dak li kien id-direttorat tal- Marketing and Promotion ġie strutturat b’tali mod sabiex jirrifletti numru ta’ tibdiliet li l-ħtiega għalihom kienet ilha tinħass. L-istruttura preżenti tinkludi International Division u Head Office Division , filwaqt li l-funzjoni ta’ Hospitality issa tifforma parti mill- PR and Communications Division . B’riżultat ta’ dawn il-bidliet, id-diviżjonijiet ta' l- International Marketing u l- Marketing Support & Development sejrin jaħdmu aktar mill-qrib sabiex jiżvillupaw, jesegwixxu, u jevalwaw b’mod kostanti l- Marketing Plan ta’ l-Awtorita’ sabiex tiżdied il-kwalita' u l-valur tat-turiżmu lejn Malta. Dan il-proċess ta’ resource optimisation huwa wieħed kontinwu. Madankollu l-kumpanija Tuning Fork tqabbdet a bażi ta’ proġett, proġett, kull wieħed b’termini definiti. Fl-aħħar mil-aħħar, dan l-eżerċizzju qiegħed isir ukoll sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-Awtorita’ innifisha, u sabiex tiżgura suċċess għas-settur turistiku ta’ pajjiżna.