Jista' l-Ministru jinvestiga u jieħu passi ta' rimedju dwar il-problema ta' flowing ta' drenaġġ li hemm qrib Triq G. Borg Olivier San Giljan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sar xogħol ta' manutenzjoni s-sena l-oħra fuq il-mina tad-drenaġġ li hemm fi Triq il-Kbira, San Ġiljan. Dan ix-xogħol sar biex meta tagħmel ix-xita ma jkunx hemm leakages minn ġo fiha li jista' jispiċċa fid-djar li hemm fi Triq Borġ Olivier. Bħalissa ma jidhirx li hemm problema.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat tan-nefqa (inkluż akkomodazzjoni u biljetti ta' l-ajru) fuq iz-zjara ministerjali tiegħu u tad-delegazzjoni tiegħu fl-Awstralja is-sena li għaddiet għal Commonwealth Games?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Is-sena li għaddiet m’għamilt ebda żjara għall-Commonwealth Games. Iż-żjara tiegħi u tad-delegazzjoni tiegħi kienet żjara fl-Emirati Għarab Magħqudin (U.A.E.), f’Singapore, fil-Malasja u f’ħamest ibliet fl-Awstralja. Kelli laqgħat bilaterali fl-erba’ pajjiżi li żort u f’Singapore u l-Emirati Għarab Magħqudin iffirmajt Trattati dwar it-Taxxa Doppja tant essenzjali għas-settur tas-Servizzi Finanzjarji f’Malta.
Fl-Awstralja kelli laqgħat mal-Komunitajiet, u membri ta’ Clubs Soċjali u Assoċjazzjonijiet Kummerċjali, Maltin-Awstraljani f’Melbourne, Sydney, Canberra, Adelaide u Perth. F’Perth żort ukoll il-Monument li hemm għal Child Migrants u tkellimt mar-rappreżentanti tagħhom.
Kelli wkoll laqgħat bilaterali u lunch uffiċjali mal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Awstraljan, Alexander Downer. Attendejt ukoll iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Commonwealth Games in rappreżentanza ta’ Malta li bħalissa hija c-Chair-in-Office tal-Commonwealth.
In-nefqa totali għal din iż-żjara f’erba’ pajjiżi, inkluż ħamest ibliet fl-Awstralja kienet ta’ Lm19,033 li jitqassmu hekk:
Biljetti ta’ l-ajru – Malta – Dubai – Melbourne – Canberra - Sydney – Adeliade – Perth –Singapore – Kuala Lumpur – Dubai – Malta Lm10,549
Akkomodazzjoni Lm 6,010
Subsistance allowance għad-delegazzjoni (eskluż il-Ministru li ma għandux allowances) Lm 748
Spejjeż oħra Lm 1,726
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-Belt Valletta hemm parking bays riżervati għal min għandu l-blue sticker? Kemm minnhom huma riservati b'numru partikolari fuqhom u kemm le? Jidhirlux li huwa xieraq li jkun hemm bay riżervata qrib sew tal-Qorti biex jiġi facilitate access għal min ikollu problema ta' mobilita' u jsib ruħu mħarrek xhud jew irid imur il-Qorti għal bzonn ieħor?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku li jibdew mis-sena 1999, irriżulta li kien hemm approvazzjoni waħda għal Reserved Parking for Blue Badge Holders fil-car park ta’ quddiem il-Bank Ċentrali. Iżda mhux eskluż li kien hemm approvazzjoni qabel is-sena 1999.
L-ebda’ wahda mir-
Reserved Parking
for Blue Badge Holders
ma jkollha numru ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi minħabba li tali faċilita’ hija waħda komunali.
It-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku qed tirreferi lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta din it-talba ta’ l-Onorevoli Interpellant għall-
Reserved for Blue Badge Holders
biswit il-Qorti.
Malta ser ikollha stand fit-12th International Mediterranean Tourism Market li ser isir f'Iżrael fil-ġejjieni qarib?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu mhux ser ikollha stand fit-12th International Mediterranean Tourism Market li ser isir f'Iżrael fil-ġejjieni qarib.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23579, jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna matul is-sena 2006 lil għaqdiet sportivi biex jagħmlu testijiet kontra d-doping? Liema kienu dawn l-għaqdiet? X'għajnuna ngħatat u kemm swiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-2006 il-Kunsill Malti Għall-iSport ikkommetta li jagħti l-għajnuna lil dawn l-assoċazzjonijiet biex jagħmlu testijiet kontra doping :
- Malta Triathlon Assoc. - Lm 284.73
- Malta Football Assoc. - Lm3,507.97
- Malta Dancesport Assoc. - Lm 150.00
- Malta Tennis Assoc. - Lm1,000.00
- Malta Weightlifting Assoc. - Lm 570.00
Total - Lm5,512,70
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Triq in-Nissieġ, Haż-Żabbar, li hija parti mibnija, ma ngħatawx permessi għal bini fuq plots nri 56 u 59? Jista' jgħid għaliex din id-differenza bejn plot u oħra? Għaliex din it-triq li saħansitra anke ngħatat l-asphalt saret din id-distinzjoni ma' ċertu sidien ta' plots?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tipproduċi site plan fejn dawn iż-żewġ plots imsemmija jkunu indikati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hu l-inkwilin rikonoxxut ta' kamra fil-Belt Valletta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija rekwiżizzjonata?
Response (BORG, TONIO)
Proprjeta' rekwiżizzjonata m'hiex amministrata mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jaqbilx miegħi l-Viċi Prim Ministru li fil-liġi tagħna m'hemm xejn li jiddefinixxi x'inhu żwieġ u għalhekk għandha ssir definizzjoni fil-Liġi taż-Żwieġ sabiex turi li żwieġ għandu jkun bejn tnejn li twieldu mara u raġel?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemmx dubju li fl-Att dwar iż-Żwieġ hu ċar li żwieġ jista' jsir bejn raġel u mara.
Id-digriet tas-Sekond'Awla li biha transessswali ingħata d-dritt li japplika għat-tnidijiet ta' żwieġ, qed jiġi kontestat mid-Direttur Reġistru Pubbliku b'rikors preżentat fit-23 ta' Frar, 2007.
Jista' l-Ministru jara li ssir pedestrian crossing jew simili fi Triq Palma, Raħal Ġdid peress li tant kemm żdied it-traffiku li sar kważi impossibbli u/jew perikoluż li persuna, speċjalment anzjana, taqsam din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li ma kien hemm l-ebda talba għal pedestrian crossing fi Triq Palma.
Jista' l-Ministru jgħid min ħa ħsieb itella' l-website tal-Kummissjoni tal-Films u kemm ġiet tiswa finanzjarjament?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-website il-ġdida tal-Kummisjoni Ċinematografika ta' Malta ġiet imnedija fis-6 ta' Frar 2007.
Ix-xogħol fuq din il-website twettaq minn tliet kumpaniji differenti.
L-Iżvilupp tal-kunċett u d-disinn sar min Tonio Cremona għas-somma ta Lm318.60, l-ipprogrammar u l-iżvilupp tekniku sar minn Alert Communications għas-somma ta’ Lm1,778.85, filwaqt li l-filmati li hemm fuq is-sit inħaddmu minn Lighthouse Communications għas-somma ta’ Lm295.00. Il-prezz globali tal-website hu ta' Lm3,115.
Ix-xogħol tal-bini tal-website li twettaq minn Alert Communications ingħata wara sejħa għall-offerti li saret fl-2006.
Armi tal-kollezzjonijiet — Ipproċessar ta' liċenzji u trasferimenti
Question
Peress li qed ikun hemm dewmien fl-ipproċessar ta' liċenzji u trasferimenti ta' l-armi tal-kollezzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal xiex inhuwa attribwibbli dan id-dewmien u jindirizza din il-problema?
Response (BORG, TONIO)
Skond ma jien infurmat ma jidhirx li qed ikun hemm xi dewmien kif imsemmi. Pero' jekk l-Onorevoli Interpellanti taf b'xi każ partikolari, napprezza jekk tagħtini aktar tagħrif sabiex inkun nista' nivverifika ulterjorment.
Għawdex — Ħajt ta' bejn il-cold stores u l-pitkalija
Question
Peress li l-ħajt ta' bejn il-cold stores u l-pitkalija f'Għawdex huwa baxx ħafna u li ma joffri sigurta' ta' xejn, tista' l-Ministru tara li dan il-ħajt jitla' sa għoli adegwat biex tissolva din il-problema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-Cold Stores ikun hemm attendant erba' u ghoxrin siegħa kuljum u għaldaqstant ma jirriżultax li hemm xi problema ta' sigurta'
Peress li qed isiru lmenti minn diversi fattigi li jaħdmu fl-isptar ġenerali ta' Għawdex minħabba l-mod ta' kif qed jiġi allokat ix-xogħol, fejn min qed jitgħabba ħafna u min ftit, li jagħti lok għal żbilanċ fix-xogħol, tista' l-Ministru tirrimedja din is-sitwazzjoni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-fattigi li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jaqgħu taħt żewġ sistemi; hemm dawk li huma allokati fis-swali u dawk li qegħdin allokati mal-pool. Dawk li huma allokati fis-swali ħidmiethom tiddependi minn kemm ikun hemm fattigi xogħol, bil-leave jew bis-sick leave fl-istess sala, kif ukoll mill-ammont ta’ pazjenti fis-sala partikolari fejn jaħdmu. Fin-nuqqas ta’ fattigi fis-swali, l-uffiċjali inkargati mis-swali jikkonsultaw ma’ l-uffiċjal inkarigat mill-indafa sabiex jintbgħatu fattigi mir-Relieving Pool.
Fir-rigward tal-fattigi l-oħra li ma jiġux utiliżżati fis-swali, sa fejn possibbli, l-uffiċjal inkarigat mill-indafa dejjem qassam ix-xogħol b’mod ġust bejniethom.
Tista' l-Ministru tgħid xi training courses qed jingħataw lill-ħaddiema taċ-ċivil Għawdxin li se jiġu trasferiti lejn Għawdex? In oltre, tista' tgħid kemm se jiġu trasferiti u meta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li hi l-prassi li qabel ma l-ħaddiema taċ-ċivil Għawdxin jiġu trasferiti lejn Għawdex sabiex iwettqu xogħol ta’ back office, dawn dejjem jingħataw it-taħriġ neċessarju mid-Diviżjoni/Dipartiment konċernat/a f’Malta. It-trasferiment ta’ dawn l-impjegati isir meta min ikun qiegħed jagħti it-taħriġ ikun sodisfatt li huma ngħataw it-taħriġ kollu neċessarju. Bħalissa qiegħed jingħata taħriġ lil ħmistax –il impjegat sabiex dawn jibdew jagħmlu minn Għawdex ix-xogħol konness mas-salarji u pensjonijiet tad-Dipartiment tat-Teżor.
Tista' l-Ministru tgħid jekk sarx xi studju dwar l-għażla tas-sit għall-bini tal-Qorti ġdid biswit l-iskola Ninu Cremona?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-pjan tal-bini tal-Qorti l-ġdid, tant meħtieġ għal Għawdex, jindika li l-entratura tal-bini ikun fi Triq Fortunato Mizzi.
L-iskola l-ġdida li ser tinbena ser tibdel l-entratura minn dik eżistenti u din l-entratura se tkun fi Triq l-Ewropa. Din l-iskola ser tinbena fuq medda ta’ art ferm iżgħar minn dik attwali, iżda se tkun imqassma aħjar, bi klassijiet darba u nofs aktar mil-llum u b’żieda fin-numru ta’ klassijiet u faċilitajiet.
Għalhekk hu ċar li dawn iż-żewġ binjiet, l-iskola u l-Qorti, mhux ser ikunu biswit xulxin
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' enforcement hemm pendenti quddiem il-MEPA? Jista' jgħid kemm ilhom li nħarġu dawn il-każi sena b'sena? Jista' jgħid kemm huma l-każi li l-appelli kontrihom inqatgħu u li jinsabu f'punt li l-awtorita' tista' tieħu azzjoni diretta skond il-liġi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat lil -Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha total ta’ 6,398 każ ta’ enforcement pendenti. Dawn huma maqsumin sena b’sena kif jidher hawn taħt. Minn dawn fil-preżent hemm 272 każ pendenti għal azzjoni diretta b’sentenza maqtugħa mill-Bord ta’ l-Appell.
Każi ta’ Enforcement Pendenti
CaseYear 93 74
CaseYear 94 96
CaseYear 95 272
CaseYear 96 420
CaseYear 97 450
CaseYear 98 510
CaseYear 99 371
CaseYear 00 526
CaseYear 01 452
CaseYear 02 448
CaseYear 03 422
CaseYear 04 589
CaseYear 05 809
CaseYear 06 819
CaseYear 07 140
Total 6,398
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-MEPA għandhiex konsulenti legali esterni? Jekk fl-affermattiv, min huma u kemm tħallsu sena b'sena tul l-aħħar tlett snin?
In vista li l-MEPA għandha uffiċċju legali intern, jista' l-Ministru jispjega x'inhuma r-rwoli li l-konsulenti legali esterni u interni tal-MEPA għandhom? Lil min jirrappurtaw il-konsulenti legali esterni? X'koordinament jeżisti bejn l-uffiċċju legali intern u l-konsulenti esterni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi tieħu l-MEPA sabiex tiżgura li meta tagħti permessi għal bini li għandu ogħli ta' aktar minn ċertu numru ta' sulari dan jista' jingħata l-għajnuna mid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili fil-każ ta' ħruq jew emerġenza oħra? Fl-istess waqt, x'eżerċizzju jew konsultazzjonijiet isiru sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbilta' għall-vetturi ta' emerġenza jew ambulanzi fi żviluppi bħal dawn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-policies ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jesiġu li f'każi ta' żvilupp ta' ċertu kobor jew żvilupp li jinvolvi iktar minn sular wieħed ta' parkeġġ taħt l-art jew parkeġġ aktar minn 25 karozza, l-iżviluppatur jintalab rapport tekniku minn inġinier li jitratta miżuri ta' sigurtà minn ħruq għall-iżvilupp kollu, konformi mal-linji gwida maħruġin mill-Building Industry Consultative Council (BICC).
Meta żvilupp ma jkollux aċċess dirett mit-triq, il-policy tesiġi li jkun hemm arranġament adegwat għall-vetturi ta’ emergenza u mezzi oħrajn, normalment f'forma ta’ triq interna li twassal għar-residenzi kollha. F'dawn il-każijiet issir konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Kif jista’ jimmaġina l-Onorevoli Interpellant is-sistemi li jikkumbattu n-nirien f’binijiet mhumiex limitati biss ghal fire-engines.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal kemm-il sular għoli huma mgħammra l-fire engines tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili f'każi ta' nirien jew emerġenzi? Jista' jgħid jekk id-dipartiment jiġix ikkonsultat f'każi fejn ikun qed jintalab permess għal xi żviluppi ta' torrijiet, proġetti residenzjali estensivi jew fit-tibdil ta' xi policies rigwardanti l-għoli tal-bini? X'inhi l-pożizzjoni tad-dipartiment fuq din il-materja u jekk qattx saru xi konsultazzjonijiet li fihom ħa sehem id-dipartiment sabiex kulħadd ikun qed jiġbed ħabel wieħed fejn tidħol is-sigurta' tal-proprjeta' u n-nies?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jippossjedi erba' vetturi kull wieħed mgħammar b'sellum mekkanizzat magħruf bħala 'turntable ladder'. Wieħed minn dawn jilħaq għoli ta' 37 metru jiġifieri għoli ta' 13-il sular, ieħor jlahhaq 32 metru, jiġifieri 10 sulari u tnejn oħra li jlaħħqu għoli ta' 24 metru jew 8 sulari.
Hija proċedura normali li l-MEPA tikkonsulta lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rigward ħruġ ta' permessi għall-iżvilupp ta' torrijiet, proġetti residenzjali estensivi jew rigward policies dwar l-għoli tal-bini.
Id-Dipartiment dejjem jaghti l-kontribut tiegħu flimkien ma' suġġerimenti li jkunu meħtieġa f'kull każ partikolari. B'hekk kemm il-perit kif ukoll id-diżinjatur tal-binja jiġi mgħarraf dwar il-htiġjiet ta' dan id-Dipartiment bħal ma huma stallazzjonijiet ta' rising mains, enslosed staircase, fireman's lift, detection system u fixed installation li titfi in-nar awtomatikament. B'hekk jigi żgurat li persuna tad-Dipartiment jkollu aċċess ghall bini minn ġewwa, speċjalment fejn il-bini jlaħħaq aktar minn tlettax-il sular.