Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-ismijiet ta' persuni rappurtati nieqsa u li ma nstabux dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 1997 l'hawn hemm 32 persuna li kienu ġew irrapurtati nieqsa u s'issa għadhom ma ġewx rintraċċati.
Ma nħossx li huwa prudenti li jingħataw l-ismijiet ta' dawn il-persuni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' hit and run matul is-sena 2006, xahar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Diċembru tas-sena 2006, ġew irrapurtati lill-Pulizija ħdax-il każ fejn persuni ntlaqtu minn vettura li baqgħet sejra, kif jidher hawn taħt:
Jannar1
Frar1
Marzu1
April0
Mejju1
Ġunju0
Lulju0
Awissu3
Settembru0
Ottubru2
Novembru0
Diċembru2
Peress li ftit taż-żmien ilu sar kors mill-ETC bis-suġġett "increasing female participation through child care services at the place of work, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li dawk li pparteċipaw ikollhom impjieg relatat?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru japprezza li l-opportunitajiet ta' impieg f'dan is-settur jiddependu minn numru ta' ommijiet li lesti jikkontribwixxu biex iħallu l-uliedhom f'childcare facilities. Il-Gvern ser jagħmel il-parti tiegħu biex jagħti l-kontribut tiegħu.
Jista' l-Ministru jara jistax isir xi ħaġa sabiex ikun ikkontrollat l-ammont dejjem jiżdied ta' ħamiem fl-area tal-knisja ta' Sta. Tereża Bormla u dan peress li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Għaliex l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu approvat li jsir żvilupp fuq il-blat tal-post Islet Promenade f'Buġibba? Meta tat l-approvazzjoni tagħha għall-qerda ta' din il-parti tal-kosta ta' Buġibba li għaliha ntalab permess mill-MEPA skond PA 2207/03, PA 116/07? Min ta l-approvazzjoni tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Naħseb illi l-Onor. interpellant qed jirreferi għall-proposta ta' Kids Park f'Islet Promenade. M'hix responsabbilta' ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu li tilqa' u tapprova proposti ta' żvillup ta' din ix-xorta u li m'humiex ta' natura turistika. Fl-ambitu ta' dan l-iżvillup, l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu approvat biss li jkun hemm bar (li jinkludi faċilitajiet bżonjużi bħal toilets u kamra għall-first aid) biex iservu l-ħtiġijiet tan-nies u tat-tfal li jiffrekwentaw dan il-post.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom f'Jannar 2007 ġew 4,000 passiġġier inqas minn Jannar 2006? Mistenni li dan it-tnaqqis jaffettwa t-tbassir li din is-sena jiġu 37,600 (10%) passiġġieri iżjed mis-sena 2006?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għalkemm il-mistoqsija m’hijiex ċara, nassumi li l-Onorevoli interpellant qiegħed jirreferi għall-cruise passengers li ma jingħaddux man-numru ta’ turisti.
Ir-raġunijiet għat-tnaqqis f’Jannar diġa ingħataw mill-VISET. Rigward it-tbassir għal bqija tas-sena wieħed irid jiftakar li l-istaġun proprju jestendi minn Marzu sa Ottubru. L-indikazzjonoijiet li għandna mis-suq huma li l-2007 għandha terġa tkun sena ta’ tkabbir f’dan is-settur.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23851 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23510 jista' jgħid x'passi ħadet l-awtorita' dwar it-trasport pubbliku biex tagħlaq St Anthony Street, f'Buġibba? X'jiġri fil-każ li r-residenti jkollhom bżonn ambulanza jew fire engine għal xi emerġenza f'din it-triq? Kif se tkun aċċessibbli din it-triq f'każ ta' emerġenza?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li wara investigazzjoni neċessarja li għamlet l-ADT nstab li ma ngħata l-ebda permess biex din it-triq tingħalaq. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil Ministru responsabbli mill-Kunsill Lokali.
Manoel Island — Russu li korra gravi fi ground tal-football
Question
Bħala Ministru responsabbli mill-isport, jista' jingħad x'passi ttieħdu dwar l-inċident li seħħ ftit ġimgħat ilu meta ċittadin Russu weġġa' gravi wara li waqgħet lasta tal-football fuqu f'Manoel Island? Min hu responsabbli mill-istess ground? Hemm uffiċjali li jżuru grounds biex jaraw li l-lasti fil-grounds kollha tal-football huma skond ir-regolamenti u fejn hemm lasti li jiċċaqalqu jkunu mwaħħlin ma' l-art? Dan il-ground għandu aċċess għall-pubbliku mingħajr ebda sigurta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Hija responsabbilita' ta' l-Għaqdiet Sportivi biex jizguraw illi kwalunkwe attrezzatura ma tkunx ta' periklu għal persuni li juzaw il-post.
Informat ukoll li l-grawnd imsemmi jintuza minn Gzira Utd FC u n-nursery tagħhom. Il-grawnd kien jinzamm magħluq biex jiġi uzat mill-klabb biss, izda sofra diversi attakki ta' vandalizmu fil-fence u b'hekk jinsab miftuħ.
Pulizija — Ċittadin Malti li daħħal splussiv mill-Bulgarija
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ġara mill-każ li kien qed jiġi nvestigat mill-pulizija meta s-sajf li għadda ċittadin Malti kien daħħal splussiv mill-Bulgarija? Fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija? Saru kuntatti ma' l-awtoritajiet Bulgari? Tressaq xi ħadd il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni dwar il-każ fejn persuna kienet instabet li kellha xi materjal pirotekniku fil-valiġġa mal-wasla tagħha fuq titjira mill-Bulgarija, mistenni li tkun konkluża dalwaqt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'Diċembru 2006 u f'Jannar sa l-20 ta' Frar kemm inqabdu tfal taħt l-eta' f'postijiet ta' divertiment? Liema kienu l-bars, discos, etc. u f'liema lokalitajiet? X'passi ttieħdu? Kien hemm sidien li kienu riċedivi? Jista' jgħid ukoll jekk hux qed issir distinzjoni jew le fejn ikun hemm bars li huma non-alcoholic?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Diċembru 2006 u l-20 ta' Frar 2007, il-Pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra 9 persuni responsabbli minn postijiet ta' divertiment, 1 minnhom reċediv, wara li kienu nstabu 10 persuni taħt is-sittax-il sena f'postijiet ta' divertiment ġewwa Ħal Luqa, Wied il-Għajn, San Ġiljan, u r-Rabat Għawdex.
Infurmat ukoll illi r-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment ma jagħmlux distinzzjoni bejn postijiet ta' divertiment fejn jinbiegħ l-alkoħol jew le.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-kumitat imwaqqaf apposta biex jistudja r-regolamenti tad-divertiment? Meta mistenni li jiġi ppubblikat dan ir-rapport?
Response (BORG, TONIO)
Il-Kumitat avvanza ħafna fix-xogħol tiegħu u ltaqa' diversi drabi.
Malli jkolli r-Rapport, inpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjan li qed timxi fuqu l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada fejn jidħlu xogħlijiet ta' bini, manutenzjoni jew ta' xort'oħra fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux il-kaz li f'dan l-istadju jitpoġġa d-dokument mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapporti jew case studies li ġew preżentati lil persuni minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea marbut mas-sistema tal-kulleġġi u dak li qed jiġi propost mill-gvern fil-qasam ta' l-edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-rapporti li għandhom x'jaqsmu mas-suġġett imsemmi fil-Mistoqsija huma diġa pubbliċi u poġġuti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-records department fl-MMA jieħu nies minn fejn irid mingħajr call for application?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x'qed ifisser meta qed jgħid li "ir-records department fl-MMA jieħu nies minn fejn irid mingħajr call for application?"
Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija — National Research and Innovation Programme
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma d-ditti jew koordinaturi li applikaw u ġew magħżula għal national research and innovation programme ta' l-2006, amministrat mill-kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija (MCST) f'Bighi u x'kienu l-kriterji wżati biex issir l-għażla u min kien fuq il-bord ta' l-għażla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma illi Aqua Biotech Innova rappreżentanta fuq l-advisory board ta' l-istess kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija mill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, u Sustech consulting rappreżentata fuq l-advisory board minn inġinier li ismu qed jintbagħat separatament, kellhom il-proġetti tagħhom magħżula?
Jista' jinvestiga l-konflitt ta' interess ta' dawn l-applikanti għall-fondi, meta dawn huma wkoll fuq l-advisory board tal-kunsill u jinvestiga għalfejn iċ-chief executive officer tal-kunsill ippermetta dan il-konflitt ta' interess meta dan kien jaf bih? Għalfejn f'laqgħa ta' informazzjoni lill-applikanti ċ-chief executive officer ma kienx jaf jirrispondi għal mistoqsijiet bażiċi dwar kif għandha timtela' l-applikazzjoni, b'hekk ħalla dubju li seta fixkel is-suċċess ta' xi wħud mill-applikazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista bl-ismijiet tal-persuni jew ditti li ġew magħżula mill-kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija, kemm se jingħataw fondi għar-riċerka għal kull applikazzjoni li ntagħżlet u x'kien is-suġġett tar-riċerka?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Fil-cardiac laboratory ta' l-isptar San Luqa kemm isiru echocardiograms kuljum? Kemm ikunu (kuljum) it-tobba li jagħmlu dawn l-echocardiograms? Kemm hu n-numru ta' out-patients li qed jistennew biex isirilhom echocardiogram?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fil-Cardiac Laboratory ta' l-isptar San Luqa isiru numru ta' echocardiograms kif jidher fit-tabella ta' hawn taħt.
Ġurnata
Pazjenti
Konsulenti
It-Tnejn
18
1
It-Tlieta
25
2
L-Erbgħa
15
1
Il-Ħamis
15 tfal
5 adulti
2
Il-Ġimgħa
25
2
Is-Sibt
10 tfal
4 adulti
2
In-numru ta' out patients li qed jistennew isirilhom echocardiogram mhux urġenti huwa ta' 8,511. Infakkar li dan it-test qiegħed isir bħala investigazzjoni ta' rutina u bħala ckeck up.
Ċentru Ħidma Soċjali — Persuni li jagħtu servizz ta' home help
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru massimu ta' sigħat fil-ġimgħa li ċ-ċentru ħidma soċjali jrid li jaħdmu dawk li jagħmlu home help? Jekk jinħass il-bżonn, jista' dan iċ-ċentru jara li xi helpers jaħdmu s-Sibtijiet ukoll? Il-helpers jibdew ix-xogħol fit-8.00 a.m. Sa liema ħin iċ-ċentru jrid li jaħdmu dawn il-helpers? Kemm hu l-ħlas tagħhom kull siegħa? Kemm għandhom ġranet ta' leave u ta' sick leave bi ħlas fis-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru massimu ta' sigħat li jaħdmu il-Part Time Social Assistants fil-ġimgħa huwa ta' bejn 30 u 35 siegħa. F'każ ta' bżonn, il-Part Time Social Assistants jaħdmu wkoll is-Sibtijiet. Is-servizz tal-Home Help jingħata bejn is-7.00 ta' filgħodu u 2.30 ta' wara nofs in-nhar.
Il-ħlas li jirċievu l-Part Time Social Assistants huwa ta' Lm1.88.6 is-siegħa. Leave u sick leave bi ħlas jingħata pro-rata skond in-numru ta' sigħat li jaħdmu l-Part Time Social Assistants.
Peress li qed isiru lamenteli mill-pubbliku dwar nuqqas ta' Ventolin u Aspirina fl-ispiżerija tal-gvern, tista' l-Ministru tindirizza dan in-nuqqas?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-Aspirina u il-Ventolin nebuliser solution, ilhom għal xi żmien out of stock mill-stores ta’ l-Isptar San Luqa.
Għaldaqstant l-ispiżerija ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex qed tagħti tip ta’ aspirina li s-soltu jeħodha biss minn għandu permess speċjali. Il-Ventolin nebuliser solution joħroġ biss għat-tfal li għandhom permess speċjali iżda fil-mument qed jingħata lill-pazjenti tas-swali biss. Minkejja dan, mhemmx nuqqas ta’ Ventolin inhaler fl-Isptar u dan qed jingħata kif inhi l-prassi eżistenti.