B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W296, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-problema jekk l-eżami tal-prattika xorta waħda jsir hawn Malta f'xi laboratorju naturalment bi ħlas li jiġi stabbilit mill-awtoritajiet Maltin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord tal-MATSEC ma jistax jgħid x'inhi l-problema li qed isibu dawk l-istituzzjonijiet li normalment jagħtu servizz ta' laboratorju lill-bordijiet barranin ta' l-eżamijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23214, jista' l-Ministru jgħid dawk il-libreriji li m'humiex online meta se jidħlu f'din is-sistema? Jista' jgħid ukoll fil-preżent liema huma dawn il-libreriji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm 17 il-librerija li m'humiex fuq sistema kompjuterizzata. Dawn huma tal-Qrendi, Lija, Marsaxlokk, Marsascala, Kalkara, Kirkop, Marsa, Safi, St Andrews, St Julians, Sta Venera, Isla, Tarxien, Fgura, Valletta. Bħala Libreriji Reġjonali insibu wkoll tar-Rabat u tal-Birgu.
Informat ukoll li fil-preżent id-Dipartiment tal-Libreriji ma jistax jagħti data meta dawn il-libreriji se jkunu 'online'.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-MITTS ta' Għawdex mhux qed jieħdu t-telefonati direttament huma imma t-telefonata qed tidħol Malta bil-konsegwenza li qed ikun hemm dewmien fis-servizz provdut u b'hekk jinħoloq inkonvenjent lil kull min jinħtieġ l-għajnuna tat-tekniċi f'Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat, li s-servizz ċentraliżżat huwa sempliċiment is-servizz ta' teħid tat-telefonati. Servizz bħal sapport fuq kompjuters għand il-klijent għadu jsir mill-istess impjegati.
Peress li fir-residenza ta' l-anzjani Sant'Anna fl-iSptar Ġenerali ta' Għawdex hemm intejjen kbar in konsegwenza ta' problema fis-sistema tad-drenaġġ li anke kien hemm żbroff ta' drenaġġ fl-istess sala, tista' l-Ministru tgħid meta se tittieħed l-azzjoni meħtieġa biex jitneħħa dan l-inkonvenjent? Tista' tgħid ix-xogħlijiet minn se jagħmilhom u kemm huwa stmat li se jiġu jiswew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li kif ġie rappurtat li kien hemm x'irwejjah ta' drenaġġ giet identifikata l-problema u beda x-xogħol minnufih. Ix-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ tar-Residenza Sant'Anna sar bejn il-21 u t-23 ta' Frar 2007. Dan ix-xogħol sar mis-sur Michael Refalo u b'kollox ġie jiswa LM 389,40,0 (vat inkluż)
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti li issa se jieħdu l-istipendju wara li dawn ma kienux ingħataw l-istess stipendju fil-bidu ta' din is-sena skolastika, meta proprju bdew l-istudji tagħhom ġewwa l-MCAST? Jista' jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' studenti li mhux se jieħdu l-istipendju?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarrija rilevanti tad-DOI pubblikata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu applikaw artisti biex jagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom għal-logo il-ġdid tal-kunsill Malti għall-kultura u l-arti? Min kienu dawn l-artisti? Jista' jgħid ukoll kif ġie deċiż li jintgħażel il-persuna li ntagħżlet għal-logo il-ġdid? Kemm se jitħallas għal dan il-logo?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi għas-sejħa pubblika li xandar għal proposti għall-logo ġdid , il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti irċieva 28-il sottomissjoni minn 28 artist differenti. Ma naħsibx li jkun etiku li jingħataw l-ismijiet ta' dawn l-artisti.
Il-Kunsill evalwa bir-reqqa s-sottomissjonijiet kollha u kkonkluda li l-ebda waħda ma kienet tesprimi l-missjoni tal-Kunsill, ċioe li jippromwovi l-Kultura u l-Arti Maltija sew f’Malta kif ukoll barra xtutna. Għalhekk, il-Kunsill iddeċida li jikkommissjona artist/diżinjatur. Ġie miftiehem li l-ħlas tal-kummissjoni ikun ta’ Lm500.
Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' xtieli/pjanti tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul is-sena 2006, ma kienx hemm infieq għall-kiri ta' xtieli/pjanti mill-Ministeru u mid-dipartimenti li jaqgħu taħti.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ikliet/hospitality
Question
Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' l-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' għamara/pittura tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul is-sena 2006, ma kienx hemm infieq għall-kiri ta' għamara/pittura mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Xiri ta' stationery
Question
Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-stationaries tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitlub mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
It-Tarzna ta' Malta kemm ħadet ordnijiet mill-Istati Uniti u mill-flotot navali tagħha fis-snin 2005 u 2006? Hemm prospetti ta' ordnijiet minn dan il-pajjiz fil-ġejjieni qarib?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fis-snin 2005 u l-2006 kien hemm 15-il vapur minn kumpaniji Amerikani li daħlu fit-tarzna ta' Malta.
Fl-istess żmien ma daħal l-ebda vapur mill-flotot navali ta' l-Istati Uniti.
Fix-xahar ta' Marzu 2007 hemm vapur tal-passiġġieri minn kumpanija Amerikana li se jidħol it-tarzna għal xi xogħolijiet.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex sejjer jinħareġ tender pubbliku biex jiġi mixtri l-apparat tad-dual pricing li jidher li huwa ppjanat li jingħata lil dawk in-negozji li daħlu fis-sistema FAIR marbuta mad-dħul tal-euro f'pajjiżna? Dan japplika wkoll għal calculators li sejrin jingħataw lil households Maltin u Għawdxin f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra liema proċedura intużat biex jinxtara l-inċineratur tal-Biċċerija? Kienet saret sejħa għall-offerti? Meta sar dan u x'kien irriżulta minnha? Kemm kienet in-nefqa totali fuq dan il-proġett, kif ukoll in-nefqa biex dan l-inċineratur jibda jilqa' skart ieħor minbarra l-biċċerija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-inċineratur tal-Marsa kien inxtara wara li lejn tmiem l-2003 kienet ħarġet sejħa għall-offerti taħt il-proċeduri tal-Ħames Protokoll Taljan. Id-ditta Taljana Gruppo Barbieri & Tarozzi S.p.a. rebħet dan il-kuntratt u l-letter of acceptance ħarġet f'Lulju 2004. Il-proġett ta' l-inċineratur tal-biċċerija sewa 10,444,450 Ewros, liema spiża ġiet iffinanzjata mill-Protokoll stess. In-nefqa biex dan l-inċineratur jieħu skart ieħor għadha qegħda tiġi negozjata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23443 u jgħid jekk ħaddiema carers fi djar ta' l-anzjani tas-sorijiet humiex intitolati għal night duty disturbance allowance skond il-liġi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ impjegati fis-settur privat, inkluż il-kategorija ta’ mpjegati ndikati fil-Mistoqsija, ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta’ tad-dekasteru tiegħi.
Tista' tiġi rikunsidrata mill-ġdid t-talba rifjutata għall-istallazzjoni tal-lift f'housing estate, li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament, minħabba li hemm residenti ibatu bil-qtugħ tan-nifs u anke mix-xjatika?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ġimgħa qabel id-data ta’ din il-Mistoqsija, il-Bord tad-Diżabilita’ fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar irreveda d-deċiżjoni originali u approva l-istallar tal-lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li l-applikanti mistennija jiġu nfurmati b’dan bil-miktub.
Jista' jiġi kkonsidrat l-istallazzjoni ta' liftfl-indirizz li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba r-raġunijiet mediċi varji on file inkluż ċertifikati ta' speċjalisti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni għal stallar ta’ lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant waslet għand l-Awtorita’ tad-Djar ix-xahar l-ieħor.
Ninsab infurmata wkoll li din l-applikazzjoni ser tiġi kkunsidrata mill-Bord tad-Diżabilita’, imwaqqaf fi ħdan l-Awtorita’, aktar tard ix-xahar id-dieħel.
Pulizija — Rapporti ta' serq minn knejjes u istituti reliġjużi
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rappurtati serqiet minn knejjes u istituti reliġjużi matul is-sena 2006? Jista' jgħid fejn saru l-każi u jekk ittellgħex xi ħadd il-qorti dwar l-istess każi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, il-Pulizija kellha 18-il rapport ta' serq minn knejjes u 7 minn istituzzjonijiet reliġjużi kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. F'każ minnhom, persuna li kienet rrapurtat portmoni misruq, infurmat lill-Pulizija aktar tard li l-portmoni ma kienx misruq imma kienet insietu warajha d-dar, filwaqt li dwar żewġ każi oħra ittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ilu ma jkun hemm pulizija li jingħataw ċans li jieħdu kors full-time l-Universita'? X'inhi l-possibbilta' li fil-futur qarib jerġa' ikun hemm dawn l-okkażjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-aħħar sponsorship għall-korsijiet full time fl-Universita' lill-membri tal-Korp tal-Pulizija, kien sar fis-sena 2000, fejn kienu ġew sponsorjati seba' membri tal-Korp wara li kienet saret sejħa għall-applikazzjonijiet. Għalissa għad m'hemmx il-ħsieb li ssir sejħa għall-applikazzjonijiet għall-korsijiet full time sponsorship fl-Universita'.