Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar San Luqa — Laser Treatment /Visudyne therapy

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tipi ta' laser treatments jeżistu bħalissa fl-Isptar San Luqa, u jekk jeżistix Visudyne therapy biex iwaqqaf mascular degeneration?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bħal issa fl-isptar San Luqa jsiru trattamenti bil-laser b'żewġ magni. Waħda hija Argon Laser Treatment għal pazjenti tad-dijabete u problemi oħra fir-retina. Isiru wkoll trattamenti ta' laser b'magna li jisimha Yag Laser għal pazjenti bil-Glaucoma u After Cataract li hija qoxra wara l-lenti li tiddaħħal waqt l-operazzjoni tal-katarretti. It-trattament ta' Visudyne therapy għal Macular Degeneration sal-lum ma huwiex parti mis-servizz pubbliku tas-saħħa li jiġi offrut b'xejn f'Malta.

Għaxaq — Triq il-Qattus

Question

Jista' l-Ministru, b'riferenza għal Triq il-Qattus, Hal Għaxaq, jgħid liema parti minn din it-triq se tingħata wiċċ u x'possibbilta' hemm li din tingħata wiċċ minn tarf sa l-ieħor?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq qiegħda fil-lista ta’ toroq li jridu jiġu asfaltati sal-2008. Il-gvern ser jasfalta il-parti li hi miftuħa u mibnija.

Pulizija — Liċenzji ta' kaxxi tal-logħob

Question

Jista' pulizija jitlob sid ta' ħanut jipprovdi liċenzji tal-kaxxi tal-logħob tas-sena li tkun skorriet meta l-liċenzja tas-sena kurrenti tkun imħallsa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi jista' jkun hemm diversi raġunijiet għal x'hiex il-Pulizija titlob id-dokumenti kif imsemmija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob parir legali fuq iċ-ċirkostanzi tal-każ.

Liġi tal-Konsumaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi li ttellgħu l-qorti taħt il-liġi tal-konsumaturi? Jista' jagħti l-lista ta' dawn l-okkażjonijiet li turi n-numri ta' każi, it-tip (taħt liema artiklu tal-liġi), kemm instabu ħatja u kemm kienet il-penali meta nstabu ħatja? Kemm kien hemm każi li ttellgħu l-qorti għaliex kienu qed jiksru l-avviż legali 283 ta' l-2002 tal-prezzijiet (price indications)? Kemm minnhom instabu ħatja u kemm kienet il-piena? Rigward id-direttiva ta' l-unfair commercial practices, saret konsultazzjoni pubblika dwar kif beħsiebu jimplimentaha l-gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu li qed jirreferi għaliħ.

Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: 1) kemm hemm pulizija Maltin li llum huma stazzjonati Għawdex? 2) kemm hemm pulizija Għawdxin li llum huma stazzjonati Malta? Liema rank jokkupaw? 3) meta l-Maltin ikunu stazzjonati Għawdex u viċi versa, min hu responsabbli biex jipprovdilhom fejn joqogħdu? 4) jista' jgħidilna fejn qed jiġu alloġġjati dawk il-Maltin li ġew stazzjonati Għawdex u viċi versa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm Supretendent u Spettur residenti Malta li qegħdin assenjati xogħol Għawdex, filwaqt li hemm Supretendent, 5 Spetturi, 2 Surġenti Maġġuri, 11-il Surġent u 56 Kuntistabbli residenti Għawdex li huma assenjati xogħol Malta. Kif kienet minn dejjem il-policy, dawk il-membri tal-Korp li minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom ikunu meħtieġa li jibqgħu on call, bħal ma huma l-fizzjali fid-Distretti, il-Korp jipprovdi akkomodazzjoni lilhom ġewwa Għases li jkollhom din il-faċilita'. Fil-każ ta' dawk il-membri tal-Korp l-oħra, min jagħżel li jibqa' Malta jew Għawdex bejn shift u ieħor, jista' wkoll jagħmel użu minn għases li għandhom il-faċilita' għal tali akkomodazzjoni. Ta' min iżid, illi l-Korp għadu kemm xtara appartament ġewwa l-Qala sabiex jinbidel mal-appartament li l-Korp kellu f'Taċ-Ċawla, fejn ikunu jistgħu jkunu alloġjati dawk il-membri tal-Korp, residenti Malta, li n-natura tax-xogħol tagħhom tkun tenħtieġ li jibqgħu on call.

Esperti tal-qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' l-esperti tal-qorti li ntużaw dan l-aħħar tliet snin dwar id-DNA u testijiet oħra dwar id-drogi? X'inhuma l-kwalifiki tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Kull ġudikant huwa liberu li jqabbad persuna biex tagħmilha ta' 'espert tal-Qorti' dwar kull materja partikolari li dwarha l-Qorti jkun jidrilha li jkun jeħtieġ rapport tekniku. F'dawn il-materji, ovvjament hemm testijiet ta' DNA u Drogi. Kull ġudikant ikun sodisfatt li l-persuna li tkun ser tiġi mqabbda li tirrediġi rapport tekniku bħala espert tal-Qorti jkollha l-kwalifiki meħtieġa biex taqdi d-dmirijiet tagħha. L-inkjesta hija materja tal-Maġistrat Inkwerenti u mhux ta' xi Qorti jew tar-Reġistratur. Ir-Reġistratur ma għandux l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari.

Tħaffir ta' mina

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23859 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid għal xiex se tintuża l-mina li tħaffret minn Wied iż-Żiju l/o Sant'Antnin sal-power station ta' Delimara? Meta beda x-xogħol ta' tħaffir tal-mina li mill-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant Antnin Wied il-Għajn twassal għal power station ta' Delimara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-mina ser tintuża biex jgħaddu cables ta’ l-elettriku b’vultaġġ għoli mill-Power Station ta’ Delimara għaċ-ċentru l-ġdid ta’ distribuzzjoni li hemm ġewwa Wied il-Għajn. Ix-xogħolijiet tat-tħaffir tal-mina beda f’Ottubru 2003. M’hemm l-ebda konnessjoni ma’ l-impjant tar-riċiklaġġ.

Kaċċa u nsib

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir insib din is-sena u minn meta? Jista' jagħti garanzija li l-kaċċa fir-Rebbiegħa u l-insib se jkunu jistgħu jiġu pprattikati bħalma kien imwieġeb qabel ir-referendum għal sħubija fl-Unjoni Ewropea mill-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħalma tħabbar fil-media u anke fl-istqarrija uffiċjali, l-istaġun tal-kaċċa u l-insib għall-gamiem u s-summien għal matul ir-rebbiegħa se jinfetaħ. Il-Ministru irċieva r-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Ornis u se jiddeċiedi dwarhom fil-jiem li ġejjin. Id-deċiżjoni dwar ftuħ ta’ l-istaġun fir-rebbiegħa dwar l-insib għall-għasafar tal-għana għad trid tittieħed mill-Ornis u tkun komunikata lill-Gvern.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti garanzija li l-isptar Mater Dei se jkun bla ħlas meta jinfetaħ u fis-snin li ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ewwelnett nixtieq nippreċiża l-punt li s-servizzi tas-saħħa tagħna m’humiex bla ħlas. Fil-fatt, is-sena l-oħra, il-poplu ħallas, permezz tat-taxxi, xejn anqas minn Lm125 miljun għal dawn is-servizzi (Lm83 miljun rikorrenti u Lm42 miljun f’kapital). Li għandna bla ħlas huwa l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. Dan huwa l-punt li aħna kburin bih u li dejjem żammejna miegħu, kuntrarju għall-Gvern Laburista, li fl-1997, għamel ħlas fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa fl-għoti tal-mediċina. Nixtieq inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant li l-Gvern, kemm fil-Pjan ta’ Konverġenza u kif ukoll lil hinn minnu, permezz ta’ kif inhu stmat l-iżvolġiment ta’ l-ekonomija maltija, qed jeskludi għal kollox ħlasijiet għal aċċess tas-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet lill-pazjenti tagħna.

Tfal taħt l-eta' — Twelid ta' trabi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twieldu trabi lil tfal taħt is-16-il sena kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Billi huwa ċar li sar abbuż fuqhom, x'passi ħadet il-pulizija fuq dawn il-każi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li r-Reġistru Pubbliku ma jżommx statistika kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant fl-ewwel parti tal-mistoqsija, għalhekk nissuġġerilu li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi fil-każ ta' korruzzjoni ta' tfal ta' taħt l-eta', il-Pulizija tipproċedi kif provdut fl-artikolu 203 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9).

Tfal taħt l-eta' — Miscarriages

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li kellhom korriment (miscarriage) kull sena, għal dawn l-aħħar ħames snin? Dawn il-każi safejn hu ċar li sar abbuż fuqhom, jiġu rrappurtati lill-pulizija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li min tagħrif miġbur permezz tas-sistema tan-National Hospital Information System, in-numru ta' tfajliet taħt is-sittax -il sena li ddaħħlu fl-isptarijiet Ġenerali tal-Gvern li kellhom korriment (miscarriage) kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin jidhru hawn taħt. Sena Numru ta' tfajliet <16 il sena li ddaħħlu fl-isptarijiet Ġenerali tal-Gvern minħabba korriment (ICD-10 Code: O00-O08) 2002 1 2003 1 2004 1 2005 0 2006 3 Fil-każi ta' fejn hu ċar li sar abbuż fuqhom, jiġu rrapurtati lill-pulizija.

Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' mediċini li raħsu minn Novembru li għadda, x'inhuma u b'kemm raħsu? Kemm għolew fl-istess żmien?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peres li l-prezzijiet ma jaqawx taħt id-dekasteru tiegħi, qiegħed nitlob lill-Onor. Interpellant jibgħat din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema swali jew servizzi oħra ta' saħħa se jiġu offruti mill-isptar Mater Dei meta jinfetaħ fix-xahar ta' Lulju ta' din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Wara li l-isptar jinfetaħ fl-ewwel ta' Lulju, l-ewwel servizzi jkunu d-dipartimenti tal-Amministrazzjoni u s-servizzi anċillari. Wara, jibda l-proċess biex jiġu trasferiti s-servizzi ta' kura. Din is-sekwenza ta' migrazzjoni hija maħsuba biex tiżgura li ma jkun hemm ebda perikolu għas-saħħa tal-pazjenti.

Mosta — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq l-Għadajjar, Triq in-Naħla, Triq il-Ħaġar, Triq Żmien il-Bronż u Triq il-Wied fil-Mosta humiex isiru u jitħallsu mill-awtorita' dwar it-trasport?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 23839 u 23966 u jgħid f'liema stadju waslet it-tender CT 360/2WS "Malta South Sewage Transmission Infrastructure"?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li t-tender ingħata u l-kuntratt ġie iffirmat. Qed issiru l-preparamenti neċċessarji mill-kuntrattur sabiex malli jinħareġ il-permess tal-MEPA jinbdew ix-xogħolijiet.

Bejgħ ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħħal flus il-gvern mill-bejgħ ta' proprjeta' tad-dipartiment ta' l-artijiet u tal-Joint Office matul l-2006?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2006, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern daħħlet is-somma ta' erbgħa u għoxrin miljun, sitt mija u tlieta u għoxrin elf, mija u erbgħa u erbgħin Lira Maltija (Lm24,623,144) mill-bejgħ ta' proprjeta' tad-Dipartiment tal-Artijiet u tal-Uffiċċju Konġunt.

Ta' Qali — Kiri tal-park nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus għal kiri tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali għal festival tal-birra? Dan il-ħlas sar lill-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-flus għall-kirja ta’ parti mill-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali għall-festival tal-birra kienu Lm3,236.32. Barra dan l-ammont tħallsu wkoll Lm1,585.52 għall-ħsarat li saru waqt il-festival. Iva, dan il-ħlas sar lill-Gvern.

Kirkop — Triq Danny Cremona

Question

B'riferenza għal Triq Danny Cremona, Ħal Kirkop stante li f'din it-triq jaqa' ħafna ilma tant li qed jidħol fi djar privati, jista' l-Ministru jara li jinbnew culverts li jieħdu l-istess ilma f'post apposta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Onorevoli Nterpellant huwa mitlub jindika liema huma d-djar privati li qed ikollhom dawn il-problemi minħabba li dan id-Direttorat ma kellux rapporti f’dan is-sens.

Għaxaq — Triq il-Pitiross - Culvert

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni li l-culvert li sar fi Triq il-Pitiross, Ħal Għaxaq jiġi mgħotti bi gradilja stante li huwa ta' periklu għal dawk kollha li jagħmlu użu minn din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil-Onorevoli Nterpellant li dan il-culvert li qiegħed eżatt taħt il-kurdina tal-bankina u wiesgħa 4 pulzieri. Dan kien sar sabiex ikun jista’ joħroġ l-ilma tax-xita minn katusi tad-djar li kienu l’isfel mill-livell tat-triq. Ma jidhirx li dan jista’ jkun ta’ periklu għax in-nies jimxu fuq il-bankina u diffiċli biex ipoġġu saqajhom eżatt taħt il-bankina.

Blue sticker

Question

Tista' l-Ministru tara li jinħareġ il-blue sticker ta' anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ma toħroġx mid-dar u għandha bżonn urġenti ta' dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt applikat għall-Blue Sticker. Ninsab infurmata wkoll li l-applikazzjoni li għamlet din il-persuna kienet għall-Karta ta’ l-Identita’ Speċjali. Ma’ din l-applikazzjoni, li saret fl-14 ta’ Frar 2007, ma kienx hemm ir-ritratti meħtieġa. Dawn ġew preżentati fis-27 ta’ Frar u l-Karta ta’ l-Identita’ Speċjali mistennija tkun lesta sa l-aħħar ta’ din il-ġimgħa.