Tista' l-Ministru tgħid meta hi mistennija li ssir spezzjoni fil-lokal ta' Hal Għaxaq, fil-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar, ma jirrizultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt ghamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex sal-lum l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija miżżewġa u tgħix Malta ma' żewġha u ilha hekk miżżewġa mill-1997, għadha sal-lum ma ngħatatx iċ-ċittadinanza meta dan huwa każ ċar li għandu jingħata mingħajr dewmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kieku dan huwa każ ċar fejn għandha tingħata ċ-ċittadinanza mingħajr dewmien, kieku dan diġa' sar mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza.
F'dan ir-rigward ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet li jsiru dwar talbiet simili għadhom għaddejjin u deċiżjoni dwar din it-talba tittieħed meta dawn l-investigazzjonijiet jintemmu.
Dipartiment tal-bini u tiswija tad-djar — Bdil ta' soqfa
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex id-dipartiment tal-bini u tiswija tad-djar ma biddlux s-soqfa tal-kuridur u s-saqaf tal-kamra tal-banju tal-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, wara li ħarġet sejħa għall-offerti aktar minn sena ilu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant mistenni li jsir sa l-aħħar tax-xahar id-dieħel.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24034, jista' l-Ministru jgħid x'permessi qed jiġu mitluba mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma peress li din il-problema ilha sejra snin twal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tistenna l-permessi mill-ADT biex tkun tista’ tibda x-xogħol.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-fabbriki li kienu fil-qasam industrijali ta' Ricasoli u ġew allokati fabbrika oħra? Fejn ingħataw? X'kien id-daqs li kellhom f'metri kwadri u x'daqs għandhom illum? Jista' jgħid kemm ġiet tiswa l-ispiża, għal kull każ, sabiex mir-Ricasoli marru għall-fabbrika l-ġdida? Liema huma dawk li għadhom jistennew li jingħataw post alternattiv?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim tal-kirja li sar jew isir ma' min jiġi allokat fabbrika? Kemm kienet il-kirja għal lok industrijali fis-sena 2000 u kemm hi llum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien il-budget allokat għall-Kummissarju tat-Tfal f'dawn l-aħħar tlett snin, jiġifieri fis-snin 2004, 2005 u 2006? Kif ukoll, kemm kienet in-nefqa totali u breakdown tagħha li għamlet il-Kummissarju tat-Tfal f'dawn it-tlett snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ammont allokat għall-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal fl-2004 u l-2005 kien Lm10,000, kull sena, u ntefqu Lm12,777.90 u Lm22,260.22 rispettivament. Fl-2006 ġew allokati Lm25,000 u ntefqu Lm40,084.64. Id-differenza bejn l-ammont allokat u dak minfuq tħallset minn Voti oħra allokati taħt il-Ministeru tiegħi.
Ninsab infurmata wkoll li l-
breakdown
ta’ l-imsemmi nfieq hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jbiddel l-avviż legali 178/06 dwar l-armi (dwar il-klassifikazzjoni tal-liċenzji ta' l-armi) biex ikunu jirriflettu aħjar il-liċenzji kif indikat f'avviż legali 177/06?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-klassifikazzjoni tal-ħlasijiet dovuti għall-liċenzji kif stipulat fl-Avviż Legali 178 ta' l-2006, hija ntiża li tiġbor fl-istess partita' jew partiti, dawk il-kategoriji ta' liċenzji kif meħtieġa skond l-Avviż Legali 177 ta' l-2006. Pero' jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi suġġerimenti x'jagħmel, nitolbu jgħaddihomli sabiex jiġu kkunsidrati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'deċiżjoni ttieħdet dwar l-użu ta' tagħmir magħruf bħala palm print fid-depot tal-pulizija wara li kien hemm ansjeta' li dan jista' jintuża b'mod kriminali minn min ikun irid iqarraq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dettal ta' fingerprint fis-sistema tal-fingerprint reader installata fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija huwa maħżun f'forma ta' ritratt diġitali u mhux bħala impronta fiżika. Dan, għalhekk, ma jippermettix li t-tagħrif maħżun fis-sistema jkun jista' jintuża b'xi mod kriminali minn xi ħadd li jkun irid iqarraq kif semma l-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant m'hemm ebda deċiżjoni x'tittieħed.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23781 u jgħid kemm applikaw studenti biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru fi ftit xhur oħra? Kemm hemm subien u kemm bniet? Kemm huma mill-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
L-uffiċċju tal-MATSEC għadu qed jaġġorna u jikkompila t-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23782 u jgħid fl-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru fi ftit xhur oħra, kemm-il student se joqgħod għas-suġġetti kollha offruti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23787 u jgħid:
1. Kemm skejjel (a) primarji (b) sekondarji huma mmexxija minn aġent kap?
2. Kemm mill-iskejjel (a) primarji (b) sekondarji li huma mmexxija minn aġent kap għandhom popolazzjoni studenteska ta' 500 jew aktar?
3. Kemm hemm postijiet vakanti ta' assistant kap fl-iskejjel (a) primarji (b) sekondarji?
4. Kemm hemm postijiet vakanti ta' uffiċjal edukattiv (a) għal-livell primarju skond is-suġġetti u (b) għal-livell sekondarju għal kull suġġett?
5. Kemm postijiet ta' uffiċjal edukattiv għal-livell (a) primarju u (b) sekondarju ġew vakati (i) wara rtirar bl-eta' (ii) wara promozzjoni (iii) wara riżenja f'dawn l-aħħar ħames snin sas-6 ta' Frar 2007?
6. Kemm attwalment għandu jkun il-komplement ta' uffiċjali edukattivi għat-taqsima primarja u għal dik sekondarja?
7. Kemm hemm supply teachers impjegati fit-taqsima (a) primarja (b) sekondarja sa Diċembru 2006?
8. Kemm minn dawn huma gradwati imma mhux B.Educ?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk swimming pools li jkunu miftuħa għall-pubbliku jiġux spezzjonati minn uffiċjali tas-saħħa biex ikun żgurat li l-kwalita' ta' l-ilma huwa tajjeb u li jkun hemm l-indafa? Kemm saru spezzjonijiet fl-2006 u f'liema pixxini? Kemm saru spezzjonijiet fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena u f'liema pixxini? Kien hemm każi fejn kien hemm infrazzjoni tar-regolamenti jew tal-liġi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24122, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bil-pubblikazzjoni ta' A.L.129 ta' l-2005 - Regolamenti ta' l-2005 dwar Swimming Pools, il-persuna responsabbli għandha diversi obbligi nkluż dawk ta' monitoraġġ fuq il-kwalita' ta' l-ilma.
Minn Ġunju ta' l-2006, it-Taqsima tas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika , ġiet mogħtija l-funzjoni biex tniedi programm ta' audits tal-pixxini rreġistrati ma' l-Awtorita' tas-Saħħa peress li r-reġistrazzjoni tal-pixxini huwa obbligu taħt dawn ir-regolamenti. Minn Ġunju ta' l-2006 sa llum, saru dawn it-tip ta' audits f'120 pixxina. Tmienja minnhom saru matul din is-sena 2007. Waqt dawn l-audits, l-uffiċjali min din it-taqsima jduru mal-kumpless kollu biex jiċċekjaw illi l-provedimenti kollha tar-regolamenti qed jiġu osservati.
F'każ ta' nuqqasijiet, il-persuna responsabbli tiġi pprovduta b'avviż ta' tneħħija maħruġ taħt l-Artiklu 12 ta' Att dwar is-Saħħa Publika biex jikkonforma ruħu skond il-provediment ta' l-A.L.129 ta' l-2005 u f'każ li jonqos li jirregola ruħu ma' dan l-avviż, isir garanzija skond it-termini ta' l-Artiklu 13, ta' l-Att Nru. XIII ta' 2003. Min dawn il-garanziji s'issa ħarġu 8 u ttieħdet azzjoni legali kontra numru ta' stabilimenti fejn naqsu li jirregolaw ruħhom ma' dawn ir-regolamenti.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjonijiet tat-Tribunal huma biss rakkomandazzjonijiet. Il-Gvern qed jevalwa s-sitwazzjoni fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ stante li hawn si tratta l-ogħla kariga f’Ministeru kif stabbilit fl-istess Kostituzzjoni
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23406 dwar servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex, tista' l-Ministru tgħidli x'deċiżjoni ħa l-gvern fuq ir-rapport tal-kumitat li twaqqaf ad hoc mill-gvern biex jagħmel ir-rakkmandazzjonijiet fuq l-għażliet dwar tipi ta' servizz li jistgħu jiġu adottati? Minn min kien magħmul il-bord?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M’għandix x’inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23406.
Minkejja dan, nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li l-kumitat li twaqqaf ad hoc mill-gvern biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet fuq l-għażliet dwar it-tipi ta’ servizz li jistgħu jiġu adottati kien kompost mill-persuni msemmija hawn taħt:
Is-Sur Leonard Callus
Is-Sur Joe Micallef
Is-Sur Marcel Pizzuto
Is-Sur Joe Vella
Is-Sur Joe Sultana
Is-Sur Tony Gatt
Il-Perit Silvio Farrugia li kien irrappreżentat mis-Sur Frans Mallia
Il-Maġġur Mark Anthony Said
Il-Perit William Soler
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-kumpannija Spanjola li kienet tħaddem is-servizz tal-helicopter ma kenitx eżentata mill-VAT u kienet obbligata tħallas din it-taxxa meta s-servizz bl-ajru huwa tant meħtieġ għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta' Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta’ trasport bejn Malta u Għawdex, il-liġi tal-VAT tipprovdi għal eżenzjoni biss fil-każ ta’ vjaġġi bil-baħar scheduled għall-ġarr tal-passiġġieri bejn gżira u oħra minn trasportaturi awtorizzati u servizzi oħra ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-baħar scheduled li għandhom dak l-għarfien mill-Kummissarju (Taqsima Wieħed tal-Ħames Skeda).
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23718 dwar it-Triq Xewkija-Mġarr fejn hija talbitni nirriferi l-mistoqsija lill-ministru konċernat.
*Peress li x-xogħlijiet qed isiru fuq it-Triq Xewkija-Mġarr huma xogħlijiet pubbliċi ffinanzjati mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea;
*Peress li sena ilu l-Prim Ministru fi tweġiba li kien tani għall-mistoqsija parlamentari kien qalli li hija responsabbli mix-xogħlijiet pubbliċi kif ukoll mill-proġetti ffinanzjati mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea;
*Peress illi fl-istess tweġiba l-Prim Ministru kien qalli li l-Ministru għal Għawdex tamministra l-vot tagħha direttament;
*Peress li l-Vot tal-Ministru għal Għawdex jinkludi t-toroq kif ukoll il-proġetti ffinanzjati mill-Fondi ta' l-Unjoni Ewropea;
*Peress li l-Ministru stess fi tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari qaltli li l-Ministeru tagħha se jkun qed jamministra l-fondi Ewropej inklużi t-toroq;
*Peress ukoll li fil-fatt il-ministeru tagħha qed jamministra l-fondi ta' l-Unjoni Ewropea għat-Triq Rabat-San Lawrenz fejn biex tlestiet nofs it-triq intnefqu miljun lira aktar milli kellha tiswa t-triq kollha;
Tista' l-Ministru tgħidli għaliex ma rrisponditnix hi dwar it-Triq Xewkija-Mġarr u talbitni nirriferi l-mistoqsija tiegħi lill-ministru konċernat?
Tista' tgħidli jekk il-gvern ħadilhiex il-flus ta' l-Unjoni Ewropea għat-toroq f'Għawdex minn taħt il-ministeru tagħha u tahom lil ministeru ieħor?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Dwar l-ewwel mistoqsija, ninforma l-Onorevoli Nterpellant li x-xogħol fuq il-bini tat-Triq Xewkija-Mġarr qiegħed isir mill-Awtorita' dwar it-Trasport li jaqa' taħt ir-responsabbilta ta' Ministeru ieħor.
Dwar it-tieni mistoqsija ir-risposta hija fin-negattiv.