Jista' l-Ministru jinfurmani jekk il-bolol bi prezz ta' cents Maltin hux se jkunu biss validi sa l-aħħar ta' Jannar 2008? Jekk fl-affermattiv, jistgħu jsiru arranġamenti biex dawn il-bolol jissarrfu f'bolol bi prezz ta' ewro cents?
Jista' l-Ministru jara huwiex possibbli li l-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Tas-Sliema u jwasslu għall-iSptar Mater Dei jibdew ikunu iżjed frekwenti minflok iż-żewġ vjaġġi bil-ħin li jsiru bħalissa? Jista' jara wkoll jekk fl-Imsida jistax isir stagegħall-istess skop għall-konvenjenza tal-Msidjani?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li preżentament il-ħinijiet tal-karozzi tal-linja li jitilqu minn St. Andrews u jmorru l-Isptar Mater Dei via Tas-Sliema huma bil-frekwenza ta’ kull siegħa u jibdew mis-6.00 ta’ filgħodu u jkomplu sat-8.00 ta’ filgħaxija.
Fir-rigward ta’ Bus Stop fl-Imsida, jien infurmat li ser jitwaħħal Bus Stop quddiem it-Tikams għall-konvenjenza tal-Msidjani.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija 29020 u jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament u li hi armla tingħata lura l-ħlas tal-bolla għax din mhux suppost li tħallset?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29024 b'referenza għall-proġett nazzjonali kontra l-għargħar li ġie preżentat lil UE għal talba għal fondi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi s'issa l-Unjoni Ewropea qed tikkofinanzja l-istorm water Master Plan. Pero' dan l-istudju ma jaqax taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Dan l-istudju ser jintuża fil-proġett nazzjonali kontra l-għargħar li ġie ppreżentat lill-Unjoni Ewropea għal talba għall-fondi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-MEPA tal-pjanti approvati tal-kumples sportiv fiz-Zurrieq, liema kumpless diġa' nbdew ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-pjanti li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kif ukoll il-permess tal-proġett imsemmi, jistgħu jiġu aċċessati mis-sit elettroniku tal-MEPA u jirreferi għal-permess numru PA 07493/03 u PA 06639/07.
Fid-dawl tar-rapport tal-UE li l-arja f'Hal Lija u l-Iklin hija għolja f'dak li hu particulate matter minħabba fabbrika tal-ġebel/tal-konkos fil-viċin, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan ta' azzjoni li beħsiebu jimxi fuqu l-gvern fid-dawl ta' dan ir-rapport?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma rċeviet l-ebda rapport mingħand il-Kummissjoni dwar Livelli tat-Tniġġiż dwar eċċessi tal-limiti stipulati fid-Direttiva tal-Kwalita` ta` l-Arja f'Ħal Lija. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda tivverifika mal-Kummissjoni rapporti li dehru fil-media lokali. Ittieħdet ukoll azzjoni ta' infurzar minħabba ħażna ta' materjal tal-kostruzzjoni li qiegħed ikun ta' detriment għall-ambjent tal-madwar. Dan il-materjal issa qiegħed jitneħħa. Fil-kors ta' l-applikazzjoni għall-estensjoni tal-fabbrika eżistenti, l-applikant qiegħed jintalab jissottometti pjan biex jitnaqqas l-inkonvenjent ta' trab u ħsejjes.
Jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki u x'liċenzja jrid ikollu wieħed biex jgħallem is-sewqan tal-karozzi? X'irid jagħmel? Jista' jagħti t-tagħrif kollu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-applikant prospettiv għal instructor/għalliem tas-sewqan jiġi mitlub jimla applikażżjoni fejn irid jipproduċi ċertifikat tal-kondotta riċenti, ċertifikat
mediku u liċenzja tas-sewqan li turi mill-anqas ħames (5) snin esperjenża fil-kategorija ta’ liċenzja li għaliha jkun applika.
Sabiex tiġi akkwistata liċenzja ta’ instructor/għalliem tas-sewqan, l-applikanti prospettivi jridu jgħaddu minn sensiela ta’ tliet eżaminjiet organiżżati mill-ADT skond il-ħdax –il skeda tar-Regolamenti tal-Vetturi bil-Mutur (Liċenzji tas-Sewqan),
S.L.
65.18, magħrufa bħala l-“Eżami ta’ Abbilta` biex tagħti Struzzjonijiet tas-Sewqan”, li jikkonsistu f’dawn:
a) L-Eżami tat-Teorija
b) L-Eżami ta’ Abbilta` u Ħila fis-Sewqan u
c) L-Eżami ta’ Abbilta` u Ħila fl-Istruzzjoni tas-Sewqan.
Barra minn hekk persuna li tixtieq tghallem lil xi ħadd privatament irid ikollha mill-anqas ħames (5) snin esperjenża fil-kategorija ta’ liċenżja li tkun se tgħallem għaliha. F’dan il-kaz trid tiġi sottomesa applikażżjoni għal-liċenżja tas-sewqan skond il-kategorija meħtieġa mill-kandidat, flimkien mal-liċenżja tas-sewqan ta’ l-instructor privat li turi li dan ta’ l-aħħar għandu jew għandha mill-anqas ħames snin esperjenza f’dik il-kategorija partikolari.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li għandu boathouse r-Ramla taz-Zejtun applika u għadhom ma tawhx id-dawl? Kemm hemm li ngħataw d-dawl f'din l-istess area tiegħu? Kemm minnhom għandhom l-istess problema ta' dan l-anzjan? Kemm jonqoshom biex jingħata d-dawl?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar mill-Enemalta ma jirriżultax li saret applikazzjoni għas-servizz tal-elettriku taħt l-isem mogħti separatament ma din il-mistoqsija parlamentari. Ma ġewx irreġistrati applikazzjonijiet tad-dawl f'din l-istess area fl-aħħar sena.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 28829 u 28950 u jgħid jekk Skanska tħallsitx l-ammont kollu dovut lilha fuq il-Mater Dei mill-kuntratt iffirmat? Jikkonferma li r-retention money tħallset ukoll? Meta sar il-handing over ta' l-isptar?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29137 u jgħid kemm hemm spiżjara mal-gvern illum? Jista' jgħid meta tibda l-iskema tal-POYC? Kemm se jkollu bżonn spiżjara? X'inhi l-ispispiża totali li l-gvern iħallas għall-ispiżjara tiegħu? Kemm kienet l-ispiża totali tal-gvern tal-mediċini li ta taħt schedule II u V kull sena fl-2005 u fl-2006?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mal-Gvern hemm 152 spiżjar. L-ispiża totali tagħhom għall-2007 hija mistennija li tilħaq madwar Lm1 miljun.
L-ispiża totali tal-mediċini li nħarġu għall-ispiżeriji (Outpatients) taċ-Ċentri tas-Saħħa u l-isptar San Luuqa matul 2005 kienet Lm7,964,826 u matul 2006 kienet Lm9,489,283.
L-iskema tal-POYC se tibda minn Diċembru2007. Fl-istore ċentrali tal-POYC se jkun hemm bejn 2 u 3 spiżjara għall-ewwel fażi. L-iskema tal-POYC se titħaddem mill-ispiżjara tal-ispiżeriji privati liċenzjati li aċċettaw li jidħlu fl-iskema tal-POYC.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28742 u għall-fatt li Lm17.7 miljun ġew allokati għall-programmi ta' taħriġ li ġew allokati għalihom l-istess fondi, jista' l-Prim Ministru
jgħid kemm inħolqu mpjiegi full time bħala riżultat ta' l-istess taħriġ
min kienu l-entitajiet jew aġenziji privati u jew pubbliċi li mplimentaw dawn l-programmi?
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28742 jista' l-Prim Ministru jgħid kif intnefqu u f'liema proġetti ġew vvotati/usati s-somma lump sum ta' aktar minn Lm112 miljun li sal-lum Malta rċeviet mill-Unjoni Ewropea?
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma meta sar l-ewwel pagament tal-Concession Fee mill-car park manager ta' l-iSptar Mater Dei? Jista' jgħid jekk wara li ddeċieda li jiġu riveduti l-fees tal-parking ta' l-iSptar Mater Dei hux sejjer joħroġ tender ġdid jew jidħol f'diskussjonijiet mat-tender's kollha li kienu ħadu sehem f'tender FMS 528/mdh/06 peress li issa jidher li sejrin jitbidlu l-kondizzjonijiet ta' l-istess tender?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29106 u jara li l-Universita' tgħidilna kemm se jiggradwaw studenti bid-Dottorat fl-IT, din is-sena?
Kemm hemm studenti li qegħdin jirriċerkaw il-qasam ta' l-IT fil-livell ta' Dottorat?
Kemm hemm studenti Maltin u barranin jistudjaw l-IT fil-livell post-gradwali?
Tista' tagħtina lista ta' pubblikazzjonijiet minn akkademiċi lokali fil-qasam ta' l-IT?
Tista' tgħidilna meta l-proġett tal-bini tal-Fakulta se jibda u jispiċċa?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni?
Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni?
Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni?
Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Awtorita' għas-Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xoghol tikkonferma li hija għamlet u għandha fil-pussess tagħha Risk Assessment magħmul skond il-liġi. L-Awtorita' zzomm dan id-dokument bħala wieħed konfidenzjali għall-uzu tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid mill-2005 lil hawn kemm iddaħħlu lecturers jew għalliema b'titlu ieħor fl-Universita' ta' Malta biex jgħallmu suġġett/i fil-Kors ta' l-Istudji ta' Traduzzjoni u Interpretazzjoni fil-Fakulta' ta' l-Arti? Jista' jgħid ukoll kemm-il kandidat kien hemm għal kull post u fuq liema kriterji ntgħażlu l-kandidati li ngħataw l-inkarigu ta' lecturer kif ingħad?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28903, 28955 u 29115 u jgħid jekk l-Enemalta għamlitx hedging agreement għax-xiri taż-żejt li jkopri s-sena l-oħra, din is-sena u s-sena d-dieħla? Jekk iva, kemm jivvaluta li kien f'miljuni ta' liri dak li ffrankat l-Enemalta fuq il-prezz taż-żejt kif inhu llum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.