Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumitati tal-kuntratti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea kitbux rapporti evalwattivi u kritiċi tal-proċeduri użati minn kumitati tal-kuntratti f'pajjiżna dwar ħruġ u għoti ta' kuntratti f'pajjiżna din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29499.

Sptar Mater Dei — Twaqqigħ ta' bini

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li saru fl-Isptar Mater Dei jista' l-Prim Ministru jgħid x'volum ta' materjal u blat ġie eskavat għall-proġett kollu, kemm ġie jiswa x-xogħol ta' skavar kemm ġew jiswew x-xogħljiet ta' twaqqigħ ta' bini li kien diġa' sar wara li ried jitwaqqa' minħabba bdil fil-pjanta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29667.

Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħidli kemm kien hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu fl-aħħar ta' kull sena mill-1999 'l hawn ma' dipartimenti, korporazzjonijiet, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet oħra tal-Gvern f'Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ ħaddiema Għawdxin fl-aħħar ta’ kull sena mill-1999 sa sena 2007 jaħdmu f’Malta ma’ dipartimenti, korporazzjonijiet, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet oħra tal-Gvern huwa kif jidher f’din it-tabella: 1999 2000 2001 2002 2003 2004 2005 2006 2007 952 660 710 794 805 818 893 837 752

La Vittoria Band Club

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29226 u jgħid kemm ingħataw fondi pubbliċi La Vittoria Band Club, Mellieħa matul din is-sena u minn liema fondi ngħataw dawn il-flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29500.

Kumitati tal-kuntratti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29247 u jgħid jekk l-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea kitbux rapporti evalwattivi u kritiċi tal-proċeduri użati minn kumitati tal-kuntratti f'pajjiżna dwar ħruġ u għoti ta' kuntratti f'pajjiżna din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29499.

Mwiet traġiċi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru mwiet traġiċi din is-sena? X'tip kienu u fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li tilfu ħajjithom traġikament matul is-sena 2007 kien kif ġej: Kawża tal-mewt Irġiel Nisa Total Inċidenti tat-traffiku 11 3 14 Omiċidju 3 1 4 Suwiċidju 26 1 27 Overdose 7 1 8 Oħrajn 32 1 33

Serqiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru serqiet minn ġo djar u minn ġo outlets kummerċjali din is-sena u fejn?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-informazzjoni għax-xhur minn Jannar sa Settembru ta' l-2007 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 24874, 24876, 24878, 25834, 27456, 27458, 27462, 27465 u 27996. Ninsab infurmat illi l-informazzjoni għax-xhur ta' Ottubru, Novembru u Diċembru ta' l-2007 dwar serq minn djar hi ta' 84, 67 u 63 rispettivament, filwaqt dik dwar serq minn stabbilimenti kummerċjali hi ta' 48, 44 u 66 rispettivament.

Vjolenza domestika

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm itellgħu nies l-qorti fuq każi ta' vjolenza domestika din is-sena u x'sess kienu? Kemm kienu Maltin u kemm barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u t-tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.

Skemi

Question

Billi dan l-aħħar ġie rrappurtat li l-Housing Authority qed tbiegħ u tikri residenzi lill-persuni li qed jikkoabitaw, tista' l-Ministru tgħid eżattament xi tfisser? Kemm iridu jkunu ilhom jikkoabitaw biex jikkwalifikaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rapportaġġ li jirreferi għalih l-Onor. Interpellant bl-ebda mod ma jirrifletti dak li qalet iċ-Chairperson tal-Awtorita' tad-Djar. L-Awtorita' tad-Djar taċċetta applikazzjoni għal "joint allocations" u ilha tagħmel dan għal numru ta' snin.

Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu anzjani l-Qorti din is-sena u għal liema reat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, kien hemm 595 persuna anzjana, cioe' ta' l-fuq minn 60 sena, li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija fuq diversi reati kriminali, fosthom reati kontemplati fil-Kodiċi Kriminali, fir-Regolamenti tat-Traffiku, fir-Regolamenti dwar il-Klieb, fir-Regolamenti dwar Żibel u Skart, fir-Regolamenti dwar l-Armi u fir-Regolamenti dwar Liċenzji tan-Negozju.

Gzira football ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol fuq l-ground tal-football tal-Gżira ġol-proġett ta' Manoel Island? Meta hu maħsub li jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Sptar Mater Dei — Twaqqiegħ ta' bini

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29303 u ċioe': B'referenza għax-xogħlijiet li saru fl-Isptar Mater Dei jista' l-Prim Ministru jgħid x'volum ta' materjal u blat ġie eskavat għall-proġett kollu, kemm ġie jiswa x-xogħol ta' skavar kemm ġew jiswew x-xogħljiet ta' twaqqigħ ta' bini li kien diġa' sar wara li ried jitwaqqa' minħabba bdil fil-pjanta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29303.

Pembroke — Skola ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun jisimha l-iskola l-ġdida ta’ Pembroke? Jista’ jgħid x’qed isir fil-preparazzjoni tas-sit minħabba li dik iż-żona hija suġġetta għall-għargħar, tant hu hekk li bosta mir-residenti jsofru minħabba din is-sitwazzjoni? Jista’ jgħid jekk fil-pjanijiet għall-iskola humiex maħsuba xi water culverts biex tkun tista’ ssir xi forma ta’ diversion għall-ilma tax-xita – possibilment biex dan jiġi devjat u mwassal sal-water dens fuq ix-Xagħri ta’ Pembroke li jinsab parallel ma’ l-Impjant tar-Reverse Osmosis tal-Water Service Corporation?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li fl-iskola l-ġdida hemm maħsub li jinbena ġibjun li jilqa’ l-ilma kollu ta’ l-iskola. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada hija nfurmata li kien hemm diskussjonijiet mad-Dipartiment ta’ l-Infrastruttura rigward culverts biex jilqa’ l-ilma ta’madwar. L-isem huwa Kulleġġ Santa Klara, skola primarja Pembroke/Swieqi.

Pembroke — Skola ġdida

Question

B'riferenza għall-iskola l-ġdida ta’ Pembroke, jista’ jgħid x’qed isir fil-preparazzjoni tas-sit minħabba li dik iż-żona hija suġġetta għall-għargħar, tant hu hekk li bosta mir-residenti jsofru minħabba din is-sitwazzjoni? Jista’ jgħid jekk fil-pjanijiet għall-iskola humiex maħsuba xi water culverts biex tkun tista’ ssir xi forma ta’ diversion għall-ilma tax-xita – possibilment biex dan jiġi devjat u mwassal sal-water dens fuq ix-Xagħri ta’ Pembroke li jinsab parallel ma’ l-Impjant tar-Reverse Osmosis tal-Water Service Corporation?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant sabiex din il-mistoqsija tiġi ndirizzata lill-Ministru kkonċernat.

Restawr ta' water dens

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-Water Services Corporation jirrestawra l-water dens li hemm fuq ix-Xagħri ta’ Pembroke, li jinsabu parallel ma’ l-Impjant tar-Reverse Osmosis tal-Water Services, sabiex l-ilma tax-xita taż-żona jkun jista’ jiġi milqugħ u wżat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Pembroke — Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li saru f’Pembroke mill-Gvern Ċentrali mis-sena 2000 'l hawn? Jista' jagħti lista oħra ta’ dawk it-toroq li għadhom pendenti u jgħid meta huwa maħsub li jsiru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informażżjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Pembroke — Triq Pietru Darmenia

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir u titlesta’ Triq Pietru Darmenia f’Pembroke billi din hi ta’ inkonvenjent għar-residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Car seats għat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet biex jinċentiva li aktar nies juzaw il-car seats għat-tfal? X’kampanji qed isiru sabiex tigi kreata awareness akbar u infurzar tal-liġi aktar iebes?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Persuni li jieħdu ħsieb lill-anzjani

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-ħlas li jsir lil dawk il-persuni li jieħdu ħsieb xi persuna anzjana fil-familja tingħatax kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sew il-Pensjoni tal-Wens kif ukoll l-Għajnuna tal-Wens, li jitħallsu taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali lil persuni li jieħdu ħsieb anzjani fil-familja, huma pagabbli kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel.

Consortium ELC

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema tal-Gvern sekondati mal-Consortium ELC humiex se jingħataw l-għażla li jmorru b'mod permanenti mill-Consortium jew jibqgħu mal-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-ftehim li kien għamel il-Gvern ma’ l-Unions dwar il-ħaddiema tal-Gvern li ġew sekondati mal-Consortium ELC, ma jipprovdix għal possibbiltà illi dawn il-ħaddiema jieħdu mpjieg permanenti ma’ l-imsemmi Consortium.