Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mdina — Dħul ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi li għandhom il-permess jidħlu fil-belt ta' l-Mdina? X'inhuma r-raġunijiet għal dan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport m'għandhiex din l-informazzjoni peress illi hi ma toħroġx dawn il-permessi. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistqosija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Xogħlijiet ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent fejn qed isir xogħol ta' toroq? F'kull każ, meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta huwa mistenni li jitlestew? Kemm hija l-ispiża għal kull biċċa xogħol li qed issir fil-preżent?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Għawdex — Ħaddiema fis-settur privat

Question

Nerġa' nirriferi l-Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 21163 dwar ħaddiema fis-settur privat. Jista' l-Ministru issa jagħtini l-istess informazzjoni sena sena mill-2000 sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għas-snin 1999 sa l-2006 ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #24153 Sitting 504 2007-03-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Inċentivi għall-industrija

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23721 dwar inċentivi għall-industrija f'Għawdex, tista' l-Ministru tgħidli kull waħda mis-17-il talba li hemm pendenti għall-approvazzjoni tal-Malta Enterprise meta waslet għand il-Malta Enterprise?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni mitluba diġa' ngħatat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 23870.

Għawdex — Inċentivi għall-industrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru u l-valur ta' l-għotjiet ta' inċentivi għall-industrija f'Għawdex taħt il-Business Promotion Act li huma approvati mill-Malta Enterprise u għadhom ma tħallsux? Għal liema snin huma u kemm hu l-ammont għal kull sena? Meta saru t-talbiet mill-industrijalisti u meta ġew approvati mill-Malta Enterprise? Meta mistennija li jitħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fin-negozjati għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea l-gvern ma ħax il-passi meħtieġa biex iġib deroga mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex fuq il-bażi li l-forzi tas-suq waħedhom ma jħallux li jintlaħaq livell ta' servizz sodisfaċenti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' Għawdex? Jaf li Franza, Spanja, il-Portugal u l-Greċja hekk għamlu biex iħarsu l-interessi tal-gżejjer tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-Pożizzjoni Komuni maqbula bejn Malta, l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea fl-2001, kien speċifikat li Malta kienet se tidħol f'kuntratt ta' servizz pubbliku (PSO) biex jiġi assigurat servizz effiċjenti bejn iż-żewġ Gżejjer bi frekwenza stabbilita u skond nollijiet imposti mill-Gvern. Permezz ta' dan il-PSO, il-Gvern qiegħed jiżgura li jkun hemm il-flessibilita' neċessarja għall-għajnuna meħtieġa rigward it-trasport bejn Malta u Għawdex.
Leg 10 PQ #24157 Sitting 504 2007-03-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23405 tat-30 ta' Jannar 2007 dwar tenders għal xogħlijiet f'Għawdex li ngħataw lill-Road Construction Ltd., tista' l-Ministru issa tagħtini t-tagħrif mitlub?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Malli l-informazzjoni kollha tkun miġbura, din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Bordijiet ta' Għażla

Question

Jista' l-Prim Ministru issa jagħtini t-tagħrif li tlabtu dwar riżultati ta' bordijiet ta' għażla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija ġiet mogħtija fis-seduta numru 502 għall-mistoqsija numru 23732.

Dipartimenti/Azjendi parastatali — Vacancies

Question

Kemm kien hemm vacancies li saret sejħa għall-applikazzjoni għalihom fid-dipartimenti, enti, agenziji, korporazzjonijiet u azjendi parastatali li fihom il-gvern għandu l-maġġoranza ta' l-ishma minn nofs is-sena 2006 sal-lum? Liema kienu dawn il-vacancies, azjenda, azjenda? Kemm minnhom u liema kienu engagements on contract?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-vakanzi li nħolqu f’postijiet fi gradi u f’pożizzjonijiet kuntrattwali għall-perjodu definit matul il-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant huma elenkati f’Appendiċi ‘A’ (Servizz Pubbliku) u f’Appendiċi ‘B’ (Settur Pubbliku) li jinkludi l-entitajiet li fihom il-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma u li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-każ tas-Settur Pubbliku, il-vakanzi approvati kienu kollha f’pożizzjonijiet kuntrattwali għall-perjodu definit li mtlew jew wara sejħa t’applikazzjonijiet jew permezz tal-proċeduri statutorji tal-Korporazzjoni għat-Taħriġ u Impjiegi (ETC).
Leg 10 PQ #24170 Sitting 504 2007-03-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Safriet ministerjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn inqatgħu l-passaġġi ta' l-ajru tas-safriet ministerjali tiegħu nkluż is-safra fl-Awstralja, l-Asja u l-Emirati li ġiet tiswa 'l fuq minn Lm19,000?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-Onorevoli Interpellant huwa nkorrett meta jikkwota l-figura msemmija fil-mistoqsija tiegħu għar-rigward ta' dak li huwa jsejjaħ "safra". Il-biljetti ta' l-ajru għad-delegazzjoni għad-diversi pajjiżi u bliet imsemmija fejn ġew iffirmati żewġ trattati u saru diversi laqgħat bilaterali u laqgħat mal-komunitajiet Maltin-Awstraljani kienu jammontaw għal LM 10,549, kif indikajt fir-risposta li diġa tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 23652. Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, u kif diġa' indikajt f'mistoqsijiet parlamentari oħrajn, il-biljetti ta' l-ajru tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin b'ordni tiegħi, jinxtraw dejjem mill-Air Malta ħlief meta dawn ikunu jinkludu rotot li fuqhom l-Air Malta ma ttirx. F'dan il-każ jittieħdu tlett quotations u tintagħżel l-irħas waħda. L-irħas kwotazzjoni din id-darba kienet ta' Howard Travel u l-biljetti nxtraw minn hemm.

Wied il-Għajn — Persuni single/separat/divorzjat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni f'Wied il-Għajn li huma single, inkluż ġenitur singlu, separat jew divorzjat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ebda Dipartiment jew entita' li taqa' taht id-dekasteru tieghi ma jzomm statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi ghal persuni li qed jircievu xi beneficcju socjali mhallsa taht l-Att dwar is-Sigurta' Socjali, ninsab infurmata li din l-istatistika qed tingabar u Twegiba tinghata f'xi Seduta ohra.

MEPA — Laqgħa tal-Bord

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-Minuti tal-laqgħa tal-bord tal-MEPA tal-21 ta' Diċembru, 2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-minuti relattivi għall-parti pubblika tal-laqgħa tal-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tal-21 ta' Diċembru 2006. Kopja ta' dawn il-minuti ngħatat ukoll lil min kien talab kopja tagħhom u dan anki in vista tal-parir mogħti mill-Ombudsman.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kiri ta' Pjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' xtieli/pjanti fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-2006 ma kien hemm ebda nefqa għal xtieli/pjanti fil-ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kiri ta' għamara/pittura

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' għamara/pittura fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-2006 ma kien hemm ebda nefqa għal għamara/pittura fil-ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Ikliet/Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-ikliet/hospitalityfil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Xiri ta' Stationery

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal xiri ta' stationery fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Kiri ta' Proprjeta'

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' proprjeta' tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Kiri ta' Pjanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' xtieli/pjanti fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li matul l-2006 ma kien hemm ebda nfieq fuq kiri ta’ pjanti jew xtili mill-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu.

Zejtun — Triq il-President Anton Buttigieg

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23796 li tgħid: Possibbli l-awtorita' dwar it-trasport ġentilment tikkonsidra li ssir private road fi Triq il-President Anton Buttiġieġ, Żejtun minħabba r-riskju kbir li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti ta' din it-triq minħabba l-ammont kbir ta' traffiku li jgħaddi minn din it-triq u inċidenti kontinwi uħud minnhom fatali li qed ikun hemm f'din il-bypass fejn lejl u nhar jgħaddu eluf ta' karozzi? Hija nformata l-awtorita' dwar it-trasport li minbarra inċidenti tat-traffiku, inkluż inċident fatali b'mod regolari diversi familji qed jispiċċaw bil-parapetti tagħhom imkissra minn karozzi li jibqgħu deħlin waqt li familji oħrajn spiċċaw bil-vetturi tagħhom imkissra waqt li jkunu pparkjati quddiem il-bieb għax jidħlu fihom karozzi/trakkijiet li jkunu għaddejjin bi speed eċċessiv? Billi hemm fejn issir private road biex ir-residenti jiġu separati mill-bypass, tistax din l-alternattiva tiġi kkonsidrata bis-serjeta'? Possibbli li l-awtorita' dwar it-trasport tagħmel żjara fuq il-post? Billi qed jingħad li l-awtorita' dwar it-trasport beħsiebha tagħmel bicycle lane f'din it-triq, tista' tikkonsidra l-private road minflok għax jekk issir bicycle lane kif inhi t-triq fil-preżent il-problema tiġi agħar u r-riskju jikber mhux biss għar-residenti imma anke għal min jissogra jmur bil-bicycle tiegħu f'din it-triq? Jimporta jekk l-awtorita' dwar it-trasport tikkonsulta r-residenti ta' din it-triq qabel tieħu deċiżjoni għax fl-aħħar mill-aħħar huma n-nies li jafu l-aktar x'jeħtieġu li qegħdin f'riskju kontinwu? Possibbli l-Ministru ġentilment jara li permezz ta' l-awtorita' dwar it-trasport ningħata t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha li għamilt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat rigward l-implementazzjoni ta’ service road tul din it-triq, li biex issir jkun meħtieġ li titwessa' t-triq eżistenti, madwar 6 metri wiesa u b’hekk ikollha tittieħed art agrikola kif ukoll bini li jmiss ma' din it-triq. Għalhekk din l-implementazzjoni ta’ din is-service road, teħtieġ ħafna xogħol għal preparazzjonijiet tal-pjanti, espropjazzjoni ta’ art u bini kif ukoll il-permessi meħtieġa mill-MEPA. Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immanniġjar tat-Traffiku rriżulta li hemm s peed limits fi Triq Anton Buttiġieġ. Ukoll hemm applikazzjoni mill-kumitat konġunt tar-reġjun għall- speed camera f’tali triq. Kien hemm ħsieb li, flimkien mall-Kunsill Lokali, li jirrapreżenta r-residenti tal-lokal tiegħu, isir upgradin g ta’ l-immanniġġjar tat-traffiku f’din it-triq iżda kien hemm xi riżervazzjonijiet min naħa tal-Kunsill.