Legislature:
Category:
Reset
Active:

OPM — Kiri ta' għamara/pittura

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' għamara/pittura fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-nefqa fuq kiri ta’ għamara/pittura mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet ta’ Lm116 filwaqt li l-Ministeru tal-Finanzi nefaq Lm85.

Santa Venera — Culverts

Question

Jista' l-Ministra jara jistgħux isiru culverts għax-xita fi Triq il-Brunżar, Santa Venera għaliex il-kunsill lokali ma jridx jagħmilhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT ser tagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa fuq is-sit biex jiġi determinat il-possibilita’ li jsiru culverts tax-xita f’din it-triq li l-manutenzjoni tagħha taqa’ taħt ir-responsabilita’ tal-Kunsill Lokali.

Kumpannija ta' l-Armata

Question

Hemm xi pjani li tiġi xolta l-kumpanija ta' l-Armata ADSC li qabel kienet l-Air Defence Battery? Huwa minnu li diversi membri tagħhom talbu li jitilqu minn hemm għax iħossu ruħhom demotivati iżda t-talba tagħhom baqgħet bla tweġiba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kumpanija msejħa Air Defence & Support Company (ADSC) ġiet stabbilita b’riżultat tar-Review tal-Forzi Armati li saret dan l-aħħar, u għaldaqstant, m’hemm l-ebda pjan biex din tiġi xolta.

Msida — Triq ta' Xmiexi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 23058 u 23527 u cioe'jara li tingħata priorita' u urġenza lit-talba ta' għadd kbir ta' residenti ta' Triq ta' Xmiexi, Msida sabiex jitkomplew it-tentattivi li kien hemm fil-passat sabiex tinfetaħ it-triq li tinfed ma' Triq San Alwigi, l-Imsida għaliex f'kaz ta' emerġenza r-residenti ġieli damu 'l fuq minn 25 minuta jistennew ambulanza tasal, filwaqt li ir-residenti jinsabu tant izolati li lanqas jistgħu jwasslu it-tfal l-iskola meta tagħmel ix-xita u ma jkunx possibbli li wieħed jinzel mit-taraġ dejjaq fi tmiem it-triq minħabba l-ilmijiet li jkun hemm?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Servizz ta' l-Elettriku

Question

Tista' l-Enemalta tinvestiga l-ilment ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, dwar is-surges li spiss qed jkollha fis-servizz ta' l-elettriku b'konsegwenzi li kemm-il darba qed issirlha ħsara lill-electric appliances fir-residenza tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara li saret investigazzjoni fuq is-sistema tad-distribuzzjoni fl-inħawi, nstab li l-provvista ta’ l-elettriku kienet qed tkun inkonsistenti minħabba tower crane li kien imqabbad ma’ l-istess circuit. Dan it-tower crane issa ġie mqabbad ma’ circuit ieħor u s-sistema issa ġiet lura għan-normal.

Applikazzjoni mal-Maltanet

Question

B'riferenza għall-ittra tat-13 ta' Frar, 2007 ta' persuni mis-Swieqi li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separtament, dwar kif ġie ttrattat it-tifel tagħhom meta applika biex jaħdem mal-Maltanet, tista' tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' l-ittra kif wkoll titlob lil kumpannija tibgħat tweġiba xierqa lis-Sinjur imsemmi? Tħossx li dan l-allegat aġir jirrispetta l-liġijiet tax-xogħol tal-pajjiż, kif ukoll it-trattament xieraq li applikanti simili għandhom dritt għalih?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li uffiċjali mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg iltqagħu mal-persuna konċernata, fil-prezenza tal-ġenituri tagħha, biex jakkwistaw aktar informazzjoni. Mill-investigazzjonijiet, sa issa għadu ma jirrizultax li kien hemm xi ksur tal-liġi tax-xogħol. Iktar informazzjoni tingħata meta l-investigazzjonijiet ikunu mitmuma.

Msida — Triq Dun Karm - Bus shelter

Question

Tista' tiġi milqugħa t-talba tar-residenti ta' l-inħawi biex jiġi ntrodott mill-ġdid l-istage li hemm quddiem Sphinx Pizzeria, Triq Dun Karm, Msida minħabba li dawn jinsabu izolati u maqtugħin minn kullimkien? Tista' tiġi wkoll kkonsidrata t-talba tagħhom li ssir zebra crossing għaliex il-bypass li hemm fejn l-universita' mhix prattika, tikkonsisti f'passaġġ pubbliku dejjaq, spiss ikun hemm każi ta' flooding fil-maltemp u apparti dan kollu, kien hemm ukoll każi fejn diversi nisa ġew attakkati sesswalment minħabba l-mod imwarrab ta' din l-area?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #24088 Sitting 504 2007-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Low cost airlines

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema pajjiżi huma mistennija li l-low cost airlines iġibu 110,000 passiġġier matul is-sena 2007? Jista' jagħti l-istima pajjiż pajjiż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi matul l-2007 il-linji ta' l-ajru low cost se joperaw minn dawn il-pajjiżi: Luton, Renju Unit - Ryanair Dublin, Irlanda - Ryanair Pisa, Italja - Ryanair Bologna, Italja - Meridiana Stuttgart u Cologne, Ġermanja - German Wings Barcelona, Spanja - Clickair

Appartamenti ġodda f'Manoel Island — Servizz ta' ilma, drenaġġ u elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru biex jiġi evalwat jekk is-servizzi ta' l-ilma, drenaġġ u ta' l-enerġija elettrika humiex biżżejjed għaż-żieda qawwija f'appartamenti ġodda li telgħin jew se jitilgħu fl-inħawi ta' Manoel Island, il-ponta ta' Tigne', Pender Place u Fort Cambridge Square?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Żjajjar u coffee mornings

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min qed jawtorizza li jsiru żjajjar u coffee mornings minn kandidati tal-PN fl-isptar Mater Dei?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nippreċiża li fl-iSptar Mater Dei l-ebda deputat ma jorganizza coffee mornings. L-Onorevoli Interpellant probabilment qiegħed jirreferi għaż-żjajjar edukattivi li jagħmlu parti mill-Public Information Programme. L-FMS bagħtet ittri ta’ stedina lil diversi għaqdiet soċjali, politiċi, kulturali u oħrajn biex iħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva. Ittri ta’ stedina ntbagħtu lill-Trade Unions, Kunsilli Lokali, ċentri ta’ l-anzjani, assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti, partiti politiċi, għaqdiet ta’ volontarjat, każini tal-baned, għaqdiet sportivi u għaqdiet mhux governattivi fost oħrajn. Waqt intervent fil-Parlament, il-Ministru tas-Saħħa Dr Louis Deguara kien ukoll stieden lil kull min huwa interessat biex jorganizza żjajjar simili. Ir-rispons sa issa huwa qawwi, tant li mill-2001 sa l-aħħar ta’ l-2006, żaru l-proġett ’il fuq minn 7,500 persuna u madwar 1,500 persuna oħra ipparteċipaw fil-programm mill-bidu ta’ din is-sena sa l-aħħar ta’ Frar. Din il-konkorrenza tixhed biċ-ċar l-għatx għal informazzjoni oġġettiva.

Mellieħa — Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru fis-sena 2006 u x'xogħlijiet qed isiru fis-sena 2007 fl-iskola primarja tal-Mellieħa u, f'kull każ, x'kienet in-nefqa u kemm hu stmat li se tkun in-nefqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sena 2006 sar xogħol strutturali fuq il-faċċata, bdiet tinżebagħ id-dawra kollha ta’ l-iskola minn barra u sar ukoll xogħol ta’ bdil tal-waterproofing li n-nefqa globali kienet ta’ Lm12,217.20. Din is-sena qiegħed jitkompla x-xogħol fil-parti li kien fadal fuq il-faċċata b’total ta’ Lm18,000.00.

Mellieħa — Crash barrier

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23993 u jgħid jekk jistax jitkompla l-crash barrier kollu li hemm fi Triq l-Etna, il-Mellieħa man-naħa tar-residenza ndikata separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi saret site inspection fuq il-post u jirriżulta li din il-fetħa fil-crash barrier hija l-unika aċċess lejn ix-xagħri. Għaldaqstant ġie deċiż li din il-fetħa tiċkien imma titħalla fetħa iżgħar biex jitħalla l-aċċess.

Dar Malta fi Brussell

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa maħsub li l-gvern jibda jikri l-ispazju f'Dar Malta fi Brussell li mhux jintuża mill-gvern Malti? Lil min se jikri dan l-ispazju u b'liema prezz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Malta Enterprise — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda mal-Malta Enterprise matul is-sena 2006? X'inhu l-grad u kif saret is-sejħa għall-ingaġġ? Kemm applikaw f'kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ impjegati ġodda mal-Malta Enterprise matul is-sena 2006 kien ta’ 14. Il-gradi kienu hekk: Chief Executive Officer 1 Managers 9 Executives 4 Ghall-post vakanti fil-Malta Enterprise, is-sejħa l-ewwel tinħareġ internament, jekk hadd ma japplika jew jiġi mgħażul, is-sejħa toħroġ bħala ċirkulari ta’ l-MPO. F’każ illi lanqas b’ċirkulari ma’ jinstab ħadd, il-Malta Enterprise titlob l-ETC tibgħat lista tan-nies li qegħdin jirreġistraw u li jistgħu jkunu addattati għall post vakant. Jekk ma jinstab ħadd mill-listi tal-ETC il-post vakant jiġi reklamat fil-gazzetti lokali. In-numru ta’ applikazzjonijiet li rċeviet il-Malta Enterprise huwa kif jidher hawn taht: Għall-post ta’ CEO l-Malta Enterprise irċeviet 16-il applikazzjoni għall-post ta’ Managers kienu ivarjaw bejn 11 sa 55 għall-post ta’ Executives kien hemm bejn 11 sa 58.

Malta Enterprise — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija bħalissa mill-Malta Enterprise? X'tip ta' karozzi huma u kemm hi l-ispiża f'kull każ u x'użu qed isir minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Malta Enterprise għandha żewġ karozzi Renault Megane Classic mikrija fuq bażi ta' kirja fit-tul prezz ta' Lm173/kull xahar/kull karozza. Il-karozzi jintużaw għad-delegazzjonijiet.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal fid-dekasteru kollu tiegħu ġie sospiż jew imkeċċi minħabba frodi u/jew serq fl-2006 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena? X'kienu l-akkużi f'kull każ? X'passi ulterjuri ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma jirrizultax li xi impjegat fid-dekasteru msemmi ġie sospiz jew imkeċċi għar-raġuni msemmija fil-Mistoqsija. Jekk l-Onor. Membru jeħtieġ verifika fuq xi impjegat partikolari jgħaddi l-isem tal-persuna b'mod konfidenzjali.