Legislature:
Category:
Reset
Active:

Revizjoni tal-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet it-talba għar-reviżjoni tal-pensjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta' l-identita u d-dettalji tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma jaqblux. Ghalhekk nitolbu jivverifika dawn id-dettalji u jghaddijhomli biex ninvestiga.

Belt Valletta — Post temporanju

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-possibilita' li l-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ngħatat post temporanju l-Belt, terġa' tmur lura lejn Bormla fejn dejjem għexet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23592, f’Seduta Numru 490, dwar l-istess persuna, fejn jien għidt li din il-persuna ġiet offruta post f’Bormla f’Ottubru 2006, liema post hi rrifjutat. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24100, f’Seduta Numru 503 dwar l-istess persuna.

Proġetti u investiment

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22746 dwar proġetti u investiment, jista' l-Ministru jgħidli f'liema settur/i huma l-proġetti approvati? Kemm se jkun l-investiment f'kull settur u kemm impjiegi se jinħolqu f'kull settur? Kif inhu pproġettat li jsir l-investiment u li jinħolqu l-impjiegi kull sena matul l-ewwel tliet snin ta' l-operat tagħhom? Meta kien proġettat li jibda jsir l-investiment u jibdew jinħolqu l-impjiegi? Jista' jgħidli mill-proġetti approvati kemm sar investiment u kemm impjiegi nħolqu s'issa f'Malta u Għawdex separatament minn dak li kien proġettat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Bormla — Bini ta' blokka appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-bini ta' blokka appartamenti fi Triq San Gwann, Bormla? Fiex tikkonsisti din il-binja, maqsuma f'1 bedroom, 2 bedroom u 3 bedroom apartments? Min se jingħata priorita' f'allokazzjoni ta' dawn l-appartamenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-bini tal-blokka li ghamel referenza ghaliha l-Onor. Interpellant jinsab fi stadju avanzat u mistenni jkun lest sa nofs din is-sena. Ninsab infurmata wkoll li din il-binja tikkonsisti f'7 appartamenti b'kamra tas-sodda wahda, 28 appartament b'zewg kmamar tas-sodda u 19 -l appartament bi 3 kmamar tas-sodda. L-ewwel prijorita' fl-allokazzjoni ta' dawn l-appartamenti ser tinghata lil evictees tat-tieni fazi tal-proġett ta' Triq Santa Liena, Bormla.

Bormla — Area mitluqa

Question

Peress li fetħa mdaqqsa bejn l-appartamenti l-ġodda fi Triq San Gwann, Bormla u l-Club ta' Cospicua Rangers issa tinsab fi stat mitluq, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti għax-xogħlijiet fuq din il-fetħa? Meta se jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li bħalissa qed isiru diskussjonijiet biex tiġi finalizzata l-pjanta dwar il-fetħa li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant biex tiġi żviluppata fi ġnien pubbliku, bi sħubija bejn id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla. Ninsab infurmata wkoll li x-xogħol mistenni jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena jew fil-bidu tad-dieħla wara li tiġi finalizzata l-pjanta, jintalbu u joħorġu l-permessi u joħorġu s-sejħiet għall-offerti għax-xogħlijiet.

Bugibba — St Anthony Stree

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23997 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Viċi Ministru jgħid x'passi ħadet l-awtorita' dwar it-trasport pubbliku biex tagħlaq St Anthony Street, f'Buġibba? X'jiġri fil-każ li r-residenti jkollhom bżonn ambulanza jew fire engine għal xi emerġenza f'din it-triq? Kif se tkun aċċessibbli din it-triq f'każ ta' emerġenza?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Korporazzjonijiet/entitajiet — Privatisation

Question

Hemm xi taħdidiet dwar privatisation prospettivi għaddejjin ma' investituri privati in konnessjoni ma' xi aġenzji jew korporazzjonijiet u/jew enti li fihom għandu ishma l-Gvern Malti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħal issa il-Privatisation Unit għaddeja bil proċess ta kummerċjalizzazzjoni tad-Divizjoni tal GAS (LPG) ta l-Enemalta u l-bejgħ ta l-istmha li l-Gvern għandu fit-Tug Malta Limited.

Carers — Night duty distrubance allowance

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23901 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23443, jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema carers fi djar ta' l-anzjani tas-sorijiet humiex intitolati għal night duty disturbance allowance skond il-liġi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-liġi tax-xogħol m’hemm l-ebda referenza għal night duty disturbance allowance. Jekk l-Onor. Membru iħoss li hemm xi kundizzjonijiet li m’humiex skond il-liġi jista' jagħti aktar informazzjoni biex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet relattivi.

Gzira — Triq Luqa Briffa - Ilma

Question

X'inhuma r-raġunijiet li għalihom ċerti nħawi fil-Gżira, fosthom partijiet fi Triq Luqa Briffa, il-familji għandhom kwalita' ħażina ta' ilma mill-vit? X'passi oħra se jittieħdu biex titjieb il-kwalita' ta' l-ilma ta' dawn il-familji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-problema nqalgħet ftit taż-żmien ilu minħabba xi mejnijiet qodma fis-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-ilma tal-akkwata, li kienu l-kawża ta’ ilma bis-sadid. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma bidlet il-kanen fl-istess sistema u l-problema ssolviet ftit tax-xhur ilu. Dan hu kkonfermat mir-riżultalti ta’ analiżi ta’ l-ilma li sar mill-Laboratorju tal-KSI wara li sar ix-xogħol.

Sistema FAIR

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23797 u jikkonferma jekk huwiex se jinħareġ tender pubbliku biex jiġi mixtri l-apparat tad-dual pricing li jidher li huwa ppjanat li jingħata lil dawk in-negozji li daħlu fis-sistema FAIR marbuta mad-dħul tal-euro f'pajjiżna? Dan japplika wkoll għal calculators li sejrin jingħataw lil households Maltin u Għawdxin f'dan ir-rigward?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23797.

Servizz tad-dawl, ilma u drenaġġ

Question

X'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi tad-dawl, ilma u drenaġġ ikunu adekwati biex ikunu jifilħu għall-bini qawwi li tiela' fl-inħawi tal-Gzira, Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ilha tistudja kif se tiġi effetwata l-provista tal-ilma, minħabba l-proġetti msemmija mill-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt, is-sistema tal-ilma fil-lokalitajiet ikkonċernati hija robusta biżżejjed biex tista' tforni mingħajr problemi il-konsum addizzjonali li jiġġeneraw dawn il-proġetti. Rigward id-drenaġġ il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddeja b'xogħol ta' tkabbir fis-sistema tad-drenaġġ fil-pumping station tal-Gżira u r-'rising main' li se jkun jista' jlaħħaq maż-żieda fid-drenaġġ f'dawn l-inħawi. L-Enemalta qed tieħu ħsieb biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku f'dawn l-inħawi. Dan it-tisħiħ isir a bażi ta' studji regolari li jsiru biex tkun eżaminata n-network tad-distribuzzjoni f'Malta u Għawdex. L-Enemalta dalwaqt sejra tagħmel pubbliku il-Pjan tad-Distribuzzjoni 2007-2015. Dan id-dokument jagħti dettalji tad-distribuzzjoni kif ukoll ix-xogħolijiet ta' tisħiħ li jridu jsiru fis-snin li ġejjin. Dan il-Pjan tad-Distribuzzjoni ser jikkumplimenta l-Pjan tal-Ġenerazzjoni li ħareġ is-sena l-oħra. A bażi tal-konsum irreġistrat matul is-sajf 2006 u ż-żieda mistennija għas-sajf 2007 fl-inħawi ta' Sliema, Gżira u San Ġiljan, l-'spare capacity' għal dawn il-lokalitajiet għas-sajf 2007 ser tkun ta 20 MVA (bejn wieħed u ieħor 15%). Din l-ispare capacity ppjanata li tibqa' u anke tiżdied minkejja l-iżvilupp.
Leg 10 PQ #24198 Sitting 505 2007-03-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija tat-Turiżmu — Postijiet vakanti

Question

Min huma l-persuni responsabbli mid-diversi segments turistiċi fl-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Liema segments huma vakanti fit-tmexxija u kif, u meta se jimtlew dawn il-postijiet vakanti? Sakemm idumu vakanti min qed jieħu ħsieb dawn is-segments?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-uffiċjali ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu responsabbli għat-tmexxija tas-segments huma dawn: · Dominic Micallef: Segment Head – History & Culture Segment · Suzanne Cassar Dimech: Segment Head – MICE Segment · Alexandra Valletta: Segment Head – Sports Segment u Language Learning Segment · Stella Vella: Segment Co-Ordinator – Film Industry/Roots Programme · Ian Cilia: Segment Executive – Cruise It-tmexxija tal-Gozo Unit bħalissa tinsab vakanti u qiegħda titmexxa minn John Maistre sakemm tinħatar persnuna biex tmexxiha. Il-Unit tal-Growth Markets huwa mmexxi minn John Maistre: Manager, filwaqt li Carlo Micallef huwa il-Head tat-Tour Operating & Leisure, fi ħdan l-International Marketing Division.
Leg 10 PQ #24199 Sitting 505 2007-03-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija tat-Turiżmu — Tmiem ta' impjieg

Question

Mill-1 ta' Settembru, 2006 sa l-aħħar ta' Frar, 2007 kemm kien hemm impjegati li rriżenjaw jew intemmilhom l-impjieg tagħhom ma' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Min kienu dawn l-impjegati u f'kull każ x'kienet ir-raġuni għat-tmiem ta' l-impjieg?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ impjegati li rriżenjaw jew intemmilhom l-impjieg tagħhom ma’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta mill-1 ta’ Settembru 2006 sa l-aħħar ta’ Frar 2007 kien ta’ sitta (6). L-impjegati u r-raġunijiet għat-tmiem ta’ l-impjieg tagħhom kienu kif ġej: Żewġ impjegati rriżenjaw, tnejn aċċettaw l-iskema ta’ rtirar kmieni u żewġ impjegati oħra kellhom il-kuntratt tagħhom terminat.

Gzira — Provvista inkonsistenti tad-dawl

Question

X'inhuma r-raġunijiet li għalihom ċerti toroq fil-gżira fosthom partijiet ta' Triq Luqa Briffa u Triq Giacint Tua għadhom jilmentaw minn provvista inkonsistenti tad-dawl u jkollhom waqfa u żidiet qawwija ta' dawl li jagħmel ħsara fl-apparat li jintuża fid-djar? X'passi se jittieħdu biex jiġu rrimedjati dawn in-nuqqasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara li saret investigazzjoni fuq is-sistema tad-distribuzzjoni fl-inħawi, nstab li l-provvista ta’ l-elettriku kienet qed tkun inkonsistenti minħabba tower crane li kien imqabbad ma’ l-istess circuit. Dan it-tower crane issa ġie mqabbad ma’ circuit ieħor u s-sistema issa ġiet lura għan-normal.

Operazzjoni tal-cruciate

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux aċċettabbli jew le li persuna ddum tistenna madwar sentejn biex issirilha operazzjoni tal-cruciate? Jista' isir xi ħaġa urġenti minħabba li l-mobilita' ta' dawn il-persuni tkun ristretta ħafna? Jistax jgħid ukoll kemm hemm persuni jistennew għal din it-tip ta' operazzjoni u minn liema bliet u rħula ġejjin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24202 qiegħda tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorita' tad-Djar — Każ ta' housing

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-każ ta' housing ta' single parent li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Kumpannija ta' l-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23937 u jgħid jekk hemm xi pjani li tiġi xolta l-kumpanija ta' l-Armata ADSC li qabel kienet l-Air Defence Battery? Huwa minnu li diversi membri tagħhom talbu li jitilqu minn hemm għax iħossu ruħhom demotivati iżda t-talba tagħhom baqgħet bla tweġiba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kumpanija msejħa ‘Air Defence & Support Company’ (ADSC) ġiet stabbilita b’riżultat tar-Review tal-Forzi Armati li saret dan l-aħħar, u għaldaqstant, m’hemm l-ebda pjan biex din il-kumpanija tiġi xolta.

OPM — Riżenji ta' chairmen

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilu jservi fil-kariga ministerjali preżenti kemm kien hemm chairmen ta' kumitati, korporazzjonijiet, enti, awtoritajiet, aġenziji u korpi parastatali li jaqgħu taħtu li rriżenjaw jew talbu espressament li ma jiġux kkonsidrati mill-ġdid għall-kariga li kienu qegħdin jokkupaw? Min kienu u fejn kienu qegħdin iservu? Jista' jagħti d-dati ta' kull każ applikabbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn Marzu 2004 sa llum kien hemm tlett okkażjonijiet fejn chairpersons ta’ bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi bagħtu r-riżenja jew urew ix-xewqa li ma jiġux ikkonsidrati għal darb’oħra. 1. Chief Justice Emeritus Dr Joseph Said Pullicino, bħala chairperson ta’ l-Awtorità tax-Xandir, wara li ġie appuntat bħala Ombudsman fit-12 ta’ Diċembru 2005. 2. Dott David Attard wera x-xewqa li ma jibqax chairperson tal-Maritime Jurisdiction Commission, b’effett mit-8 ta’ Novembru 2006. 3. Is-Sur Victor Scicluna offra r-riżenja tiegħu bħala chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku fis-27 ta’ Frar 2007, imma għadu jaqdi din il-funzjoni sakemm jinħatar chairperson ġdid.

Skejjel — Bini ta' swali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbnew is-swali ta' l-iskola Primarja ta' Marasxlokk u tal-Junior Lyceum ta' Sta. Luċija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tender biex tinbena s-sala fl-iskola primarja ta’ Marsaxlokk tinsab għand il-Kumitat tal-Kuntratti biex tiġi pubblikata. Ix-xogħol jibda wara l-ħruġ tal-Letter of Acceptance. Rigward il-Junior Lyceum ta’ Sta. Lucia qiegħed isir renewal tal-pjanti biex jiġu approvati mill-MEPA u bdew jinħadmu l-Bill of Quantities sabiex tiġi pubblikata t-tender għall-bini tas-sala.

Skejjel — Xogħlijiet ta' bini/manutenzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24011, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-oġġezzjoni tiegħu sabiex dan il-pjan jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba oriġinali.