Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #24371 Sitting 506 2007-03-13 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

ADT — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rendikont tal-kuntratti kollha li ngħata jew li kien involut fihom mingħand l-ADT il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mill-1 ta' Jannar 1999 sat-28 ta' Frar 2007? Jista' jgħid f'liema kariga jew kapaċita' esegwixxa l-kuntratt? Jista' jgħid kemm tħallas għal kull kuntratt b'riferenza kuntratt, kuntratt? Jista' jgħid jekk il-persuna ngħatatx il-kuntratti lilha personalment jew lil xi kumpannija/ditta/soċjeta'/partnership li fiha għandu interess u jagħti l-isem tagħha? Jista' jgħid inħarġitx sejħa għall-offerti jew ingħatawx direct orders riferibbilment għal kull kuntratt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

MMA — Xogħlijiet fiċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid, bejn wieħed u ieħor, id-data ta' meta hu mistenni li jitlesta l-proġett taċ-Ċirkewwa u kemm hi l-aħħar ċifra ta' flus li se tiġi mħallsa mill-awtorita' marittima Maltija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Il-proġett tal-mollijiet u t-terminals fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr huwa stmat li jiswa madwar Lm14.55 miljun. Bħalissa, l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta qegħda tipprepara sabiex toħroġ it-tenders neċessarji għall-bini ta’ terminal fiċ-Ċirkewwa permezz ta’ fondi mill-European Regional Development Fund. L-informazzjoni fuq l-ispiża ta’ dawn ix-xogħolijiet għadha qegħda tinġabar u tkun tista’ tingħata aktar tard.

MMA

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li kien hemm għajjat fil-kurituri ta' l-awtorita' marittima ta' Malta bejn min qed imexxi l-proġett taċ-Ċirkewwa u ċ-chairman ta' l-awtorita'? Dan l-inċident għandu x'jaqsam mal-mollijiet taċ-Ċirkewwa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma kienx hemm għajjat fil-kuruturi ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta bejn min qed imexxi l-proġett taċ-Ċirkewwa u ċ-Chairman ta' l-Awtorita'.

Żejtun — Triq Dun Spir Grixti - Underground bring-in site

Question

Jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar fiex se jkun jikkonsisti dak li huwa ppjanat bħala underground bring-in site li beħsiebha tiżviluppa l-Wasteserv fi Triq Dun Spir Grixti, fiż-Żejtun? Jista' jgħid jekk dan huwiex l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f'Malta u għaliex u kif intgħażel proprju post fiċ-ċentru abitat taż-Żejtun, u mhux barra mir-raħal?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li underground bring-in site għandha l-istess kunċett ta’ bring-in sites oħra li mdorrijin naraw f’lokalitajiet oħrajn. Id-differenza hi li l-kontenituri jinsabu taħt l-art; kulma jidher huma erba’ bins żgħar u puliti. Peress li l-kontenituri jridu jitpoġġew taħt l-art, hemm izjed xogħol ta’ installazzjoni li jrid isir, bħal tħaffir taħt l-art. L-underground bring-in site fiż-Żejtun ser tkun waħda minn sitta però m’hijiex l-ewwel waħda. Infatti l-ewwel underground bring-in site li saret kienet dik li tinsab fiċ-ċentru ta’ Paceville. Qed nehmeż ma’ din ir-risposta ritratti proprju ta’ din il-facilità. Il-post ġewwa ż-Żejtun ġie magħżul flimkien mal-Kunsill Lokali propju għax huwa sit abitat fejn fil-futur ser jiġi żviluppat ġnien għall-pubbliku. Għalhekk kien xieraq li jintuża dan it-tip ta’ bring-in site biex jikkumplimenta mal-proġett kollu.

Hal Qormi — Taraġ f'Canon Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi rranġat it-taraġ li hemm jagħti minn Canon Road, Hal Qormi għal Sta. Venera minn fuq il-bypass wara li xi residenti ilmentaw li hemm ħafna knatan imwaqqgħin li huma ta' periklu għall-istess residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Hal Qormi — Door numbering

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla l-proċess ta' l-organizzar tan-numri tal-bibien fit-toroq ta' Hal Qormi, partikolarment fi Triq il-Kummerċ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li jsir xogħol ta’ għoti ta’ numri lill-bibien ġewwa Ħal Qormi matul din is-sena. Ninsab infurmat ukoll li Triq il-Kummerċ tinsab f’żona industrijali u għaldaqstant ma taqax taħt ir-responsabbilita’ tad-Door Numbering Unit sabiex isir l-organizzar tan-numri tal-bibien fiha. Skond il-liġijiet eżistenti din il-Unit hija responsabbli sabiex torganizza n-numri tal-bibien f’żoni residenzjali biss.

WSC — Problema ta' seeping water

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23983, fejn intqal li ma jirriżultax li saru xi rapporti lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma dwar ħruġ ta' ilma fl-indirizz indikat separatament, jista' l-Ministru jivverifika peress li jien stess għamilt rapport fuq il-każ fit-18 ta' Settembru, 2006 bl-email lil customer care@ wsc.com.mt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bi żvista ma ttieħditx azzjoni mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma wara li rċeviet l-e-mail ta' l-Onor. Interpellant u għaldaqstant il-KSI tħoss li għandha tapoloġizza miegħu. Fit-12 ta' Marzu intbagħat uffiċjal tal-KSI biex jinvestiga l-każ, iżda għalkemm kien hemm sinjali ta' umdita' ma kienx possibli li jinġabar sample ta' l-ilma li qed jiskula. Madankollu l-KSI ser tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji permezz ta' eżerċizju ta' leak detection fl-inħawi ta' l-indirizz indikat.

Servizz Civili — Ingaġġ ta' skrivana

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li toħroġ sejħa għall-ingaġġ ta' skrivana maċ-Ċivil fil-futur qarib?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sejħa għall-ingaġġ ta’ skrivani fis-Servizz Pubbliku ssir meta jkun il-bżonn skond il-ħtiġijiet tas-Servizz.

Korp tal-Pulizija — Sejħa għall-kuntistabbli ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-compliment tal-Korp tal-Pulizija bħalissa? Jista' jgħid jekk hemmx l-ħsieb li jkun hemm sejħa għall-kuntistabbli ġodda fil-futur qarib?

Response (BORG, TONIO)

Fil-preżent hemm 1,876 persuna fil-Korp tal-Pulizija; jekk ikun hemm bżonn, isir reklutaġġ ieħor kif dejjem sar taħt il-Gvern preżenti.

Servizzi pubbliku — Reliġjużi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta reliġjużi mpjegati fis-Servizz Pubbliku jew f'korpi/enti oħra tal-Gvern? X'inhu x-xogħol li qed jagħmlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra

Avukati tal-MEPA — Ittra mibgħuta lill-Ombudsman

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra jew talba li l-avukati tal-MEPA għamlu lill-Ombudsman sabiex dan jagħti parir dwar ir-rapport ta' l-awditur tal-MEPA stess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex ikun aktar speċifiku.

OPM — Ikliet/Hospitality

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-ikliet/hospitality fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa globali fuq ikliet/hospitality fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li tinkludi Dipartimenti, Awtoritajiet u Enti li jaqgħu taħtu, kienet ta’ Lm71,174. In-nefqa mill-Ministeru tal-Finanzi kienet tammonta għal Lm40,434.

OPM — Xiri ta' Stationery

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal xiri ta' stationery fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament, u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Wied il-Qlejgħa — Riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus/fondi biex kompla jiġi riabilitat Wied il-Qlejgħa, l/o Rabat matul l-2004, l-2005 u l-2006? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-flus li ntefqu fuq ir-rijabilitazzjoni ta’ Wied il-Qliegħa magħruf aħjar bħala Chadwick Lakes, l/o Rabat matul l-2004, 2005 u 2006 kienu kif ġej:- Sena Nefqa Lm Xogħol 2004 797.50 Skavar, tagħbija, ġarr, rimi u tneħħija ta’ 250 metru kubu ta’ materjal. 2005 xejn xejn 2006 7,069.56 7,429.00 Xiri ta’ materjal u kiri ta’ makkinarju għal tindif u xogħol ta’ rijabilitazzjoni ta’ ħitan, ilqugħ ta’ ilma u toroq. Tneħħija ta’ 182 tunnellata ta’ materjal. Pagi ta’ ħaddiema tal-Gvern li għamlu dan ix-xogħol. Ix-xogħol ta’ tneħħija ta’ materjal minn Wied il-Qlejgħa sar tul il-medda bejn il-pont li jagħti għal Wied ta’ l-Armla u l-Qattara, tul ta’ madwar 2100m. Ma’ din il-medda ta’ madwar 2km, inbena wkoll ħajt baxx ta’ madwar 30cm għoli tal-bricks mimli biex jipproteġi x-xogħol ta’ tarmac u ma jħallix il-ħamrija tinżel fit-triq. L-ilqugħ ta’ l-ilma li ġie msewwi huwa dak ta’ bejn il-Minkba u Harbet il-Ward. Dan kellu nofsu mwaqqa’, kif ukoll kien hemm parti ta’ madwar 30m ta’ ħitan li jilqgħu l-ħamrija ta’ l-għelieqi li nbnew mill-ġdid.

Ċentru ta' San Luċjan — ex impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi rwol għandu llum il-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kien jaħdem fiċ-ċentru ta' San Luċjan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-persuna li dettalji dwarha ntbagħtu separatament irriżenjat mill-kariga li kienet tokkupa bħala Kap tal-Malta Centre for Fisheries Sciences fil-15 ta’ Frar 2007.

Koperattiva Industrija tal-Majjali — Ftehim mal-Ministeru

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati bejn il-ministeru u l-KIM? X'punti ntlaħqu bħala ftehim bejn iż-żewġ partijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari prattikament identika Nru 23247 tas-seduta 494 tat-13 ta’ Frar.

Malta Industrial Parks — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija bħalissa mill-Malta Industrial Parks? X'tip ta' karozzi huma u kemm hi l-ispiża f'kull każ u x'użu qed isir minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Malta Industrial Parks Limited qeda tikri dawn is-seba karrozzi : Ford Focus – bir-rata ta’ Lm5.96 inkluz il-V.A.T. kull jum. Zewg Peugeots 206 – bir-rata ta’ Lm5.96 inkluz il-V.A.T. kull karozza, kull jum. Peugeot 307 - bir-rata ta’ Lm6.55 inkluz il-V.A.T., kull jum. Fiat Punto - bir-rata ta’ Lm5.18 inkluz il-V.A.T., kull jum. Fiat Punto – bir-rata ta’ Lm5.18 inkluz il-V.A.T. , kull jum. Fiat Punto – bir-rata ta’ Lm5.18 inkluz il-V.A.T. , kull jum . Rigward l-użu ta' dawn il-vetturi, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 24109.

Immigranti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk l-immigranti li ma jilħqux l-kriterji għall-protezzjoni f'Malta skond ir-Refugees Act? Jista' jgħid li jekk dawn il-failed asylum seekers jistgħux jibbenefikaw minn xi għajununa jew inkella jridu jiddependu fuq l-għajnuna tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sakemm ikunu qed jistennew li jintemmu l-proceduri biex jirritornaw f'pajjiżhom, immigranti irregolari li ma jilhqux il-kriterji ghall-protezzjoni skond l-Att dwar ir-refugjati, jingħataw akkomodazzjoni f'centru miftuh u allowance zghira ghall-bzonnijiet essenzjali.