Tista' l-Ministru tara jekk hemm xi applikazzjoni għall-lift ġewwa binja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li fih hemm numru ta' anzjani u ċerta persuna b'diżabilita'? Jista' jagħti l-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minn riċerka li għamlet l-Awtorita’ tad-Djar ma rriżultax li għandha applikazzjoni pendenti għal stallar ta’ lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.
Għalhekk l-inkwilini tal-blokk għandhom jiffurmaw Assoċjazzjoni tar-Residenti u wara jissottomettu l-applikazzjoni meħtieġa lill-Awtorita’.
B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24146 dwar kumpless fis-sit ta' l-iskola Ninu Cremona, tista' l-Ministru tgħid:
Meta hu mistenni li jitlesta l-ewwel fażi tal-proġett?
X'inhi l-istima ta' l-ispejjeż fuq l-ewwel fażi?
Meta hu mistenni li jitlesta u jibda jiffunzjona l-proġett tal-Qorti ġdid?
Kemm hu mistenni li jiswa?
Meta hu mistenni li jitlesta l-proġett tat-tieni fażi tal-parkeġġ?
Kemm hu mistenni li jiswa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li l-bini mill-ġdid ta’ l-iskola Ninu Cremona huwa proġett tal-Foundation for Tomorrow Schools (FTS) nissuġġerixxi li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru Konċernat. Fir-rigward tal-proġett il-ġdid tal-Qorti f’Għawdex, nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li dan il-proġett għadu fi stadju ta’ ippjanar u għalhekk m’hinix f’pożizzjoni li nista’ nirrispondi għalissa.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23867, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet ta' kunfidenzjalita' ladarba dan it-tagħrif jingħata regolarment dwar Malta u ladarba dan it-tagħrif jingħata dwar reġjuni Ewropej? X'kunfidenzjalita' hi li tista' tinkiser?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi meta statistika miġbura mill-NSO tkun tikkonsisti minn tliet (3) elementi (f’dan il-każ rispondenti) jew inqas, l-informazzjoni tkun meqjusa kunfidenzjali. Dan għaliex ir-rispondent li jagħti dik l-informazzjoni jista’ jinduna x’qegħdin jagħtu r-rispondenti l-oħrajn.
Dwar li tagħrif bħal dan jingħata regolarment dwar Malta, ta’ min jinnota li meta dan it-tagħrif jiġi ppubblikat dejjem ikun dwar Malta u Għawdex flimkien. B’hekk ikun aċċertat li tkun qed titħares il-kunfidenzjalità kif deskritta hawn fuq.
B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23411 dwar Triq San Lawrenz, Rabat, tista' l-Ministru issa tagħtini t-tagħrif mitlub?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-ispejjeż fuq xogħol relatat mat-triq li ma kienx inkluż fl-istima oriġinali jammonta għall-Lm 187,056 filwaqt li l-ispiża ta' xogħol li ma kienx inkluż fl-istima oriġinali relatat ma servizzi jammonta għal Lm 211,963.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew trasferiti ħaddiema mal-ministeru tagħha mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? X'inhu l-grad tagħhom? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? X'xogħol qed jagħmlu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jispeċifika l-perijodu li fih saru t-trasferimenti msemmija.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fil-gradi ġenerali tas-Servizz Pubbliku skond il-grad fil-ministeru tagħha? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? Kemm hemm impjegati li mhumiex fil-gradi ġenerali tas-Servizz Pubbliku u qed jagħmel xogħol tas-servizz ġenerali? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? X'xogħol qed jagħmlu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li din il-mistoqsija tieħu ħafna xogħol biex l-informazzjoni tiġi miġbura, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini raġuni valida għaliex qigħed jitlobha.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm/kien hemm mpjegati jagħmlu xogħol ta' watchman fit-Taqsima tax-Xogħlijiet Pubbliċi f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-1999 sal-aħħar tal-2006 u fl-aħħar ta' Frar 2007? X'kien/x'inhu l-grad tagħhom? Liema huma s-siti li qed jindokraw? Jekk hemm relievers pool, kemm hemm nies fiha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ħaddiema li kienu jew qiegħdin jagħmlu xogħol ta’ watchman minn 1999 sal-aħħar ta’ Frar 2007 huma kif jidher fl-iskeda li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra u li fl-aħħar ta’ Frar 2007 kien hemm relievers pool ta’ tnax-il ħaddiem li huma nklużi fit-totali fl-iskeda msemmija.
Jiena nfurmata wkoll li s-siti li qiegħdin jiġu mgħassa bħalissa minn dawn il-ħaddiema huma kif jidher hawn taħt:
· Ċittadella –Postijiet fejn ikun qiegħed isir xogħol ta’ restawr
· Korsa taż-Żwiemel ta’ Xħajma
· Ċentru Amministrattiv Victoria
· Imħażen tal-Fergħa tax-Xogħolijiet Victoria
· Shooting Range fiż-Żebbuġ
· Depot tal-Fergħa tax-Xogħolijiet fix-Xagħra
· Imħażen tal-Fergħa tax-Xogħolijiet Pubbliċi fix-Xewkija
· Workshops tal-Fergħa tax-Xogħolijiet fix-Xewkija
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-ħaddiema li bħalissa huma mpjegati f'setturi li huma affettwati mill-privatisation tal-metering and billing systems tal-WSC u Enemalta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-ħruġ tad-duħħan miċ-ċumnija ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex jaffettwax b'xi mod jew ieħor il-hyperbaric unitli ġiet installata? X'effett qed ikollu u x'passi qed jittieħdu biex jiġi ndirizzat dan l-effett?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-Ministeru għal Għawdex qabbad espert biex jistudja jekk iċ-ċumnija ta' l-Isptar Ġenerali t'Għawdex hux qed ikollha effett fuq ir-recompression chamber li għadha kif ġiet stallata. Bħalissa qed isiru t-testijiet meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intuża fuel kull xahar fl-2006 minn kull min għandu karozza ta' l-Malta Martime Authority (MMA)( manager/senior staff, diretturi)?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Għaliex fir-Records Department tal-MMA biex jiġu nies minn dipartimenti oħra ma ssirx call for application meta f'dipartimenti oħra ikun hemm call for application?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-politika tal-Awtorita’ hija li tagħmel l-aħjar użu mill-impjegati. Fil-każ imsemmi, ma kienx hemm ħtiega li tinħareg sejħa għal-applikazzjonijiet meta l-impjegat jibqa fl-istess grad.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-post fejn it-tribunali lokali jisimgħu l-kawżi jiġix mħabbar jew avżat b'mod uffiċjali fil-Gazzetta tal-Gvern?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti illi l-post fejn it-tribunali lokali jisimgħu l-kawżi jiġi mħabbar permezz ta' Notifikazzjoni tal-Gvern fil-Gazzetta tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jinqalgħu l-entry gates għall-moll tal-port ta' l-Imġarr?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa qed isiru preparamenti sabiex jiġu nstallati t-ticketing booths u l-boom gates fl-Imġarr bħalma hemm ġewwa ċ-Ċirkewwa. L-entry gates kienu ġew miftuħa kif nafuhom illum biex tiġi moqdija l-Marshalling Area li nfetħet f'April 2006.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-puliżija proviżorjament stazzjonati ma' l-immigranti rregolari jeħdux allowance talli qegħdin stazzjonati hemm?
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' proġetti li ġew proposti għall-finanzjament permezz ta' fondi ta' l-Unjoni Ewropea (2007-2013) inkluż l-valur stmat ta' kull proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rapport msejjaħ "Renewable Energy in Malta" magħmul minn Matt Macdonald, esperti mqabda mill-Gvern?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-Rapport ta’ Mott Mac Donald fuq ‘Renewable Electricity Exploitation in Malta’.
Fost affarijiet oħra r-rapport studja numru ta’ siti fuq l-art għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku mir-riħ u l-impatti assoċjati magħhom. Meta ġew studjati dawn l-impatti u l-istima li dan il-wind farm jiġġenera biss 1.06% tal-konsum ta’ l-elettriku fl-2010, l-Gvern ikkonsidra li l-bini ta’ large scale wind farm fuq l-art mhux ġustifikat.
Bengħajsa — Artijiet trasferiti lill-Malta Freeport Corp.
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-Kummissarju ta' l-Artijiet ittrasferixxa l-artijiet li kien esproprija f'Bengħajsa, limiti ta' Birzebbugia, lill-Malta Freeport Corporation Limite? Taħt liema titolu u x'kienet il-konsiderazzjoni li tħallset?
Jista' jgħid x'tip ta' ftehim hemm bejn il-Malta Freeport Corporation Limited u l-Malta Freeport Terminals Limited biex din topera fuq l-art imsemmija fl-ewwel domanda? Taħt liema titolu qed topera fuq din il-proprjeta' u x'konsiderazzjoni qed titħallas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-artijiet f'Bengħajsa li kienu ġew esproprjati għall-proġett tal-Freeport, ġew trasferiti lill-Freeport Corporation permezz tal-Att tal-Malta Freeport Kapitolu 334.
Id-Dipartiment tal-Artijiet ma kienx involut fil-ftehim li hemm bejn il-Malta Freeport Corporation u l-Malta Freeport Terminal Limited u għaldaqstant ma jistax jgħid taħt liema titolu qed topera il-Freeport Terminals Limited u x'konsiderazzjoni qiegħda titħallas.