Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista bl-ismijiet tal-persuni jew ditti li ġew magħżula mill-kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija, kemm se jingħataw fondi għar-riċerka għal kull applikazzjoni li ntagħżlet u x'kien is-suġġett tar-riċerka?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għal fondi taħt il-programm tar-Riċerka u Innovazzjoni huwa proċess ta’ żewġ stadji (two stage evaluation process). L-ewwel stadju ta’ shortlisting ġie konkluż u r-riżultat ġie ppubblikat fuq il-website tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija f’Ottubru tas-sena 2006. Ir-rapport tat-tieni stadju ta’ evalwazzjoni huwa lest u issa ġie sottomess lill-Bord tal-MCST għall-approvazzjoni tiegħu. Il-lista finali tiġi ppubblikata wara li tingħata din l-approvazzjoni mill-Bord. Huwa previst li l-MCST tippubblika r-riżultati f’Marzu ta’ din is-sena.

Forzi Armata — Staff sergeant

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura ta' dawk il-membri fl-Armata li għalqu l-55 sena li jibqgħu sa wara dan il-perjodu għall-estenzjoni ta' sena u dan peress li hemm membri fl-Armata inkluż staff sergeant, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għadu sal-lum ma nformah ħadd uffiċjalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proċedura fl-Armata rigward dawk li jkunu ser jilħqu l-eta ta’ 55 sena u fuqhom hija li jekk membru ta’ l-Armata jkun jixtieq ikompli fis-servizz wara l-55 sena, ikun irid japplika sa minn tlett xhur qabel ma jkun ser jagħlaq sninu u jitlob li s-servizz tiegħu jiġi estiż għal sena oħra. Ir-regola hija li t-talba ta’ l-individwu tiġi kkunsidrata u jekk din tiġi approvata, l-individwu jkun jista’ jkompli fis-servizz għal sena oħra. Din il-proċedura ser tibqa’ applikabbli sa din is-sena biss, għaliex, skond policy li ser tidħol fis-seħħ mit-8 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, is-servizz ta’ dawk kollha li ser ikunu 55 sena u fuqhom wara t-8 ta’ Jannar 2008, ser jiġi tterminat. Ninforma wkoll l-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni ta’ l-individwu msemmi għadha qed tiġi pproċessata.

Ħlas tal-VAT lura

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li l-flus tal-VAT li anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament , ħallset biex għamlet lift minħabba diżabilita', jingħatawlha lura peress li għad m'għandha l-ebda risposta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-VAT ma jidhirx li rċieva talba mingħand il-persuna indikata, għal ħlas lura ta’ VAT fuq spiża ta’ lift minħabba diżabilità. F’każ ta’ talba għal rifużjoni ta’ VAT fuq lifts, id-Dipartiment tal-VAT ma jkunx jista’ jilqagħha.

Gazzetta tal-Gvern — Tender għall-inċineratur tal-biċċerija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema ħarġa tal-gazzetta tal-gvern ġie rriklamat it-tender għall-inċineratur għall-biċċerija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika jekk huwiex qiegħed jirreferi għal xogħolijiet passati jew inkella għal xi xogħol li għad irid isir.

Dar Malta fi Brussels

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24000 u cioe' rigward Dar Malta fi Brussels, tista' tikkonferma li l-ispiża fil-manutenzjoni u xogħlijiet oħra f'Dar Malta ma qabżitx l-ispiża stmata ta' Lm2.5 miljun? Tkun lest toħroġ lista ta' kif inqasmu dawn l-ispejjeż? Xi żviluppi kien hemm fid-diffikultajiet ta' tassazzjoni li sab il-gvern Malti meta ġie biex jikri partijiet minn Dar Malta lil terzi għal skopijiet kummerċjali? Kien hemm soluzzjoni għal din il-problema? Instabu kumpanniji lesti li jikru partijiet minn Dar Malta? Kien hemm xi ftehim ma xi kumpanniji f'dan ir-rigward? Meta huwa mistenni li l-Gvern Malti jibda jdaħħal il-flus minn dawn il-kirjiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Sistema FAIR — Apparat tad-dual pricing

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23797, jista' l-Prim Ministru jgħid kif intgħażlu d-ditti li ġew avviċinati tal-manifattura ta' l-apparat tad-dual pricing li huwa ppjanat li jingħata lil dawk in-negozjati li daħħlu s-sistema FAIR marbuta mad-dħul tal-euro f'pajjiżna? Minn fost kemm ditti oħra ntgħażlu? Min kien responsabbli għal dan ix-short listing? Dawn id-ditti għandhom rappreżentanti f'pajjiżna? Jekk iva, min huma? Huwa minnu li l-kuntatt magħhom sar b'mod dirett minn uffiċjal għoli tan-National Euro Changeover Committee li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Għaliex meta l-gvern ilu li kellu dawn l-iskadenzi quddiemu ma ħariġx sejħa għat-tenders? Meta mistenni jiġu konklużi n-negozjati? Kemm mistenni jiġi jiswa bejn wieħed u ieħor dan id-deal li qed jinnegozja l-gvern Malti? Dwar it-trattattivi li qed jagħmel il-gvern ma' bank kummerċjali li huwa nteressat li jipprovdi dawn il-converters b'xejn, x'ifisser dan fil-prattika - li l-converters se jinxtraw direttament mill-bank konċernat jew il-gvern se jitħallas mill-bank tax-xirja li se jagħmel il-gvern mingħand suppliers li jagħżel hu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li d-ditti ġew magħżula wara riċerka li saret mill-Kumitat Nazzjonali għall-bidla għall-ewro (NECC), liema riċerka kienet tinvolvi l-identifikazzjoni ta’ manifatturi ta’ apparat simili. L-Ambaxxata Ċiniża f’Malta ġiet ukoll mitluba tidentifika suppliers fiċ-Ċina li setgħu jimmanifatturaw dan l-apparat. Kif diġà għidt, ma jeżisti l-ebda manifattur lokali ta’ apparat simili. Wara li ntbagħtu numru ta’ ‘requests for proposals’, l-NECC talab lill-Ministeru tal-Finanzi l-permess li jinnegozja, skond il-parametri tar-regolamenti finanzjarji, mal-manifattur li ppreżenta l-irħas prezz peress li nħass li seta jinkiseb prezz aħjar. L-uffiċjal imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ġie inkarigat sabiex imexxi n-negozjati mal-preferred supplier u għaldaqstant beda jinnegozja għan-nom tal-Gvern. L-Onorevoli Interpellant jaf sew li tender ta’ dan it-tip jeħtieġ perjodi li jvarjaw minn tlieta sa sitt xhur sabiex jgħaddi mill-proċessi kollha, liema perjodi mhumiex addattati għall-iskadenzi li l-Gvern stabbilixxa wara d-diskussjonijiet mal-partijiet soċjali li ġew finalizzati f’Novembru li għadda. Kif diġà spjegajt, il-Gvern qed jinnegozja direttament ma’ manifatturi barranin. Ħadd minn dawn m’għandu rappreżentanti Maltin. Peress li l-kuntratt finali għadu ma sarx u n-negozjati għadhom m’humiex konklużi, mhux etikament korrett li niżvela d-dettalji kummerċjali f’dan l-istadju. In-negozjati huma mistennija li jiġu konklużi fil-ġranet li ġejjin. Dwar in-negozjati ma’ bank kummerċjali, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin. Madankollu, ġaladarba d-diskussjonijiet ikunu finalizzati, il-Gvern ser ikun f’pożizzjoni li jħabbar id-dettalji ta’ dan l-arranġament fil-pubbliku.

Maltapost — Ktejjeb tal-Kodiċi Postali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24005 u jgħid issa li l-Maltapost biddlet il-kodiċi postali tal-pajjiż kollu, meta se joħroġ ktejjeb biex jagħti l-kodiċi postali l-ġodda u dan biex ma jkunx hemm taħwid u dewmien fit-tqassim tal-posta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Direttorju tat-telefon ġdid

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24004 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Investiment, l-Industrija u t-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, peress li sar ħafna tibdil fin-numru ta' bibien f'diversi bliet u rħula, jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li joħroġ id-direttorju tat-telefon il-ġdid?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li direttorju tat-telefon huwa ntiż biex jipprovdi nformazzjoni dwar in-numri tat-telefon u mhux in-numri ta' bibien f'diversi bliet u rhula. Fil-fatt diversi abbonati li jawtoriżżaw lill-Maltacom li tippubblika n-numru tat-telefon tagħhom fuq direttorji tagħha, jeżerċitaw ukoll id-dritt li bħala ndirizz jidher biss il-belt jew rahal fejn huma joqgħodu. Il-Maltacom preżentement qegħda tikkunsidra bis-serjeta jekk tippubblikax fiż-żmien li ġej direttorju ġdid jew update ta' dak ezistenti. Sadattant, il-Maltacom tfakkar li tipprovdi servizz bla ħlas ta' direttorju online b' informazzjoni aġġornata li jista' jinstab f' http://www.maltacom.com/edirnew/modules/edirmain.asp . Barra minnhekk, il-Maltacom tipprovdi wkoll servizz bi ħlas ta' directory enquiries li wieħed jista' juża billi jċempel in-numru 1182.

Rapport ta' l-esperti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24006, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tlestewx ir-rapporti ta' l-esperti? Jekk le, jeżisti terminu ta' żmien dwar kemm għandhom idumu l-esperti biex jagħmlu r-rapporti tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-rapporti ta' l-esperti nominati mill-Maġistrat Inkwerenti dwar l-inkjesta Maġisterjali li tirrigwarda persuna ta' nazzjonalita' Ġeorġjana li fil-25 ta' Jannar 2007 weġgħet gravi wara li waqgħet lasta tal-football fuqha fil-ground ta' Manoel Island u li kien fil-periklu tal-mewt, għadhom ma humiex lesti.

Kindergarten Assistants — Diploma Course

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir diploma course fl-Universita' ta' Malta għall-kindergarten assistants?

Response (GALEA, LOUIS)

Minn data li għad trid tiġi stabbilita l-kwalifika minima biex persuna tkun eleġibbli taħdem bħala Kindergarten Assistant ser tkun Diploma fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Meta din id-data tiġi stabbilita l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni avvanzata u ogħla jiġu informati biex ikunu jistgħu ifasslu u jorganizzaw il-korsijiet meħtieġa. Naturalment jingħata zmien bizzejjed biex il-korsijiet meħtieġa ikunu saru u jkun hemm l-ewwel grupp ta' gradwati.

Skejjel — Ilmenti dwar student

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa ħalli tifel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li għandu mġieba diffiċli ma jibqax itellef lit-tfal l-oħra u dan wara li rċevejt numru ta' lmenti minn ġenituri li għandhom it-tfal tagħhom fl-istess klassi? Jista' jara wkoll, permezz ta' persuni nkarigati apposta, li dan l-istess tifel jiġi riferut lill-Aġenzija Appoġġ jew lil xi social worker?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tifel konċernat għandu servizz ta' one to one facilitator full-time. Għalhekk kull meta jkun hemm bżonn il-facilitator joħroġ lit-tifel mill-klassi. Peress li t-tifel hu każ diffiċli ġie riferut lill-iSchool Psychological Services. Informat ukoll li dan il-każ ġie riferut lill-Welfare Section tad-Diviżjoni wkoll għal aktar għajnuna lit-tifel kif ukoll lill-familja tiegħu.

Floriana — Sala Robert Sammut

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju jinsab ir-refurbishment tas-Sala Robert Sammut fil-Floriana? Meta beda dan ix-xogħol u meta huwa maħsub li jitlesta? Min qed jagħmel dan ix-xogħol u kemm se jiġi jiswa?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol fuq is-Sala Robert Samut tlesta sentejn ilu. Inbeda mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u tkompla mill-FTS fl-2002. Ix-xogħol ġie jiswa Lm360,000 u sar permezz ta' tenders tad-Dipartiment tal-Kuntratti.
Leg 10 PQ #24337 Sitting 508 2007-03-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Safriet ministerjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24170 dwar xiri ta' biljetti ta' safar, jista' l-Ministru jgħidilna, safra safra, minn fejn inxtraw il-biljetti ta' l-ajru tiegħu meta ma ntużatx l-Air Malta f'każi fejn dawn is-safriet ma kienux jinkludu rotot li fuqhom l-Air Malta ma ttirx? Jista' isemmi wkoll l-aġenziji l-oħra ta' l-ivjaġġar li ġew ikkonsidrati u li ma ntgħażlux f'kull każ?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Fl-2005 kien hemm żewġ okkażżjonijiet fejn il-biljetti nxtraw mingħand l-aġenzija Enrico Travel Limited. Dawn kienu għal viżiti fil-Lussemburgu u għal viżita bilaterali fi Sri Lanka (proġetti tsunami) u fl-India. Fl-2006 kien hemm tmien okkażżjonijiet ta' viżiti li għalihom il-biljetti nxtraw mingħand Howard's Travel, mingħand (Bianchi Travel) Lufthansa City Centre u Enrico Travel. Dawn kienu għal viżiti fi Praga u Saliżburgu, fl-Awstralja, fil-Lussembrugu, Vienna, Finlandja, Brussel u New York. Għall-vjaġġi l-oħra kollha l-biljetti nxtraw mill-Air Malta, kif diġa kien indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24170. F'dik it-tweġiba kont indikajt liil-biljetti ta' l-ajru tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, jinxtraw dejjem mill-Air Malta ħlief meta dawn ikunu jinkludu rotot li fuqhom l-Air Malta ma ttirx. F'dan il-każ jittieħdu tlett quotations u tintagħżel l-irħas waħda. Il-każijiet indikati hawn fuq jirrappreżentaw dawk l-okkażżjonijiet ta' eċċezzjoni.

Msida — Triq Dun Karm - bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24069 u jgħid jekk tistax tiġi milqugħa t-talba tar-residenti ta' l-inħawi biex jiġi ntrodott mill-ġdid l-istage li hemm quddiem Sphinx Pizzeria, Triq Dun Karm, Msida minħabba li dawn jinsabu izolati u maqtugħin minn kullimkien? Tista' tiġi wkoll kkonsidrata t-talba tagħhom li ssir zebra crossing għaliex il-bypass li hemm fejn l-universita' mhix prattika, tikkonsisti f'passaġġ pubbliku dejjaq, spiss ikun hemm każi ta' flooding fil-maltemp u apparti dan kollu, kien hemm ukoll każi fejn diversi nisa ġew attakkati sesswalment minħabba l-mod imwarrab ta' din l-area?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-istage imsemmi fil-fatt għadhu hemm u jintuża għar-Rotta bejn il-Belt u Swatar. Li ġara kien li f’dawn l-aħħar sentejn ġew introdotti diversi rotot biex jingħata servizz lejn l-Universita. L-ADT irċeviet diversi ilmenti b’mod regolari li l-istudenti qed jiltaqgġu ma’ periklu kbir meta jaqsmu biex jirkbu ix-xarabank. Għalhekk, ittieħed id-deċizjoni li r-rotot kollha mill-Belt jibdew iduru mar- roundabout tal-Qroqq u jgħabbu l-passiġġieri minn ħdejn it-Techno, fejn ikunu niżżluhom filgħodu. Minn survey li kien sar bejn is-7.30 ta’ filgħdou u il-5.30 ta’ filgħaxija kienu jaqsmu kuljum ma' l-400 student kuljum. Ta’ min wieħed issemmi wkoll li l-użu ta’ dawn ir-rotot minn passiġġieri oħra li m'humiex għall-Universita huwa minimu ħafna u negliġibli. L-implementazzjoni ta’ ‘pelican crossing ’ f’dawn l-inħawi kienet konsiderata fid-dettal mill-ADT. Jirriżulta li din ma tistax tiġi implementata qrib l-i stage minħabba l-livelli differenti tat-toroq u nuqqas ta’ spazju biex tinbena refuge island u rampi meħtieġa bejn iż-żewġ karreġjati opposti f’din il-parti tat-triq.

Msida — Triq Ta' Xmiexi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 23058, 23527 u 24049 u cioe' jista' jara li tingħata priorita' u urġenza lit-talba ta' għadd kbir ta' residenti tat-Triq ta' Xmiexi, Msida sabiex jitkomplew it-tentattivi li kien hemm fil-passat sabiex tinfetaħ it-triq li tinfed ma' Triq San Alwigi, l-Imsida għaliex f'kaz ta' emerġenza r-residenti ġieli damu 'l fuq minn 25 minuta jistennew ambulanza tasal, filwaqt li ir-residenti jinsabu tant izolati li lanqas jistgħu jwasslu it-tfal l-iskola meta tagħmel ix-xita u ma jkunx possibbli li wieħed jinzel mit-taraġ dejjaq fi tmiem it-triq minħabba l-ilmijiet li jkun hemm?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li għadhom għaddejjin it-tentattivi sabiex tinfetaħ din it-triq minħabba illi hemm bżonn li tiġi esproprjata xi art u bini sabiex tkun tista’ tinfetaħ it-triq.

Forzi Armati ta' Malta — Ingaġġ ta' suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa ta' ingaġġ ta' suldati? Kemm għaddew mill-physical test? Kemm qagħdu għall-eżami bil-miktub? Kemm hemm ħsieb li jiġu ngaġġati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Industrial Parks — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24115 u jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda mal-Malta Industrial Parks matul is-sena 2006? X'inhu l-grad u kif saret is-sejħa għall-ingaġġ? Kemm applikaw f'kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

OPM — Kiri ta' vanninjiet u trakkijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.