B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23980 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jara jistax isir xi ħaġa sabiex ikun ikkontrollat l-ammont dejjem jiżdied ta' ħamiem fl-area tal-knisja ta' Sta. Tereża Bormla u dan peress li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kontroll fuq l-ammont ta’ ħamiem f’lokalitajiet residenzjali jista’ jsir b’metodi naturali fosthom li jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ ikel disponibbli kif ukoll jitnaqqsu l-postijiet fejn il-ħamiem jista’ jbejjet, bħal ventilaturi u strutturi oħrajn. F’dan il-każ, il-Ministeru lest li flimkien mal-Kunsill Lokali jinvestiga l-possibilità li jittieħdu miżuri bħal dawn biex tiġi indirizzata l-problema.
Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali — Post alternattiv
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'passi ħa d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali dwar l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħatu separatament, biex jieħu post alternattiv?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm lid-dipartiment biex persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament titħalla tibdel il-post?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata diġa' qegħda tgħix f'post tal-Gvern. Id-Dipartiment ma jistgħax ibiddel l-akkommodazzjoni tan-nies ħlief għal raġunijiet validi, sakemm dawn ma jsibux huma stess lil xi ħadd li lest ibiddel magħhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-fond, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament hux milqut mil-liġi tal-Possession and Use? Jista' jinxtara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-fond li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Membru jinsab mibni fuq proprjeta' li ġiet esproprjata taħt it-titolu ta' pussess u użu, u għaldaqstant ma jistax jinxtara mill-inkwilini.
Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħatu separatament, u x'possibbilta' hemm li din il-persuna li tgħix ma' tlett persuni oħra, waħda minnhom b'diżabilita' tieħu post?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-talba għal akkomodazzjoni alternattiva mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna applikat, u reċentement ġiet allokata post, taħt l-iskema tax-Shared Ownership ta' l-Awtorita' tad-Djar, iżda s'issa għadha ma kkonfermatx jekk hux se taċċetta dan il-post.
B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24132 dwar it-Triq Rabat, San Lawrenz, tista' issa tagħtini t-tagħrif mitlub?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jien infurmata li ma kienx hemm prezzijiet li nbidlu wara li ntrebħet l-offerta u li l-ispejjeż tax-xogħol skond kif kienu aċċettati meta ngħatat l-offerta kienu jammontaw għal Lm 1,885,043 u l-ispejjeż ta' l-ewwel fażi jammontaw għal Lm 2,214,067.
B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24134 dwar Triq ir-Rabat, San Lawrenz, tista' issa tagħtini t-tagħrif mitlub?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-iskeda bil-kwantitajiet oriġinali ġiet annessa mar-risposta parlamentari numru 23409. L-iskeda bil-kwantitaijiet il-ġodda qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm impjegati skond l-grad tagħhom li kellhom shift allowance fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-1999 ' l hawn?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija mog]tija fil-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24131 dwar servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex jista' l-Prim Ministru jgħid jekk setgħetx tiġi emendata l-liġi tal-VAT biex l-imsemmi servizz jkun eżentat mill-ħlas tal-VAT? Jekk setgħet tinbidel il-liġi, għaliex ma nbidlitx? Jekk ma setgħetx tinbidel il-liġi, għaliex ma setgħetx tinbidel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23732 dwar bordijiet ta' l-għażla, jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jgħid għal liema postijiet kienet il-ħatra/promozzjoni f'kull każ? F'liema ministeru kienu l-postijiet f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, dwar riżultati ta’ Bordijiet ta’ l-Għażla li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku qieset li kienu żbaljati, hu miġbur fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24146 dwar kumpless fis-sit ta' l-iskola Ninu Cremona, rigward il-miżuri ta' sigurta' għat-tfal fejn hija qalet li se ssir triq ġdida aċċessibbli għat-trasport ta' l-istudenti biex dawn jitwasslu u jittieħdu quddiem il-bieb ta' l-iskola. Tista' l-Ministru tgħid kif dawn il-miżuri se joffru sigurta' lil dawk l-istudenti li ma jużawx it-trasport għall-iskola bħalma huma t-tfal tar-Rabat u minn rħula viċin, kif ukoll studenti oħra mill-irħula li jibqgħu r-Rabat wara l-iskola biex imorru għal lezzjonijiet tal-privat jew għal xi raġuni oħra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-mizuri ta' sigurta' imsemmija fil-mistoqsija huma dawk l-istess mizuri applikabbli illum f'kull skola f'Malta u Għawdex.
Kemm ġie jiswa r-rapport ta' KPMG u Prof. L. Briguglio dwar "Smartcity Social Economic Impact Assessment"? Ġew ikkonsidrati xi awdituri u ekonomisti oħrajn qabel saret l-għażla finali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudju li kien ikkummissjona huwa stess bl-isem ta' Assessment of the Macro Economic Impact of the Rationalisation of Scheme Boundaries minn KPMG?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni sospiżi mill-impjieg mal-Awtorita' dwar it-Trasport illum u għaliex? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx uħud minnhom li xorta qed jagħmlu użu minn karozza ta' l-ADT? Jekk iva, kemm ilhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li fl-Awtorita dwar it-Trasport ta' Malta hemm ħdax (11) - il impjegat li jinsabu sospiżi mill-impjieg għall-fatt li qed jistennew sentenza mill-Qorti. M'hemm l'ebda wieħed/a minnhom li jagħmlu użu minn karozzi ta' l-ADT.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-dekasteru u dipartimenti oħra li jaqgħu taħtu? Kemm minn dawn intilfu jew nsterqu f'dawn l-aħħar 5 snin u minn liema dipartiment jew ente?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-dekasteru u dipartimenti oħra li jaqgħu taħtu? Kemm minn dawn intilfu jew nsterqu f'dawn l-aħħar 5 snin u minn liema dipartiment jew ente?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' mobile phones fid-dekasteru tiegħi hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infurmat ukoll illi f'dawn l-aħħar ħames (5) snin ma kienx hemm rapporti li ntilef jew insteraq xi mobile phone.