Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn — Family park

Question

Jikkonsidra l-Ministru li fil-family park li se jsir Wied il-Għajn ikun inkluż ukoll football pitch minħabba l-fatt li f'Wied il-Għajn ma jeżisti ebda football pitch għat-tfal ta' dan il-lokal? Dan il-pitch jista' ukoll jintuża fil-għodu minn persuni b'diżabilita' li jattendu l-adult training centre kif ukoll dawk fi djar residenzjali ta' l-aġenzija Support u tal-fondazzjoni Eden.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proposta għall-iżvilupp ta' dan il-proġett taħseb għal dawn il-faċilitajiet. Il-Ministeru ser jiżgura li jiġu nklużi wkoll fil-pjan finali li jkun approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Leg 10 PQ #23768 Sitting 509 2007-03-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Thomsons Airline

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Thomsons qed iġibu żewġ titjiriet fil-ġimgħa minflok 20 titjira bit-turisti li kienu jġibu lejn pajjiżna fis-sajf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli interpellant m’huwiex qed jagħmel riferenza ċara għal liema snin jew perjodi qiegħed jirreferi għalihom meta jsemmi t-titjiriet li jopera t-Thomson lejn Malta. Ninsab infurmat illi li joħrog mill-analiżi ta’ slots reġistrati fl-Ajruport huwa li Thomsons joperaw medja ta’ 4 titjiriet fil-ġimgħa matul is-sajf u ta’ 2 titjiriet fil-ġimgħa fix-xitwa permezz tal-linja tal-ajru tagħhom. Jirriżulta ukoll li t-titjiriet operati mill-linja tal-ajru ta’ Thomson’s Thomson Fly (qabel magħrufa bħala Brittannia ) qegħdin jonqsu, iżda dan it-tnaqqis huwa akkumpanjat minn żidiet sostanzjali ta’ seat allocations li Thomsons qegħdin jagħmlu mal-linja nazzjonali l-Air Malta. Ta’ min isemmi li madwar għoxrin sena ilu Thomsons kienu tassew joperaw numru kbir ta’ titjiriet permezz tal- Brittannia , iżda dak kien żmien meta d-dipendenza ta’ Malta fuq dan l-operatur kienet ferm akbar. Illum fis-suq Ingliż insibu numru ħafna akbar ta’ operaturi, fosthom speċjalisti, li żdiedu l- market share tagħhom. Dan minbarra l-fatt li l-profil tat-turist Ingliż lejn Malta qiegħed dejjem jinbidel, riżultat ta’ xejriet ġodda ta’ kif in-nies jivjaġġaw.

Biċċerija

Question

Kemm fil-fatt sewa sa issa l-iżvilupp tal-inċineratur fil-Biċċerija tal-Marsa? Kemm hija mistennija li tqum l-ispiża biex jiġi modifikat l-inċineratur tal-Biċċerija? Meta mistenni li tkun lesta l-modifikazzjoni fl-inċineratur u meta huwa proġettat li jibda jaħdem? Fil-fatt hija l-politika tal-Gvern li għal ġejjieni l-ispejjeż tal-qatla fil-Biċċerija jgħaddu fuq il-produtturi? Fil-preżent, kemm fil-fatt iħallsu flus il-produtturi/kooperattivi għall-qatla tal-annimali li ssir fil-Biċċerija? Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-programm tax-xogħlijiet li qed isiru fil-mument fil-Biċċerija sabiex din tiġi konformi mar-regoli u direttivi skond il-ħtieġa ta' l-aħħar esperti tal-Kummissjoni Ewropea? Fil-fatt meta se jitlesta dan ix-xogħol sabiex ma ssirx aktar moħqrija ta' l-annimali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-inċineratur fil-Biċċerija tal-Marsa nxtara wara li ħarġet sejħa għall-offerti taħt il-proċeduri tal-Ħames Protokol Taljan u sewa €10,445,450. L-ispiża kontrattwali biex jiġi modifikat l-inċineratur biex dan jieħu skart ieħor mistennija tkun ta’ Lm800,000. L-impjant mistenni jibda jaħdem aktar tard din is-sena wara li jitlesta dan ix-xogħol. M'hemmx ħsieb li l-politika tal-Gvern fir-rigward ta' l-ispejjeż li jitħallsu mill-produtturi għall-qatla tinbidel. Fil-preżent, il-produtturi/koperattivi jħallsu miżati kif stabbiliti fl-Avviż Legali 74 ta' l-1998. Il-programm komprensiv ta' upgrading ġewwa l-biċċerija mixi skond il-pjan ta’ ristrutturar u dan jinkludi: - Xogħlijiet fil-maqjel tal-bovini kif ukoll tal-majjali. Dan ix-xogħol huwa meħtieġ sabiex jitjieb il-ħarsien ta' l-annimali qabel il-qatla; - Tibdil ta' makkinarju eżistenti kif ukoll makkinarju addizzjonali u installazzjoni ta' tagħmir ieħor biex jitjiebu l-faċilitajiet ta’ iġene; - Tibdil fis-sistema ta’ l-ilma; - Modifikazzjoni fis-sala tal-bejgħ tal-laħam; - Tibdil f'xi proċeduri fil-linja tal-qatla; u - Proċeduri oħra biex jitjieb il-ħarsien ta' l-annimali. Il-programm jaħseb ukoll għal taħriġ ta' l-impjegati li jaħdmu ġewwa l-biċċerija. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jitlestew aktar tard din is-sena.

Sptarijiet privati — Kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali tal-kontijiet pendenti għall-konsum ta' l-ilma u tad-dawl fl-isptarijiet privati dovuti lil Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-figuri kif mitlub minnu għall-Sptarijiet Privati, Residenzi Privati ta' l-anzjani, Fabbriki. Stabbilimenti kummerċjali u Kumpanniji Privati ma jistgħux jingħataw minħabba li l-kontijiet m'humiex distinti minn xulxin.

Residenzi privati ta' l-anzjani — Kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali tal-kontijiet pendenti għall-konsum ta' l-ilma u d-dawl tar-residenzi privati ta' l-anzjani dovuta lil Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-mistoqsija nru 23822.

Fabbriki — Kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali tal-kontijiet pendenti għall-konsum ta' l-ilma u d-dawl fil-fabbriki privati dovuta lil Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għal-Mistoqsija Parlamentari nru: 23822.

Floriana — Sala Robert Sammut

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'użu qed isir mis-sala Robert Sammut fil-Floriana u minn liema enti qed tiġi wżata? Jista' jgħid ukoll xi pjani hemm għal dan il-post fil-futur qarib?

Response (GALEA, LOUIS)

Is-Sala Robert Samut fil-Floriana isservi bħala ċentru ta' konferenzi, seminars, laqgħat u wirjiet. Tista' tintuza minn kull ente jew organizzazzjoni, pubblika jew privata, wara li tipprenota l-attivita' ma' l-uffiċjali tad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni responsabbli. Il-pjani għal dan il-post tfasslu fil-bidu ta' l-2000 biex din il-Knisja Metodista li waqgħet f'idejn il-Gvern Malti tiġi restawrata u konvertita f'Ċentru Nazzjonali għall-Konferenzi. Il-pjani twettqu u l-post qed jilħaq l-iskop tiegħu.

Edukazzjoni, Zgħażagħ u Impjiegi — Lista' tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ismijiet kollha tal-persuni li jinsabu jaħdmu fis-segretarjat u fil-ministeru? X'inhu x-xogħol ta' kull persuna u minn meta bdew jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub dwar il-persuni tas-Segretarjat kien diġa' tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta preċedenti.

Kulleġġi — Precincts Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-aħħar ġewx maħtura xi persuni bħala precincts officers fil-kulleġġi? Jekk fl-affermattiv, min ġie magħżul u kif u għal liema kulleġġi? Jista' jgħid x'inhu l-ħlas u l-allowances tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-proċess għall-ħatra ta' Precincts Officers tal-Kulleġġi għadu qed jieħu l-kors tiegħu.

Pixxini miftuħa għall-pubbliku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24126 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pixxini li huma miftuħa għall-pubbliku? Min huwa s-sid f'kull każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li lista ta' swimming pools reġistrati tinsab għall-informazzjoni tal-pubbliku fuq il-paġna elettronika tat-taqsima Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika (www.health.gov.mt/dph/ehuhome.htm) skond provvedimenti ta' A.L. 129 ta' l-2005. Fir-rigward għad-dettalji tas-sid ta' kull swimming pool reġistrata, ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni tinġabar mid-Dipartiment skond l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data, 2001 u l-Att dwar is-Saħħa Pubblika għall-użu amministrattiv fl-interess tas-Saħħa Pubblika u għalhekk dan id-Dipartiment iħoss li ma jistax jirreferi tali informazzjoni.

Swimming pools — Ispezzjoni ta' ilma

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24122, jista' l-Ministru jgħid lil min ħarġu dawn il-garanziji? Kontra min ittieħdu passi legali? X'kienu l-akkużi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li nħarġu 8 garanziji sond l-Artiklu 13, ta' l-Att dwar is-Saħħa Pubblika fir-rigward ta' provedimenti tal-A.L.129 ta' l-2005 lis-segwenti stabbilimenti: 1. Sunny Coast Resort Club, Qawra 2. Coastline Hotel, Sliema 3. Santa Maria Hotel, St Paul's Bay 4. San Anton Hotel, Sliema 5. Park Hotel, Sliema 6. Preluna Hotel & Towers, Sliema 7. Ramla Bay Resort, Marfa 8. The Riviera Resort & Spa, Marfa Il-garanziji kontra s-Santa Maria Hotel u San Anton Hotel ġew magħluqa peress li x-xogħolijiet li kellhom isiru saru fiż-żmien miftiehem. Il-garanziji l-oħra għadhom fil-perjodu miftiehem biex ix-xogħlijiet jitwettqu. Dwar swimming pools infetħu tliet kawżi kontra persuni u stabbilimenti differenti. L-akkużi kienu s-segwenti: - Chapter 10 Art 121 (1) - L.N. 129 of 2005 Reg.3 (1) (a), Reg. 5 (1) (a), (b) & (c), Reg 8 (2) (a), Reg 8 (4) (d) & Reg 9 (a). - Art 18 (1) of the Public Health Act Liema kawżi għadhom subjuduiċe.

Eżamijiet tas-SEC u MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont li ħallsu l-istudenti li se joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC u SEC separatament li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin? Kien hemm min ma ħallasx dak li kien dovut?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk :- Sec - Mejju 2007 MATSEC Mejju 2007 Total Ħlasijiet Lm317,615 Lm163,736 Lm481,351 Eżenzjonijiet Lm 456 Lm 41 Lm 497.

San Gwann — Triq Furrajna

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk Triq Furrajna, San Gwann hix triq privata jew waħda pubblika għaliex bħalissa hemm katina li qed iċċaħħad l-aċċess għaliha u dan wkoll minħabba l-istat ta' telqa u ħmieġ li tinsab fiha din it-trejqa? Jekk ovvjament hija triq pubblika, wieħed għandu jirreferi dan il-każ lill-kunsill lokali għal azzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-indafa pubblika.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

San Gwann — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta' diversi residenti ta' San Gwann dwar dewmien, kultant esaġerat, fis-servizz tal-karozza tal-linja Nru. 41, li tgħaddi minn San Gwann?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-ADT qatt ma rċeviet ilmenti rigward din ir-rotta. Din hija rotta ċirkulari mill-Belt u l-ħinijiet huma fis-7.40am, 8.00am, 8.35am, 9.05am, 9.35am, 10.05am, 10.35am, 11.05am, 11.35am, 11.45am, 12.05pm, 12.35pm, 12.45pm, 13.05pm, 13.35, 14.05pm, 14.35pm, 15.05pm, 15.35pm, 16.05pm, 16.35, 17.05pm, 17.30pm, 18.00pm. Ta’ min wieħed jinnota li barra din ir-rotta hemm ukoll ir-Rotta 42 li tgħaddi minn San Ġwann. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’każ li jkun hemm xi ulterjuri ilmenti, dawn huma mitluba jinfurmaw immedjatament lill-Awtorita dwar it-Trasport ta’ Malta fuq 21231216 fejn bejn il-5.30am u l-11.00pm ikun hemm dejjem uffiċjal inkarigat sabiex jieħu l-passi neċessarji u immedjati.
Leg 10 PQ #24397 Sitting 509 2007-03-21 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Kiri ta' vannijiet u trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Fis-sena 2006, saru dawn il-kirijiet: xejn Fis-sena 2007 sal-lum, saru dawn il-kirjiet: xejn.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Kiri ta' vannijiet u trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?

Response (GALEA, LOUIS)

It-taghrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #24399 Sitting 509 2007-03-21 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu u Kultura — Kiri ta' vannijiet u trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-kiri ta' vannijiet u trakkijiet matul l-2006 sal-lum kien kif jidher fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta' min jinnota li parti sostanzjali mill-ammont totali ta' Lm 93, 605.35 tikkonsisti fl-ispiża tal-kirja tal-makkinarju li jintuża għat-tindif tax-xtut.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Kiri ta' vannijiet u trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Riżorsi u Infrastruttura — Kiri ta' vannijiet u trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi minn Jannar ta’ l-2006 sal-lum fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u l-enti li jaqgħu taħtu hemm mikri van wieħed mingħajr driver. Dan il-van jinkera bir-rata ta’ Lm11.80 kuljum, VAT inkluża, mingħand Godwin’s Garage, Għargħur. Ma kienx hemm kiri ta’ trakkijiet matul il-perjodu msemmi.