Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba, minn mindu Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea, il-gvern Malti talab deroga fir-rigward tal-kaċċa u insib fir-rebbiegħa u jekk intalbet deroga, f'liema snin intalbet?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24213 u jgħid: Ir-reġistratur ta' l-Universita' kemm-il kariga oħra (barra reġistratur) jirrikopri fl-Universita' jew f'enti direttament jew indirettament marbutin ma' l-Universita' u kemm jitħallas ta' dawn il-karigi?
Xi kwalifiki għandu r-reġistratur?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-Sur Anthony Gellel huwa Reġistratur ta' l-Universita' u jokkupa biss din il-kariga bl-impenji kollha li ġġib magħha bħal, per ezempju, Segretarju tas-Senat u ta' kull Bord ta' Fakulta'.
Informat ukoll li s-Sur Gellel kellu esperjenza twila bħala għalliem regolari, Diploma fl-Amministrazzjoni u Management fl-Edukazzjoni mill-Universita' ta' Malta, u esperjenzi u ħiliet ippruvati fl-Amministrazzjoni Edukattiva. Ilu ħmistax-il sena iservi bħala Reġistratur għas-sodisfazzjon sħiħ ta' l-Universita'.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim dwar il-kaċċa u l-insib li kien għamel ma' l-Unjoni Ewropea fit-trattat tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24215 u jgħid kemm flus jintnefqu fis-sena fix-xiri ta' kotba ġodda għall-Bibljoteka ta' l-Universita'? Sodisfatt il-Ministru bl-ammont ta' flus li jintnefqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24220 u jgħid jekk huwiex sodisfatt bl-andament tal-ħatriet ta' lecturers u tutors fil-Fakultajiet ta' l-Arti u l-Liġi fl-Universita'? Huwa sodisfatt il-Ministru bil-ħatra ta' iben ir-reġistratur bħala lecturer?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-ħatriet ta' lecturers u tutors fl-Universita' jsiru skond il-liġi u l-Ministru ma jkollu l-ebda sehem.
Informat li l-proċess tal-ħatra ta' Dr Adrian Gellel kien wieħed miftuħ li segwa l-proċeduri normali ta' l-Universita'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li twaqqaf l-insib għall-għasafar ta' l-għana (finches) fir-rebbiegħa meta l-gvern Malti ilu ħafna jgħid u anke ntbagħat materjal governattiv lin-nassaba Maltin, li bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kien assigurahom li t-tradizzjoni ta' l-insib fir-rebbiegħa kienet se tibqa'?
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa b'mod urġenti l-każ ta' reserved parking quddiem residenza ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li darbtejn fil-ġimgħa tiġi ambulanza għal din il-persuna u t-triq hija dejqa ħafna?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Bord għall-Parkeġġ Riservat għall-Persuni b’Diżabbilita’ approva l-applikazzjoni li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari fl-aħħar laqgħa ta’ tali bord. Tali Parkeġġ Riservat ser ikun implimentat fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu dak li qal il-kummissarju għall-ambjent ta' l-Unjoni Ewropea Stavros Dimas li mhux veru li tul in-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea l-gvern Malti nnegozja xi deroga għall-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa?
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' ġuvni li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li applika biex idur b'missieru? Jista' jiġi nformat direttament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex waqt in-negozjati bejn it-TECOM u l-Gvern il-VIP scheme ġiet ċeduta, u fil-fatt l-ex ministri u chairpersonsm'għadhomx jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji li kienu jgawdu minnhom qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-iskema li qed jirreferi għaliħa fil-mistoqsija tiegħu hi ta' natura kummerċjali u għaldaqstant hija prerogattiva kompleta tal-kumpanija jekk u trid toffrija.
Tista' l-Ministru tara għaliex koppja anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kienet tieħu l-benefiċċju tal-mard, f'daqqa waħda qatgħulha dan il-benfiċċju? Tista' din il-persuna tiġi nformata direttament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna kienet appellat quddiem l-Arbitru maħtur taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali kontra d-deċiżjoni tad-Direttur. Id-deċiżjoni ta' l-Arbitru, fejn ċaħad l-appell, kienet ġiet komunikata lil din il-persuna fil-31 ta' Ottubru 2006.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24353 u għar-risposta relattiva, peress li l-avukati ta' Għawdex għandhom bżonn computer li jaħdem fil-kamra ta' l-avukati fil-qorti ta' Għawdex, tista' l-Ministru tara li jiġi fornut computer li jaħdem?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fil-kamra allokata għall-avukati hemm diġa’ computer li jaħdem.
Tista' l-Ministru tara li jingħata s-sussidju fuq surcharge tad-dawl u l-ilma ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jinsab boarded out u t-tifla tiegħu kulma taħdem tlett ijiem biss fil-ġimgħa għal Lm30 u ilu li applika għas-sussidju mill-2005? Tista' tara li jitmexxa dan il-każ u l-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' ftehim "sigriet" li l-gvern Nazzjonalista qal li għamel ma' l-Unjoni Ewropea dwar il-kaċċa u l-insib?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24525, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema gazzetta tal-Gvern ħarġet in-notifikazzjoni dwar it-tribunal lokali ta' Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-notifikazzjoni dwar it-tribunal lokali ta' Għawdex ħarġet permezz ta' Notifikazzjoni tal-Gvern numru 696 fil-Gazzetta tal-Gvern tat-8 ta' Awissu 2006.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk raid tal-pulizija li sar fuq il-kunsill lokali ta' Pembroke kienx marbut ma' sitwazzjoni ta' frodi? Jekk iva, x'kien l-eżitu ta' dan ir-raid? Dan kien l-ewwel raid li sar fuq dan il-kunsill?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kienet ġabret xi dokumenti mill-Kunsill Lokali ta' Pembroke in konnessjoni ma' investigazzjoni li qegħda tagħmel fuq informazzjoni anonima li kienet irċeviet dwar kuntratt ta' tindif. Din l-investigazzjoni għadha mhix konkluża.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi 21025 u 24281, jista' l-Ministru jispjega jekk iż-żieda fl-għoli tal-bini ngħatatx fl-inħawi fejn hemm konċentrazzjoni ta' attivita' turistika jew kummerċjali għaliex Triq iż-Żonqor, Wied il-Għajn ma ngħatatx żieda ta' sular meta l-bqija ta' Wied il-Għajn ngħata żieda ta' sular?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li biċċa minn Triq iż-Żonqor ġiet indikata għal erba’ sulari. Il-parti rimanenti ġiet indikata għal tliet sulari u penthouse. Dan sar għaliex fil-parti tal-punent ta' Triq iż-Żonqor l-aċċess u l-qlib ta' l-art huwa wieħed aktar diffikultuż u għalhekk inħass li ma kienx idoneju li jiġi intensifikat l-iżvilupp f'dawn l-inħawi.
Jista' l-gvern jgħaddi lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni art maġenb il-bitħa ta' l-iskola primarja tal-Mellieħa biex ikunu jistgħu jsiru faċilitajiet sportivi fosthom mini pitch b'turf artifiċjali li għalih hemm fondi mill-UEFA?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma rċeviet l-ebda talba mingħand id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni dwar il-biċċa art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Meta ssir tali talba t-Taqsima tkun tista' tagħtiha l-kunsiderazzjoni xierqa.
Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid liema proġetti f'Malta u Għawdex saru b'fondi (in parti jew totali) ta' l-Urban Improvement Fund tal-MEPA? Liema proġetti se jiġu ffinanzjati minn dan il-fond matul is-sena 2007?