Jista' l-Ministru jgħid xi studji regolari qegħdin isiru biex jiġi evalwat il-ħin kollu l-element kompetittiv ta' pajjiżna fil-qasam turistiku b'paragun ma' kompetituri oħra diretti minn tagħna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' tat-Turiżmu twettaq numru ta' studji biex tiġi evalwata l-kompetittivita tad-destinazzjoni.
Isir brochure analysis ta' tour operators ewlenin biex l-offerta ta' Malta tiġi mqabbla ma' dik tal-kompetituri. Barra minn hekk qed isir studju dwar tour operator profiling biex b'mod kontinwu tinġabar informazzjoni dwar żvillupi fl-istrateġiji tat-tour operators u l-impatti fuq id-destinazzjoni.
Kull xahar issir analiżi biex il-performance tat-turiżmu f'Malta tiġi mqabbla mar-riżultati ta' kompetitutri fil-Mediterran.
B'mod kontinwu isiru studji mat-turisti li jżuru Malta biex tinġabar informazzjoni dwar l-esperjenza tat-turist fid-destinazzjoni inkluż anke informazzjoni dwar il-kompetittivita ta' Malta fil-qasam ta' prezz, prodott u servizz.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom insulin dependent out-patientsjiġu pprovduti bi provvisti ta' Lantus Insulin, billi naf b'persuna li ma baqgħux jagħtuha din l-insulina mill-isptar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-gvern jipprovdi l-mediċina Insulin Glargine lil dawk il-pazjenti li jaqgħu taħt il-protokol tad-Drugs and Therapeutics Committee. Dan il-protokoll jinsab fis-sit ta' l-internet tan-National Medicines Policy and Audit Unit (http://www.sahha.gov.mt/pages.aspx?page=739); protokoll numru 101.
Jistgħu jittieħdu passi biex is-sidien jgħalqu u jieħdu passi preventivi kontra problemi sanitarji kkawżati mill-għalqa kbira li hemm fi Princess Margaret Street Msida li ilha mhux żviluppata s-snin u li apparti mit-tinġis fl-akkwati tispiċċa fi speċi ta' reservoir meta tagħmel ix-xita?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li saret spezzjoni fil-21 ta' Marzu 2007 minn uffiċjal ta' dipartiment tas-Saħħa Pubblika fil-post indikat. Ġie kkonfermat akkumulu ta' ilma qiegħed. Intbagħat avviż lis-sid sabiex dan l-akkumulu jitneħħa mill-aktar fis possibli. Ġie nnotat ukoll li dan il-post fil-beraħ hu mdawwar b'ċint ta' madwar 6 filati.
F'każ li s-sid ma jieħux il-passi meħtieġa sabiex ineħħi l-akkumulu ta' l-ilma fi żmien raġjonevoli li jittieħdu passi legali fil-konfront tiegħu.
Jista' jitneħħa l-arblu li hemm f'G.Cali' Street, Msida/Ta' Xbiex ftit aktar 'l isfel minn Princess Flats, fi Princess Margaret Street, Msida qabel taqbad G. Mitrovich Street, billi l-bankina hija dejqa u persuna lanqas tista' tgħaddi bil-mixi jew b'pushchairminħabba fih?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-każ imsemmi, l-bankina saret ftit ta’ żmien ilu u b’hekk l-arblu spiċċa fin-nofs tagħha. Il-Kunsill Lokali ġie notifikat u ngħata l-istima biex jiċċaqlaq l-arblu pero’ s’issa l-Kunsill Lokali għadu m’għamel l-ebda talba biex jipproċedi.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24446, tista' l-Ministru tara li għalkemm marru xi persuni mid-dipartiment tal-bini u tiswija ta' djar biex jinvestigaw, il-problema għadha hemm? Jistgħu jsiru aktar investigazzjonijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-fond indikat mill-Onor. Interpellant irriżulta li hu privat u għalhekk il-problema li rrefera għaliha ma taqax taħt ir-responsabbilita’ tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar.
Ninsab infurmata wkoll li, madankollu, meta l-uffiċjali ta’ l-imsemmi Dipartiment ikkuntattjaw lill-inkwilini, dawn ta’ l-aħħar infurmaw lill-uffiċjali li l-problema kienet ta’ sadd fis-sistema tad-drenaġġ u li ġiet solvuta meta tqabbdu nies biex ineħħu dan is-sadd.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 24346 u 24095 u jgħid meta huwa maħsub li l-gvern jibda jikri l-ispazju f'Dar Malta fi Brussell li mhux jintuża mill-gvern Malti? Lil min se jikri dan l-ispazju u b'liema prezz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hemm numru ta’ organizazzjonijiet kummerċjali li jinsabu lesti jikru partijiet minn Dar Malta. Naturalment dawn il-kirjiet iridu jsiru skond l-Att dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern (Kap 268).
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 24346 u 24095 u jgħid meta huwa maħsub li l-gvern jibda jikri l-ispazju f'Dar Malta fi Brussell li mhux jintuża mill-gvern Malti? Lil min se jikri dan l-ispazju u b'liema prezz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li sa l-aħħar ta' Ġunju 2007 se tispiċċa bla dar u bla saqaf fuq rasha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-każ qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir evalwazzjoni ta' l-effetti fuq pajjiżna lill-merger tal-first choice u Thomson? X'passi qed jittieħdu biex nilqgħu għal dawn l-effetti fuq it-turiżmu tagħna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-għaqda bejn il-First Choice u Thomson qiegħda tkun evalwata f'dawn il-ġranet mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu. L-Awtorita' miexja l-quddiem fil-pjani ma' dawn l-operaturi, mhux biss għal din is-sena, imma wkoll għas-snin li ġejjin.
Tista' l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tispostja l-parti pubblika tas-sistema tad-drenaġġ minn appartament li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex jiġi evitat kull inkonvenjent għall-familja li tgħix f'dak il-bini?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qed tistudja l-possibilita’ li tiġi spostjata s-sistema tad-drenaġġ imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex fil-portal ta' l-awtorita' Maltija tat-turiżmu jidħol tagħrif u faċilitajiet għal booking on line għal stabbilimenti self-catering, għax bħalissa mhumiex hemm u qed jitilfu ħafna bookings u negozju?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi dawk il-kategoriji ta' akkomodazzjoni turistika li bħalissa mhumiex preżenti fuq il-portal ta' l-Awtorita' Maltja tat-Turiżmu se jiġu introdotti fil-ġimgħat li ġejjin, kif kien maħsub fil-pjan oriġinali ta' implimentazzjoni.
Ix-xogħol fuq dan diġa' beda u qed jingħata prijorita' sabiex jitlesta fl-iqsar żmien possibli.
Il-portal se jinkludi lista ta' l-istabbilimenti ta' l-akkomodazzjoni, mqassma skond il-kategorija, kif ukoll konnessjoni diretta permezz ta' link ma' l-indirizz tal-e mail u mas-sit elettroniku ta' l-istabbiliment.
Hemm il-ħsieb li, aktar 'il quddiem, dawn ukoll jiddaħħlu fis-sistema ta' l-online booking tal-portal, simili għall-dik tal-lukandi.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali tal-kontijiet pendenti għall-konsum ta' l-ilma u d-dawl tal-lukandi privati dovuta lil Enemalta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kontijiet pendenti mill-lukandi privati dovuti lill-Enemalta huma ta Lm2,523,900 liema somma tinkludi l-kontijiet kollha kurrenti u konsegwentament is-somma mhix indikazzjoni ta' kontijiet arretrati.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali tal-kontijiet pendenti għall-konsum ta' l-ilma u d-dawl tar-restaurants, bars u stabilimenti kummerċjali ta' l-ikel u x-xorb dovuta lil Enemalta?
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali tal-kontijiet pendenti għal konsum ta' l-ilma u d-dawl ta' kumpanniji privati dovuta lil Enemalta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru: 23822.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-consumption/domanda tad-dawl u ilma matul l-2006 f'kull sptar? Jista' jagħti din l-informazzjoni għal kull sptar separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-konsum tad-dawl u l-ilma għas-sena 2006 f'kull sptar kien hekk:
Sptar Monte Carmeli Lm213,985
Residenza San Vincenz de Paul Lm644,257
Sptar Sir Paul Boffa Lm35,070
Sptar San Luqa Lm629,642
Sptar Zammit Clapp Lm27,482
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tad-dawl u l-ilma fl-iskejjel tal-Gvern f'Malta u Għawdex separatament matul l-2006?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa globali matul l-2006 għad-dawl u l-ilma fl-iskejjel tal-Gvern f'Malta kienet ta' Lm369,818.16ċ.
Informat ukoll li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta' l-iskejjel f'Għawdex jitħallsu mill-vot tal-Ministeru għall-Għawdex.
Jista' l-Ministru japprova u jirrimedja immedjatament għal każ li qed jintbagħat separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
F'kazijiet bħal dawn mhux il-Ministru "japprova" izda Statementing Moderating Panel li jkun irid jevalwa l-kazi skond iċ-ċerifikati u l-assessments professjonali multi dixxiplinari. Informat li l-kaz in partikolari qed jiġi proċessat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rakkmandazzjonijiet li saru mill-Ombudsman fil-konfront tal-MEPA u dawn ġew milqugħa jew implimentati mill-istess MEPA mis-sena 1999 sa Frar 2007?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar rakkomandazzjonijiet li saru mill-Ombudsman fil-konfront ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tinsab fir-rapporti annwali ppubblikati mill-uffiċċju ta' l-Ombudsman.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24125 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid meta triq ġdida fi Triq Villa Abate ġewwa Ħaż-Żabbar se tingħata isem minħabba li ilha żmien twil li ġie suġġerit isem għaliha li aktarx huwa Triq Dun Gwann Debono?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.