Legislature:
Category:
Reset
Active:

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ikliet/hospitality

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23339 u jgħid: Matul is-sena 2006 kemm kienet in-nefqa globali ta' l-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali ta' l-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti li jaqgħu taħti kienet ta' Lm90,325, igifieri Lm21,359 inqas mis-somma ta' Lm111,684 li kien nefaq il-Gvern Laburista fis-sena 1998, disa snin qabel.

SEC u MATSEC — Resits

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fir-resitstas-SEC u l-MATSEC ma jsirux il-listening comprehensionu l-orali għal dawk li jeħlu minn dawn is-suġġetti fl-eżamijiet li jkunu saru f'Mejju? Huwa minnu li għar-resitsjgħoddu l-marki li jkunu ġabu fl-eżamijiet oriġinali? Jekk iva, ma jaħsibx li dan jista' ikun ta' dannu għall-istudent?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fir-resits ta' l-ezamijiet tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola, l-listening comprehension u l-orali ma jsirux minħabba l-ftit zmien li hemm bejn ir-reġistrazzjoni għar-resits u l-ħruġ tar-rizultati qabel l-aħħar ta' Settembru. F'dan iz-zmien iridu jsiru t-tħejjijiet u l-proċessi kollha meħtieġa biex isiru r-resits fl-ezamijiet tal-kitba f'sitt suġġetti fil-livell tas-SEC u mal-ħamsin suġġett taċ-Ċertifikat tal-Matrikola u fl-istess ħin issir ir-revizjoni tal-karti tas-suġġetti kollha. Dawn it-tħejjijiet u l-proċessi huma spjegati fid-dettal fir-Rapport dwar il-MATSEC maħruġ mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Zgħazagħ u Impjiegi f'Ottubru 2005. Minflok ir-resits, il-Bord tal-MATSEC jgħodd il-marki tal-listening comprehension u ta' l-orali li l-kandidati jkunu ġabu f'Mejju. Dan jixbaħ il-proċess li jsir fir-resits tal-Fizika, tal-Kimika u tal-Bioloġija fil-livell tas-SEC fejn jgħoddu l-marki oriġinali tal-proġett.

Malta University Services — Bord

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24306 u jgħid minn min hu magħmul il-bord li jmexxi l-Malta University Services? Jista' jgħid ukoll jekk dawn jitħallsux jew għandhomx xi allowances? Jekk iva, x'inhuma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Settembru 2006 il-Bord tal-Malta University Services hu kompost minn dawn il-membri: Professur Juanito Camilleri Professur Andrew Muscat Mr Peter Baldacchino Mr Ronnie Attard Mr Sonny Portelli Mr Winston Zahra Ing. Philip Micallef Informat ukoll li ħadd mill-membri tal-Bord ma jitħallas jew jieħu xi allowance. Hemm it-tradizzjoni li meta l-kumpanija tagħmel profitt, il-membri jitħallsu Lm500 kull wieħed, izda din ma tapplikax għar-rettur.

Skejjel — Rapporti ta' fastidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika s'issa kienx hemm rapporti ta' fastidju (harassment) minn staff fl-iskejjel? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji rilevanti u jgħid x'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena kien hemm 6 rapporti ta' fastidju (harassment) minn staff. F'kull kas ittieħdu l-passi meħtieġa. Mhux prudenti li wieħed jagħti d-dettalji.

Raħal Ġdid — Tiswija ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jara li t-triq li hemm fejn il-ground tal-football tal-Hibs u li tibqa' sejra fejn il-hockey groundtingħata ftit tal-manutenzjoni peress li hija fi stat ħażin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Isla — Għalliem tad-drama

Question

Jikkonferma l-Ministru li ġie mpjegat għalliem tad-dramafl-iskola ta' l-Isla li m'għandux warrant biex jgħallem? Kien hemm xi talbiex mill-MUT biex jitneħħa dan l-għalliem? X'passi se jittieħdu peress li jidher li qed tinkiser il-liġi?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma ġie impjegat ebda għalliem tad-drama fl-iskola ta' l-Isla. Il-persuna konċernata kienet tqabbdet minn bank kummerċjali wara ftehim ma' l-iskola biex fil-prezenza ta' l-għalliem tal-klassi tizviluppa proġett dwar self-esteem. Il-fond soċjali tal-bank intuza għal dan il-proġett.

Awtorita' tad-Djar — Każ ta' housing

Question

Tista' l-Ministru tara fejn waslet it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni għal għotja li tgħin lis-sidien fil-bini, irranġar u jew tkomplija ta' l-ewwel residenza, ninsab infurmata li l-applikazzjoni mill-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant waslet għand l-Awtorita' tad-Djar fis-27 ta' Frar, 2007. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' qed tipproċessa din l-applikazzjoni li qiegħda fi stadju li jsiru l-verifiki meħtieġa biex jiġi kkonfermat li l-proprjeta' hi fil-fatt l-ewwel abitazzjoni ta' l-applikanti.

Każi ta' stupru

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rrappurtati każijiet ta' stupru mill-bidu ta' din is-sena sal-lum? Minn liema lokalitajiet jew pajjiż kienu l-aggressuri u l-vittmi? F'liema lokalitajiet saru l-każijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija ħames każi ta' stupru, li wieħed minnhom irriżulta li kien każ ta' rapport falz. Fil-każijiet kollha l-vittmi kienu Maltin, filwaqt li l-persuni suspettati li wettqu r-reat kienu f'żewġ każijiet Maltin, każ ieħor Libjani u fl-ieħor Somalu u Sudaniż. Dawn ġew irrapurtati li seħħew San Pawl il-Baħar; Bormla; Ħaż Żabbar u l-Marsa.

Enemalta — Żieda fil-prezz tal-fuel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 14962, 15126, 15382 u 15439 u jgħid apparti ż-żieda fil-prezz tal-fuel u fis-surcharge,x'miżuri qiegħda tieħu l-Enemalta biex taħdem b'mod aktar effiċjenti u b'hekk tikkontrolla aħjar l-ispiża u r-rendikont finanzjarju tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dibattitu li għadu kemm sar dwar l-Estimi tal-Enemalta fejn tajt spjega eżawrenti tal-miżuri kollha.

CASM — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-impjegati tal-CASMA li għal dawn l-aħħar tmien snin ġew mislufa lill-kumpannija Accor u llum Bariere? Jista' jgħid jekk il-gvern hux jikkontempla li jġedded il-kuntratt lill-kumpannija Barriere ma' l-għeluq tal-kuntratt għal għaxar snin milħuq mal-kumpannija Accor? Jekk il-kuntratt jiġġedded, il-gvern se jassigura li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li ġew mislufa mill-CASMA jitjiebu, wara li matul dawn l-aħħar tmien snin il-kunidizzjonijiet tagħhom ġew prattikament iffriżati u l-impjegati tħallew mingħajr ftehim kollettiv?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-operat jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tal-Finanzi, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Casino Dragonara

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern dwar l-istat ħażin li tħalla jaqa' fih il-bini tal-Casino Dragonara matul dawn l-aħħar tmien snin, għajr għal ftit irtokki ta' manutenzjoni li saru biss dan l-aħħar, wara li prattikament ma saret l-ebda manutenzjoni għal tmien snin sħaħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-operat jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tal-Finanzi, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Malta Shipyards — Ħaddiema barranin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22974 u jgħid min huma l-persuni barranin li għandhom top posts fil-Malta Shipyards? X'inhu s-salarju u l-benefiċċji l-oħra li għandhom? Jista' jgħid x'esperjenza għandhom u xi kwalifiki fis-CV tagħhom? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li ngħatat ittra lill-ħaddiema tat-Tarzna dwar possibbilta' ta' xogħol b'shift mis-7.00 a.m. sas-7.00 p.m. u mis-7.00 p.m. sas-7.00 a.m.?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-Malta Shipyards hawn tliet persuni barranin li għandhom top posts. Dawn huma Chris Bell – Chief Executive Officer, David Kahlbon – Production Executive, u John Cox – Project Executive. Dwar is-salarju ta’ dawn, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kont tajt għal mistoqsija parlamentari nru. 20253. Dwar l-esperjenza u l-kwalifiki fis-CV, l-Onor. Interpellant jifhem li minħabba l-Protezzjoni tad-Data personali din l-informazzjoni ma tistax tingħata. Imma nassigurah li dawn kienu ġew ivverifikati waqt l-interviews li saru qabel ma nħatru. Fir-rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, l-ittra li qed isir riferenza għaliha ntbagħtet għal raġunijiet ta’ produttivita’ sabiex jitħaffef il-progress tax-xogħol fuq l-azzar fuq wieħed mill-proġetti li hawn bhalissa fil-Malta Shipyards.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' proprjeta'

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali għall-kiri ta' propjeta tal-Ministeru, dekasteru u enti kollha li jaqgħu taħti għas-sena 2006 kienet ta' Lm4,614 aktar mis-somma ta' Lm1,197,078 li kienet titħallas fis-sena 1998 (9 snin ilu) fi żmien gvern Laburista.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' xtieli/pjanti

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' xtieli/pjanti tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi n-nefqa globali f'kiri ta' xitel u pjanti tal-Ministeru, dekasteru u enti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi għas-sena 2006 kienet ta' Lm1,311.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' għamara/pittura

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' għamara/pittura tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, ma kienx hemm spejjes għall-kiri ta' għamara u pitturi għall-Ministeru, dekasteru u enti li jaqgħu taħti.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Xiri ta' stationery

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-stationaries tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi n-nefqa globali fuq stationery matul is-sena 2006 fil-Ministeru u enti kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilita tiegħi kienet ta' Lm326,848.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 22863 u jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali tal-mobile phones fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali fuq mobile phones fil-Ministeru u d-Dipartimenti fl-2006 tammonta għal Lm14,717. Infurmat ukoll li n-nefqa globali ta' kull entita kummerċjali li taqa taħt ir-responsabilita tiegħi hija kif tidher fuq it-tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.