Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni b'diżabilita' jirreġistraw għax-xogħol? Jista' jgħid kemm ilhom jirreġistraw u għal liema mpjieg qed jirreġistraw?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-policy dwar persuni li jkunu għadhom ħerġin mill-ħabs u m'għandhomx fejn joqogħdu? Ma taħsibx il-Ministru li meta persuni bħal dawn nitfgħuhom fit-triq bla saqaf fuq rashom u bla possibilita' ta' mpjieg, inkunu qed nesponuhom għall-probabilita' li jerġgħu jiżbaljaw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Każijiet ta' persuni li jiġi ppruvat li ġenwinament ma jkollhomx fejn joqgħodu jingħataw prijorita' mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Dan japplika wkoll għall-kategorija ta' persuni ndikata mill-Onor. Interpellant.
Irrid infakkar lill-Onor. Interpellant li f'pajjiżna hawn bosta djar li jagħtu kenn lill-persuni li joħorġu mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u ma jkollhomx saqaf fuq rashom. Il-Gvern għadu kif għadda dar f'Bormla lill-"Għaqda mid-Dlam għad-Dawl" proprju għal dan il-għan u l-Awtorita' tad-Djar qed tgħin biex din id-dar titranġa biex tipprovdi kenn lil dawn in-nies, flimkien ma għajnuna u appoġġ li għandhom bżonn.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-policy dwar persuni li jkunu għadhom ħerġin mill-ħabs u m'għandhomx fejn joqogħdu? Ma jaħsibx li meta persuni bħal dawn nitfgħuhom fit-triq bla saqaf fuq rashom u bla possibilita' ta' mpjieg, inkunu qed nesponuhom għall-probabilita' li jerġgħu jiżbaljaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn naħa tal-awtoritajiet tal-ħabs, meta priġunier jitlob l-għajnuna biex jingħata xi post fejn joqgħod huwa jingħata l-għajnuna kollha neċessarja.
Id-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi, permezz tas-Social Worker, jibda dak il-proċess neċessarju biex il-priġunier japplika għal social housing. Każijiet ta' persuni li jiġi ppruvat li ġenwinament ma jkollhomx fejn joqgħodu jingħataw prijorita' mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Kien hemm diversi każi li priġunieri ingħataw dar jew lok alternattiv.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema tac-Civil li temmew l-impjieg tagħhom fis-sena 2006? Xi grad kellhom u f'liema dipartiment kienu jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 1441 persuna li temmew l-impjieg tagħhom minn mas-Servizz Pubbliku.
Il-grad tagħhom u f’liema dipartiment kienu jservu qabel spiċċaw jidhru fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru road blocks mill-Pulizija matul is-sena 2006 u x'kien ir-riżultat ta' dawn ir-road blocks?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, il-Pulizija għamlet 1,997 roadblock f'diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Waqt dawn ir-roadblocks, irriżulta li numru ta' persuni nstabu li kisru r-regolamenti tat-traffiku, filwaqt li kien hemm ukoll 16-il każ fejn instabet id-droga.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' proġetti li ġew proposti għall-finanzjament permezz ta' fondi ta' l-Unjoni Ewropea (2007-2013) inkluż l-valur stmat ta' kull proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24668.
Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba ta' koppja minn Birżebbugia, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix f'post ikkundannat u skond id-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 274 punt u sal-lum qatt ma kienu provduti post alternattiv għall-ħteġijiet tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-każ indikat mill-Onor. Interpellant qed jiġi kkunsidrat bħala wieħed ta’ prijorita’ mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Tista' l-Ministru tara li l-anzjana armla, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-inizjattiva Care and Repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' l-Ministru tara li l-anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li qed jgħid li għandu post bil-kera għolja, m'għandux fejn jonxor u qed ikollu ħafna spejjeż biex juża t-tumble dryer, ssirlu spezzjoni biex tkun riveduta l-kera u biex ikun ikkonfermat iċ-ċokon ta' dan il-post?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li s-sussidju fuq il-kera tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant liema sussidju ġie stabbilit għal 50%, inħadem is-sena l-oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti talli wettqu atti indiċenti fil-pubbliku s-sena l-oħra u din is-sena u fejn sar ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 104 persuna li tressqu l-Qorti fuq akkużi li kienu jinkludu atti indiċenti fil-pubbliku, filwaqt li matul din is-sena tressqu 14-il persuna. Il-lokalitajiet fejn saru dawn ir-reati kienu jinkludu Għajn Tuffieħa, Qawra, Ġnejna, Valletta, Qormi, Paola, Cospicua, Żejtun, Sliema, Msida, Gżira, San Ġiljan, Ħamrun, Mdina, Baħar iċ-Ċagħaq, Rabat (Għawdex), Marsa, San Pawl il-Baħar, Marsascala, Attard, St Venera, Għajnsielem, Għar Lapsi, Safi, Żebbuġ, Munxar, Blata l-Bajda, Mosta, Sliema, Rabat, Sannat u Nadur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi minn unmarried mothers din is-sena u x'eta' kellhom l-ommijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fis sena 2006 ġew irreġistrati li twieldu 812 tarbija minn ommijiet irrappurtati bħala single. It-tabella hawn taħt turi x'eta' kellhom dawn l-ommijiet.
Tabi li twieldu minn ommijiet irrappurtati bħala single
Eta' ta l-omm
Trabi li twieldu minn ommijiet irrappurtati
bħala
single
<15
4
15 - 19
214
20 - 24
290
25 - 29
179
30 - 34
75
35 - 39
34
40 +
11
Unspecified age
5
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni ta' nazzjonalita' barranija li ddaħħlu l-isptar San Luqa s-sena l-oħra? Kemm kienu mitluba jħallsu għall-kura li ngħataw u kemm effettivament tħallas?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, iddaħħlu 5,765 persuni ta' nazzjonalita' barranija l-isptar San Luqa. Iċ-ċifra li kienu mitluba jħallsu għall-kura tammonta għal Lm149,281. Effettivament tħallsu Lm80,904 u Lm12,139 ġew maħfura minħabba li l-pazjenti ġabu dokumenti li juru li huma ntitolati għal kura b'xejn.
Jista' l-Ministru jgħid humiex se jingħataw permess għall-attivitajiet tal-massa bħal parties ġo areas li huma santwarji tal-għasafar jew areas li jaqgħu taħt l-iskema Natura 2000 din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kull applikazzjoni għal attivitajiet tal-massa, bħal parties ġo areas protetti, inklużi dawk li huma santwarji ta' l-għasafar u areas li jaqgħu taħt l-iskema Natura 2000, jiġu evalwati skond il-mertu tagħhom u deċiżjoni tittieħed skond l-obbligi ta' ligijiet nazzjonali u kommunitarji fir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid fejn se isir il-parking area ġo Ta' Qali Park issa li dan se jiġi rranġat? Kemm se jkun hemm parking spaces għall-karozzi? Jista' l-Ministru jpoġġi site plan fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-parking area eżistenti ser tkun irranġata b’tali mod li joqogħdu iktar karozzi fiha u li tkun aktar aċċessibbli minkejja li ser tittieħed parti mit-triq u ammont żgħir ta’ parkeġġ għall-estensjoni tal-ġnien. In-numru ta’ parking spaces ser jitla’ minn 234 preżenti għal 280 kif ippjanati. Dan ifisser żieda ta 3% ikkomparat ma’ dawk eżistenti.
Qed inpoġġi
site plan
fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw sentenzi ta' ħabs sospiżi għall-każi ta' pedufilja, rapes, u korruzzjoni fuq minorenni kull sena għal dawn l-aħħar tlett snin? Jista' jgħid kemm weħlu nies l-ħabs fuq l-istess akkużi, fl-istess żmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' sentenzi ta' pieni karċerarji li ngħataw fis-snin indikati għar-reati msemmija fil-Mistoqsija kien kif ġej:-
Sena Numru
2004 2
2005 5
2006 17
Infurmat ukoll illi l-informazzjoni dwar sentenzi ta' ħabs sospiżi għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jistgħu jinħarġu struzzjonijiet biex l-għalqa abbandunata ftit aktar 'l isfel minn Princess Flats fi Princess Margaret Street l-Imsida li spiss tintuża bħala rubbish dumpli hemm f'G. Cali' Street, Msida tiġi magħluqa b'ħajt apposta minħabba l-ħamrija li taqa' ma' kull xita fit-triq u biex ma jkomplix isir abbuż minnha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li saret spezzjoni mid-Dipartiment ta' l-Infurzar ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fejn ġie stabbilit li fis-sit li qiegħed fi Triq il-Prinċipessa Margaret kantuniera ma’ Triq Giuseppe Calì hemm ġiebja magħluqa b'ħajt ta' ħames filati. Iktar ‘l isfel fi Triq Giuseppe Calì hemm substation ta' l-Enemalta u ħdejha hemm sit vakanti bil-blat tiegħu ogħla b'xi seba' filati mil-livell tat-triq. Aktar ‘l isfel hemm parti livellata bil-konkos u mdawra bi blokki tal-konkos li qegħda tintuża għall-ipparkjar ta' karozzi.
Fuq in-naħa ta' wara ta' din il-biċċa li tagħti għal fuq triq mingħajr isem quddiem il-blokki tal-Gvern hemm xi ftit skart. Dwar dan ser tittieħed azzjoni skond l-Artiklu 55 ta' l-Att dwar l-Ippjanar.
Sadanittant, nitlob lill-Onorevoli Membru jinnota l-inizjattiva li ttieħdet mill-Gvern flimkien ma’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-Kunsilli Lokali biex ikunu ndirizzati problemi simili f’diversi lokalitajiet. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-fuljett li qed jitqassam.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li pazjenti li jieħdu l-Werfane mill-polyclinic tal-Gżira ġieli jirċievu r-riċetta mill-isptar ftit qabel ma tiskadielhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Meta l-pazjenti jiġu l-Anti Coagulation Clinic ta' l-isptar San Luqa, jittieħdihom sample tad-demm, u wara jintbagħtu d-dar. Ir-riżultat ta' INR jarah it-tabib dak in-nhar stess, u skond dan ir-riżultat jaġġusta d-doża tal-Warfarin u jagħmel ir-riċetta. L-għada il-ktieb l-isfar, ir-riċetta u l-appuntment jintbagħtu lill-pazjent bil-posta. Hemm arranġament ma' l-Ispiżjara in charge tal-Outpatients Pharmacy ta' l-isptar San Luqa , li r-riċetta tal-Warfarin tibqa' valida sa' għaxart ijiem mid-data li tkun miktuba fuq ir-riċetta . Dan, sabiex ipatti għaż-żmien li l-ktieb u r-riċetta jdumu fil-posta u b'hekk il-pazjenti jkollhom żmien biżżejjed jiġbru l-mediċini mill-ispiżerijia.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24277, jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema ħarġa tal-gazzetta tal-gvern ġie riklamat it-tender għall-inċineratur għall-biċċerija u qed nirriferi għax-xogħol li għad irid isir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fuq l-inċineratur mhux se jsir b’tender imma permezz ta’ proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratti ta’ l-Unjoni Ewropea kif jipprovdu r-Regolamenti Dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Din il-proċedura qegħda tiġi addottata wara li l-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti approva talba għal dan il-għan mingħand WasteServ Malta Ltd minħabba l-fatt li l-provisti addizzjonali jridu bilfors jaqblu mal-karatteristiċi tekniċi eżisteni.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 24000 u 24278 cioe' rigward Dar Malta fi Brussels, tista' tikkonferma li l-ispiża fil-manutenzjoni u xogħlijiet oħra f'Dar Malta ma qabżitx l-ispiża stmata ta' Lm2.5 miljun? Tkun lest toħroġ lista ta' kif inqasmu dawn l-ispejjeż? Xi żviluppi kien hemm fid-diffikultajiet ta' tassazzjoni li sab il-gvern Malti meta ġie biex jikri partijiet minn Dar Malta lil terzi għal skopijiet kummerċjali? Kien hemm soluzzjoni għal din il-problema? Instabu kumpanniji lesti li jikru partijiet minn Dar Malta? Kien hemm xi ftehim ma xi kumpanniji f'dan ir-rigward? Meta huwa mistenni li l-Gvern Malti jibda jdaħħal il-flus minn dawn il-kirjiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.