Legislature:
Category:
Reset
Active:

Promozzjonijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27158, peress li skond l-informazzjoni mogħtija ngħataw diversi promozzjonijiet lill-istess persuni f'qasir żmien, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għal dan u l-kriterji li fuqhom ingħataw dawn il-promozzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kriterji ta’ Promozzjonijiet u postijiet vakanti fil-Borża ta’ Malta huma skond il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif approvati mill-Kunsill tal-Borża ta’ Malta f’Diċembru 1995. Din hi s-sislta relevanti mill-Kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Borża ta’ Malta: Promozzjonijiet u Postijiet Vakanti Meta jingħataw promozzjonijiet, il-Kunsill iħares lejn l-attitudni, l-effiċjenza, l-esperjenza, l-kwalifiki u l-aktar li jkunu ilhom fil-grad relevanti. Il-kriterji li jintużaw ma jittiħdux neċessarjament f’din l-ordni. Il-postijiet vakanti jimtlew minn persuni li diġà huma mpjegati fil-Borża ta’ Malta, li fl-opinjoni tal-Kunsill, għandhom il-kwalitajiet mitluba biex jimtela l-post vakanti u jekk dan ma jkunx l-każ, tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijet minn barra.

Battery operated cars

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħlas ta' reġistrazzjoni fuq vetturi tat-tip battery operated cars? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas ta' din ir-reġistrazzjoni fuq dawn il-vetturi u t-taxxi relatati magħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29151.

Liġi tal-health and safety

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li ilhom isiru risk assesments tal-premises tad-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru sa mill-2001. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' numru ta' assesments li saru.
Leg 10 PQ #29222 Sitting 601 2007-12-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għal Għawdex

Liġi tal-health and safety

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tagħha skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fid-dipartimenti li jaqghu taht il-Ministeru ghal Ghawdex sar risk assessment skond kif titlob il-ligi tal-health and safety, taht kull dipartiment. Kopji taghhom ser jitpoggew fuq il-mejda tal-Kamra fil-jiem li gejjin.

Liġi tal-health and safety

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tagħha skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti indikati fl-istess Tabelli.

Bini ta' skejjel ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta' skejjel ġodda u għall-bini ta' estensjoni fl-iskejjel? F'kull każ jista' jgħid liema huma l-iskejjel konċernati u meta saret kull applikazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Skond is-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtoritá ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtoritá għandha quddiemha sbatax-il applikazzjoni validata għall-bini ta' skejjel ġodda u għall-bini ta' estensjoni fl-iskejjel. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta' dawn l-applikazzjonijiet bid-dettalji mitluba. It-tfittxija fis-sistema ta' l-informatika saret fuq applikazzjonijiet li għandhom xi waħda minn dawn il-kliem fil-proposta: school, skola, skejjel, jew classroom.

Fund for good causes

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari 27278, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex ċert li t-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 29129 hija sħiħa u li m'hemmx partijiet li tħallew barra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Tisbiħ ta' l-ambjent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata lill-iskejjel biex isebbħu l-ambjent fl-iskejjel ta' l-istat? L-istess għajnuna tingħata lill-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi jgħin lill-iskejjel "kollha" bi proġetti billi jipprovdi finanzi biex it-tfal jieħdu inizjattivi personali pro-attivi favur l-ambjent, e.g. "Ekoskola" li issa tiġbor fiha mas-60 skola; "34U" (Tree for You) tqassam siġar biex jitħawlu fil-ġonna ta' l-iskejjel; u "YRE" (Young Reporters for the Environment) li għadha kif bdiet u tiġbor fiha 9 skejjel. It-34U torganizza ukoll programmi edukattivi (tours) f'Ta' Qali u tqassam posters u materjal ieħor favur l-ambjent. L-iskejjel jiġu wkoll mistiedna jieħdu sehem fid-diversi attivitajiet ta' tħawwil ta' siġar bħalma kien hemm riċenti fil-Mellieħa u fi Xrobb l-Għaġin, fost l-oħrajn.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fir-ranks differenti fil-Korp tal-Pulizija? Kemm suppost ikun in-numru ta' pulizija f'kull rank? Meta se jsiru l-eżamijiet għal surġenti u għal spetturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent fil-Korp tal-Pulizija hemm vakanzi ta’ 2 Supretendenti, 20 Spettur, 3 Surġenti Maġġuri u 59 Kuntistabbli. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 30 kandidat li qegħdin jattendu lectures fl-Akkademja tal-Pulizija bi tħejjija għall-eżami ta kwalifika fil-grad ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija, skond kif rikjest fis-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija kif pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ l-20 ta’Marzu 2007, filwaqt illi għalissa mhux maħsub li jkun hemm applikazzjonijiet għall-promozzjonijiet għall-grad ta’ Surġent. Dalwaqt jibda kors għal dħul ta' 50 kuntistabbli ġdid.

Vjolenza domestika

Question

Jista' l-Vici Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li nstabu ħatja ta' vjolenza domestika f'dawn l-aħħar tlett snin? Jista' jelenka x'weħlu dawn in-nies li wettqu din il-vjolenza domestika? Kemm minn dawn il-vittmi kienu minorenni? Kemm kien hemm ukoll każijiet f'dan il-perijodu li l-partnerħafret lill-partner l-ieħor li kien uża vjolenza domestika fuqha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika kompjuterizzata.

Żgħażagħ taħt l-eta' jixorbu

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mill-1 ta' Lulju ta' din is-sena s'issa kemm inqabdu żgħażagħ taħt l-eta' jixorbu u/jew f'postijiet ta' divertiment? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar u f'liema lokalitajiet inqabdu? Ittieħdu passi kontra dawn iż-żgħażagħ u kontra s-sidien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Lulju u Novembru ta’ din is-sena kien hemm każ wieħed ta’ bejgħ ta’ xorb alkoħoliku lil persuna taħt l-eta’. Dan kien f’Lulju ġewwa Wied il-Għajn u ittieħdu proċeduri kriminali kontra l-persuna responsabbli mill-ħanut. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu kien hemm 11-il persuna taħt l-eta’ li nstabu f’postijiet ta’ divertiment ġewwa San Giljan – 1 f’Settembru; 3 f’Ottubru u 7 f’Novembru. F’dawn il-każi wkoll inbdew proċeduri kriminali kontra l-persuni responsabbli mill-postijiet.

Ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min se jintuża l-ground li qed jinbena fl-iskola Junior Lyceum tas-subien tal-Hamrun? Jista' jgħid meta se jkun possibli li jużawh l-istudenti ta' l-istess skola? Kemm se jiġi jiswa dan il-ground u minn liema fondi se jitħallas? Hemm xi ftehim ma' terzi? Jekk fl-affermattiv ma' min?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol beda u jekk it-temp jippermetti jkun jista' jibda jintuza wara l-vaganzi tal-Milied. L-ispiża għal dan il-proġett se tiswa Lm48,490. Diskussjonijiet dwar l-użu tal-pitch għadhom mhux konklużi u ftehim għad irid jiġi iffirmat.

Zjara fl-Awstralja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri kollha tad-delegazzjoni li akkumpanjatu l-Awstralja u min kienu l-ġurnalisti u rappreżentanti tal-media li telgħu miegħu? Huwa minnu li fosthom kien hemm ta' Where's Everybody? X'arranġamenti finanzjarji saru dwar l-akkumpanjament u l-vjaġġi u akkomodazzjoni u ikel tal-ġurnalisti li kellu miegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28770.

Żjara fl-Awstralja

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27386 u jgħid min kienu l-membri kollha tad-delegazzjoni li akkumpanjatu l-Awstralja u min kienu l-ġurnalisti u rappreżentanti tal-media li telgħu miegħu? Huwa minnu li fosthom kien hemm ta' Where's Everybody? X'arranġamenti finanzjarji saru dwar l-akkumpanjament u l-vjaġġi u akkomodazzjoni u ikel tal-ġurnalisti li kellu miegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28770.

Żjara fl-Awstralja

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27827 u 27386 u jgħid min kienu l-membri kollha tad-delegazzjoni li akkumpanjatu l-Awstralja u min kienu l-ġurnalisti u rappreżentanti tal-media li telgħu miegħu? Huwa minnu li fosthom kien hemm ta' Where's Everybody? X'arranġamenti finanzjarji saru dwar l-akkumpanjament u l-vjaġġi u akkomodazzjoni u ikel tal-ġurnalisti li kellu miegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28770.

MFA — Għoli ta' prezzijiet

Question

Fid-dawl ta' l-istqarrija tal-Malta Football Association fejn minn meta tibda l-ewro f'Malta l-prezzijiet se jogħlew sostanzaljment, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-MFA talbitx jew ikkonsultatx ruħha mal-ministeru li taħtu jaqa' l-isports u jekk il-ministeru aċċettax din iż-żieda fid-dħul mill-1 ta' Jannar u r-rounding up goff li se jsir minħabba l-ewro?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, li l-MFA la tablet u lanqas ikkonsultat ruħha mal-Ministeru dwar iż-żjieda fil-prezzijiet.

Karozza mikrija għall-użu tiegħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid, jekk ġewx mikrija/leased karozzi għal użu tiegħu bħala Ministru minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, x'tip ta' karozza inkriet/leased, kemm hi r-rata li biha nkriet/leased il-karozza kull ġurnata u għalkemm żmien?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi mill-31 ta’ Mejju 2007 sal-14 ta’ Ġunju 2007 (15 il-ġurnata), ġiet mikrija karozza għall-użu tal-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Il-karozza kienet tat-tip Honda Accord u kienet mikrija bir-rata ta’ Lm35.40,0 kuljum inkluża l-VAT. Ir-raġuni tal-kiri ta' din il-karozza kienet minħabba tiswijiet u manutenzjoni li kienu qed isiru fuq il-karozza uffiċjali.

Manutenzjoni ta' karozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-manutenzjoni tal-karozza tiegħu bħala Ministru u s-second car separatament minn Jannar 2007 sal-lum?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-ispiża għal manutenzjoni fuq il-karozza uffiċjali tal-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura minn Jannar 2007 sal-lum kienet ta’ Lm 390.04,0. Din l-ispiża kienet relatata ma' servizz ġenerali li jsir regolari kull sitt xhur. Rigward is-second car, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministru ma jgħamilx użu minnha. .

Karozza ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda għall-użu minn uffiċjal jew għal użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, għal min kienu jew għal liema skop, x'tip ta' karozza, l-prezz u x'ċilindrata huma?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi minn Jannar ta’ din is-sena il-karozzi li nxtraw għall-użu uffiċjali jew għall-użu ġenerali fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kienu kif jidher hawn taħt: Renault Megane EX1.6, 1598cc għall-prezz ta’ Lm5,502.50. Din inxtrat għad-Direttur Ġenerali, Taqsima tas-Servizzi skond il-Performance Agreement u Ħames Vannijiet Tata Telcoline tat-tip pickup, 1948cc għall-prezz ta’ Lm6,148 il-wieħed. Dawn inxtraw għall-użu ġenerali tad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi u d-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni rispettivament.