Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ghaxar — Triq Hal Millieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Hal Millieri, Għaxaq ser tkun lesta peress li x-xogħol fuq din it-triq waqaf kompletament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li x-xogħol fuq din it-triq kellu jieqaf sakemm entitajiet diversi iċaqalqu arbli u cables li kienu jinsabu fin-nofs tat-triq. Ix-xogħol mistenni jitkompla mill-aktar fis.

Sliema — Triq Dun Gennaro Camilleri

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk il-bollards li hemm fi Triq Dun Gennaro Camilleri, f'Tas-Sliema, humiex koperti minn permess mill-ADT? Jekk fin-negattiv, jistgħux jitneħħew minnufih?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Sliema — Bollards fi Triq Dun Gennaro Camilleri

Question

B'referenza għat-trejqa Dun Gennaro Camilleri, Sliema, jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani jekk il-bollards li reġgħu tpoġġew xi xhur ilu humiex koperti mil-liġi? Fuq liema kriterju twaħħlu, ġaladarba inkwilini ġo appartamenti għandhom bi proprjeta' nofs it-trejqa? Jekk dawn il-bollards mhux koperti minn xi permess, u diġa kienu tneħħew mill-kunsill u mill-pulizija, għalfejn reġgħu ġew imwaħħlin u dan għad-disturb tal-paċi tar-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-trejqa Dun Gennaro Camilleri f'tas-Sliema hija sqaq li ma jinfidx u m'hijiex proprjeta' tal-Gvern.
Leg 10 PQ #24924 Sitting 513 2007-04-16 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Sliema — Slielem max-Xatt

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani d-data meta se jkunu f'posthom is-slielem li jkunu max-xatt kollu f'Tas-Sliema? Jekk dawn se jkunu b'rung ieħor biex jiffaċilitaw it-tlugħ u l-inżul tan-nies, kemm se jitwaħħlu? Min hu responsabbli fi ħdan il-Malta Tourism Authority għal dawn is-slielem, u kemm hemm nies jaħdmu f'kull grad f'din it-taqsima?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Għandi pjaċir ninforma lill-Onor interpellant illi numru konsiderevoli tas-slielem max-xatt f'Tas-Sliema diġa twaħħlu f'posthom u illi l-kumplament tax-xogħol ser jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin. Dan ix-xogħol beda għal nofs Marzu u qed isir min żewġ ħaddiema fil-grad ta' General Hand fi ħdan id-Dipartiment tat-Turiżmu. Dawn is-slielem twaħħlu b'tali mod illi l-pubbliku jkollu aċċess għall-baħar iktar komdu. Ta' min jinnota li Ta' Sliema huwa wieħed mill-postijiet fejn l-aktar hemm slielem u railings imwaħħlin, kif ukoll li ser jitwaħħlu sellum u railing ġodda fejn kien hemm ix-Chalait . F'dan ir-rigward nirreferi lill-Onor interpellant għall-istqarrija għall-istampa li l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura diġa kien ħareġ fuq dan is-suġġett fit-2 ta' April 2007.

Wied il-Għajn — Il-Magħluq - Xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23772 fejn intqal li l-ħaddiema tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kienu qed jevalwaw ix-xogħlijiet li hemm bżonn fil-Magħluq (Marsaskala), jista' l-Ministru ġentilment jgħid fejn waslet din l-evalwazzjoniu u meta se jsir ix-xogħol ta' manutenzjoni biex jirranġaw is-sistema ta' l-ilma, eċċ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li peress li s-sit tal-Magħluq huwa sit ta’ importanza ekoloġika, din l-evalwazzjoni trid issir fid-dawl ta’ l-istħarriġ li hemm bżonn isir għall-proposta ta’ family park li kienet sottomessa mill-WasteServ Malta Ltd għas-sit fejn il-lum hemm miżbla qadima, jiġifieri bejn l-impjant ta’ Sant’ Antnin u r-Razzett tal-Ħbiberija. L-iżvilupp li sar f’din iż-żona fil-passat seta’ impatta l-Magħluq u għalhekk hemm bżonn ta’ pjan ħolistiku dwar dan. It-tender għal dan l-istudju hija ppubblikata.

Wied il-Għajn — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol fil-bypass ta' Wied il-Għajn biex it-triq tiġi rranġata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Hu maħsub li t-tender għax-xogħol fil-bypass ta' Wied il-Għajn tkun pubblikata fil-ġimgħat li ġejin.

Sptar l-ġdid — Ħajt tas-sejjieħ mwaqqa'

Question

Jista' l-Prim Ministra jara għalfejn twaqqa' ħajt tas-sejjieħ f'proprjeta' privata, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minn Skanska fl-Isptar l-ġdid u jista' jara li dan jerġa' jinbena kif kien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi madwar seba’ metri ta’ ħajt tas-sejjieħ fil-lok imsemmi aċċidentalment twaqqa’ meta kien qed isir xogħol ta’ landscaping minn Skanska fl-iSptar Mater Dei. Din il-parti li twaqqgħet ser terġa’ tinbena kif kienet.

Unjoni Ewropea — Boroz ta' studji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx boroż ta' studju tal-Gvern Malti li studenti Maltin jistgħu japplikaw għalihom sabiex jagħmlu Masters fl-Inġinerija ġewwa Universita' fl-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti Maltin li huma eliġibbli biex japplikaw għal Malta Government Scholarship Scheme, jistgħu jagħżlu liema suġġett jixtiequ jistudjaw inkluż l-Inġinerija f'kull Universita' rikonoxxuta.

Msida — Triq il-Ġostra

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitkompla t-tarmac fi Triq il-Ġostra, Swatar, Msida? Jaf li sal-lum it-tarmac ingħata biss sa nofs it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Produzzjoni ta' ilma riċiklat għall-biedja

Question

Matul l-2000, jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet il-kwantita' tal-produzzjoni ta' l-ilma riċiklat għall-biedja lokali mill-impjanti li hawn f'pajjiżna għal dan ir-rigward? Kemm minn dan l-ilma tqassam lill-bdiewa u f'liema perijodu u x'livelli ta' salinita' eċċ. kienu stabbiliti fil-kwalita' ta' l-ilma? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li għamlu użu minn dan l-ilma? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li ilmentaw fuq il-kwalita' ta' l-ilma f'kull perijodu separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 24282.

Riżorsi u Infrastruttura — Żvilupp ta' ġonna

Question

Jista' l-Minsitru jagħti ċifra globali ta' kemm intnefqu flus mill-ministeru għall-iżvilupp ta' ġonna, soft area, eċċ. matul l-2004, l-2005 u l-2006 separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tingabar u ser tinghata f'xi seduta ohra.

Settur tal-biedja

Question

Jista' l-Ministru jinformani jekk għandux pjan ta' kontinġenza f'każ li nixfa fis-settur ral-biedja teskala minħabba l-bidla li qed iġġib magħha l-klima?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-esiġenzi dwar il-pjanijiet minħabba l-bdil li qed iġġib magħha l-klima għadhom qed ikunu mfassla mill-Unjoni Ewropea. Hekk kif ikun determinat x’miżuri jkun hemm bżonn, jittieħdu l-passi neċessarji, kif fil-fatt qiegħed isir kemm dwar programmi mill-Unjoni Ewropea li jħaddnu miżuri b'elementi ta' titjib ta’ l-ambjent kif ukoll skond l-obbligi ta' protokol li l-pajjiż ikollu. Barra minhekk, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern fassal proġett sabiex, b’ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali, filwaqt li tiġi ndirizzata l-problema ta’ l-għargħar taż-żona Birkirkara, Msida, Ħal Lija u l-akkwati, kemm jista’ jkun jiġi miġbur u maħżun l-ilma tax-xita bil-għan li dan ikun jista’ jintuża għal skopijiet agrikoli.

Mdina Ditch — Embellishment

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir embellishment ta' l-Imdina ditch u cioe' tat-tennis court, il-five-a-side court u l-ġnien ta' l-inħawi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-embellishment ta’ l-Imdina ditch jiġifieri t-tennis court u l-five-a-side court diga' huma inklużi fi programm ta' xogħlijiet għall-futur.

Ġnien Howard

Question

Jsita' l-Ministru jgħid meta se jitkompla l-iżvilupp ta' Ġnien Howard u cioe' il-parti li tinsab quddiem l-uffiċċju tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Sistema idroloġika

Question

Matul din is-sena kemm hu stmat li Malta se tirċievi fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex tirriabilita s-sistema idroloġika tal-gżejjer tagħna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Dipartimenti tal-gvern — Vjaġġar mill-ministri u uffiċjali

Question

Peress li l-awditur ġenerali kien imqabbad minnek biex jagħmel investigazzjoni dwar vjaġġar mill-ministri u uffiċjali f'dipartimenti tal-gvern u mill-general governmentli jidher li hija lesta, tista' jekk jogħġbok titlob li din l-investigazzjoni titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali jaqa’ taħt ir-responsabbilità diretta tal-Parlament, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Forzi Armati ta' Malta — Ingaġġ ta' suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa ta' ingaġġ ta' suldati? Kemm għaddew mill-physical test? Kemm qagħdu għall-eżami bil-miktub? Kemm hemm ħsieb li jiġu ngaġġati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li għall-aħħar sejħa ta’ ngaġġ applikaw 308. Applikaw 277 biex jiġu ngaġġati bħala suldati regolari u 31 biex jiġu ngaġġati bħala bandisti jew nies tas-sengħa. Mill-eżami fiżiku għaddew 198. Għall-eżami ta’ l-ewwel bil-miktub qagħdu 129 filwaqt li 34 oħra kienu eżentati minħabba li kellhom kwalifiki fil-livell Ordinarju. Dawk li applikaw biex jiġu ngaġġati bħala bandisti/nies tas-sengħa kienu eżentati wkoll milli joqogħdu għall-eżami bil-miktub minħabba li kellhom iċ-ċertifikati mitluba u kif kien stipulat fis-sejħa għall-applikazzjonijiet. Hemm il-ħsieb li jiġu ngaġġati madwar 100 suldat ieħor ġdid.

Servizz bl-ajru

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24131 dwar servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex jista' l-Prim Ministru jgħid jekk setgħetx tiġi emendata l-liġi tal-VAT biex l-imsemmi servizz jkun eżentat mill-ħlas tal-VAT? Jekk setgħet tinbidel il-liġi, għaliex ma nbidlitx? Jekk ma setgħetx tinbidel il-liġi, għaliex ma setgħetx tinbidel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Liġi tal-VAT Maltija hija bbażata fuq id-Direttiva dwar il-VAT ta’ l-Unjoni Ewropea u għaldaqstant ma tistax tiġi emendata jekk ma tinkisibx deroga speċjali għal dan il-għan mill-Kunsill Ewropew. Ma teżisti ebda deroga li biha l-Gvern Malti jista’ jeżenta dan is-servizz li huwa taxxabbli skond partita 11 ta’ l-Ewwel Taqsima tal-Ħames Skeda dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud li tirrifletti l-Artikolu 387 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2006/112/KE.
Leg 10 PQ #24469 Sitting 512 2007-03-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Host Families — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' host families li bħalissa huma liċenzjati biex jospitaw barranin f'darhom? Kemm trid titħallas bħala liċenzja? Jista' jgħid ukoll kemm minn Settembru 2006 sa Frar 2007 sar spezzjonijiet fi djar hekk liċenzjati? Kemm instabu li kissru l-liċenzja? X'passi ttieħdu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi sal-15 ta' Marzu 2007, 421 familja talbu u ngħataw liċenzja ta' host family sabiex jospitaw barranin f'darhom. Il-liċenzja għal dawk il-host families li jakkomodaw sa żewġ barranin f'daqqa hija ta' Lm20 fis-sena, filwaqt li għal dawk li jakkomodaw sa erba' barranin f'daqqa il-liċenzja hija ta' Lm40 fis-sena. Għal dawk f'Għawdex, minn din is-sena hemm tnaqqis ta' 25% fuq dawn ir-rati. Mit-18 ta' Settembru 2006 sa l-aħħar ta' Frar 2007, saru tmien spezzjonijiet fid-djar hekk illiċenzjati. Fl-ebda każ minnhom ma ġie osservat ksur ta' liċenzja.
Leg 10 PQ #24485 Sitting 512 2007-03-28 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turiżmu — Statistika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-istatistika dwar it-turiżmu għan-numru ta' bed nights u infiq fis-settur, l-Maltin li jqattgħu weekend breaks fil-lukandi jkunux inklużi fl-ammonti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-istatistika maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika (NSO) tirreferi biss għal turiżmu internazzjonali u għaldaqstant ma tinkludix ċifri ta' turiżmu domestiku.