Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tribunal għall-Kompetizzjoni Ġusta

Question

Jaf il-Ministru li għad li hemm iċ-Chairman tat-Tribunal għall-Kompetizzjoni Ġusta maħtur u li huwa l-Maġistrat Silvio Meli, ż-żewġ membri l-oħra għadhom m'humiex maħtura u għalhekk l-istess tribunal ma jistax jiffunzjona? X'miżuri beħsiebu jieħu l-Ministru f'dan is-sens?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fit-3 t'April 2007 ġiet maħtura il-Kummisjoni dwar il-Kummerċ Ġust. Din hija komposta minn Dott. Silvio Meli bħala Chairman u il-Prof. Lino P. Brigulio u is-Sur Carmel Farrugia bħala membri. Il-ħatra tal-memebri hija għall tlett snin b'seħħ mit-2 ta' Frar 2007.

Kaċċa u nsib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24612 u jgħid kemm-il darba, minn mindu Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea, il-gvern Malti talab deroga fir-rigward tal-kaċċa u insib fir-rebbiegħa u jekk intalbet deroga, f'liema snin intalbet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Malta, bħala Stat Membru għandha d-dritt li tapplika d-deroga mogħtija taħt l-Artiklu 9 tad-Direttiva ta' l-Għasafar u m'hemmx għaliex issir talba minn qabel għal din id-deroga. Dan kif joħroġ mil-linji ta’ gwida “Guidance document on hunting under Council Directive 79/409/EEC on the Conservation of Wild Birds” f’paragrafu 3.1.1. fejn jintqal li “Member States do not need to consult the Commission before applying derogations but are obliged to report all derogations to the European Commission in annual derogation reports.” Minn meta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea Malta applikat erba' derogi għall-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa. Dawn ġew applikati darba kull rebbiegħa bejn l-2004 u l-2007.

Kaċċa u Nsib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 24619 u jikkonferma jekk hux minnu dak li qal il-kummissarju għall-ambjent ta' l-Unjoni Ewropea Stavros Dimas li mhux veru li tul in-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea l-gvern Malti nnegozja xi deroga għall-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-deroga taħt id-Direttiva ta’ l-Għasafar tista’ tiġi applikata minn kull Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea skond parametri stabbiliti mill-istess Direttiva. Fil-każ ta’ Malta il-po¿izzjoni tal-Gvern Malti fin-negozjati kienet imfissra permezz ta’ dak li hemm iswed fuq l-abjad fid-dokument tal-Pożizzjoni Komuni ma’ l-Unjoni Ewropea. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ l-ittra mibgħuta nhar it-23 ta’ Marzu 2007 lill-President tal-Kummissjoni mill-Onorevoli Ministru għall-Affarijiet Barranin. Nikkwota Paragrafu 3.1.1 tal-Linji Gwida: “Derogations are ‘exceptions’ which allow for some flexibility in the application of a law. A limited number of activities normally prohibited under the Birds Directive (Articles 5-8) are permissible by way of such derogations, where particular problems or situations exist or may arise. The possibilities for use of these derogations are constrained. They must be justified in relation to the overall objectives of the Directive and comply with the specific conditions for derogations described in Article 9. Member States do not need to consult the Commission before applying derogations but are obliged to report all derogations to the European Commission in annual derogation reports.” Dwar l-insib fuq is-seba’ speċi ta’ l-għana, il-Gvern Malti nnegozja perjodu ta’ deroga kif joħroġ mit-Trattat ta’ Adeżjoni.

Kaċċa u Nsib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24614 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim dwar il-kaċċa u l-insib li kien għamel ma' l-Unjoni Ewropea fit-trattat tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokument li huwa qiegħed jitlob diġà huwa pubbliku bħad-dokumenti l-oħrajn kollha relatati man-negozjati.

Kaċċa u Nsib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24617 u jgħid x'inhi r-raġuni li twaqqaf l-insib għall-għasafar ta' l-għana (finches) fir-rebbiegħa meta l-gvern Malti ilu ħafna jgħid u anke ntbagħat materjal governattiv lin-nassaba Maltin, li bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kien assigurahom li t-tradizzjoni ta' l-insib fir-rebbiegħa kienet se tibqa'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-interpretazzjoni min-naħa Maltija tal-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea rigward l-insib fuq is-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana minn dejjem kienet li l-insib f’Marzu kellu x’jaqsam ma’ l-insib ta’ għasafar li jqattgħu x-xitwa fil-Mediterran. Il-kwistjoni dwar l-insib fir-rebbiegħa fuq għasafar ta' l-għana qamet wara żjara li kienet għamlet f'Malta delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Wara dik iż-żjara kien spjegat li Malta kienet qed tinterpreta ħażin il-proviżżjonijiet tat-Trattat t'Adeżjoni dwar l-insib għall-għasafar tal-għana li jgħid “Il-miżuri li jittieħdu matul il-miżura transitorja għandhom jaqblu fl-intier tagħhom mal-prinċipji li jirregolaw iż-żminijiet tal-kaċċa ta’ l-ispeċi ta’ għasafar tal-passa kif imniżżel fid-Direttiva 79/409/KEE.” Fid-dawl ta' dan kollu u fin-nuqqas ta' ġustifikazzjoni legali biex jaġixxi mod ieħor, il-Kumitat Ornis ma kellu ebda triq ħlief li jirrakkomanda li l-istaġun ma jiftaħx, liema rakkomandazzjoni ġiet aċċettata mill-Gvern. Irrid ngħid ukoll li l-Kumitat Ornis irrakkomanda wkoll li għandhom jintlaħqu l-miri stabbiliti fit-Trattat ta’ Adeżjoni, anke bis-sehem tan-nassaba. Fid-dawl ta' dan, intenni l-impenn tal-Gvern li jonora l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea u fl-istess waqt jiddefendi dak li kien innegozjat.

Pembroke — Self lill-kunsill lokali

Question

Is-sindku ta' Pembroke iddikjara li l-gvern dam seba' xhur biex japprova self lill-kunsill lokali ta' Pembroke għar-refurbishment, meta kunsilli oħrajn damu xahrejn biex l-istess talba tintlaqa'. Jekk dan huwa minnu, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-gvern dam daqshekk? Hemm xi raġuni partikolari?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta Kunsill Lokali jitlob biex jieħu self mill-Bank, hemm proċess li ikun irid isir. Dan jinvolvi li l-Kunsill ikun irid jibgħat għadd ta' dokumentazzjoni kif ukoll dettalji lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Dan huwa importanti biex id-Dipartiment, qabel ma jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu ikun jista' jagħmel evalwazzjoni serja ta' l-applikazzjoni u kif dan is-self propost ikun ser jimpatta fuq l-operat finanzjarju tal-Kunsill. Dan il-proċess jinkludi ukoll, konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi. Fil-każ tal-Kunsill Lokali Pembroke, għalkemm it-talba oriġinali kienet saret f'Settembru 2005, il-Kunsill ma kienx bagħat id-dokumentazzjoni u dettalji kollha fil-pront. Lanqas kien għadu deċiż dwar l-ammont ta' kemm ried jissellef mill-Bank. Fil-fatt il-Kunsill bidel tlett darbiet l-ammont li kien indika li xtaq jissellef. L-ewwel kien indika ammont ta' mhux aktar minn Lm25,000. Imbagħad kien tella' t-talba tiegħu għall-Lm35,000 u fl-aħħar kien talab li jissellef Lm45,000. Minn meta l-Kunsill bagħat id-dokumenti u dettalji finali f'Novembru 2006 sa meta ħarġet l-Ittra ta' Awtorizzazzjoni f'Marzu 2007, għaddew erba' xhur. Dan huwa tul ta' perijodu normali li proċess bħal dan jieħu.

Pembroke — Centru ta' distrubuzzjoni tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hux minnu li l-Enemalta se jkollha ċentru ta' distribuzzjoni f'Pembroke, fl-inħawi ta' l-isports club? Jekk huwa minnu, meta se jinfetaħ? Peress li ġie allegat minn xi nies li dan jista' jkun ta' ħsara għas-saħħa tar-residenti li jgħixu ħdejn ċentru bħal dan, jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux minnu? U jekk fin-negattiv, jista' jispjega u jassigura li m'hemmx ħsara għas-saħħa tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19603, l-Enemalta qed tippjana li tibni Ċentri tad-Distribuzzjoni f'Pembroke. Dan iċ-Ċentru diġa' għandu l-permessi meħtieġa mill-MEPA, u dan ser ikun viċin l-'sports club' imsemmija. Dan iċ-ċentru ta' Distribuzzjoni mistenni jibda jopera sa l-aħħar tas-sena 2009. L-Enemalta tikkonferma li l-allegazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija mill-Onor. Interpellant, m'humiex fondati. Fil-fatt, l-istudji kollha li saru kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, juru li m'hemm l-ebda periklu għas-saħħa tal-bniedem.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet huma ppjanati li se jiġu pprovduti sabiex persuni jkunu jistgħu jaqsmu b'mod safeil-bypassta' San Pawl il-Baħar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Trading licence

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-indirizz ta' l-aġenzija, li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separtament? Jista' l-Ministru jgħid jekk l-indirizz inbidilx matul dawn l-aħħar ħames snin għall-finijiet tal-ħlas tat-trading licence?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ebda nformazzjoni ma nstabet fis-sistema ta' l-Licensing Management Systemrigward Lazda Supermarket (Operatur Louis Brincat).

Pulizija — Rapporti ta' serq

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Jannar 2007? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Jannar 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Jannar ta’ l-2007, il-każi ta’ serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 38 każ ta’ serq li f’19 minnhom diġa’ nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti. Hold up1 Pick Pocketing77 Snatch & grab16 Serq minn dgħajjes6 Serq ta’ dgħajjes1 Serq ta’ karozzi35 Serq minn karozzi162 Serq minn residenzi47 Serq minn barijiet / lukandi22 Serq minn fabbriki4 Serq minn ħwienet32 Serq ieħor247

Pulizija — Rapporti ta' reati.

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew mwettqa reati matul Jannar 2007? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Jannar 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Jannar ta’ l-2007, ir-reati li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt illi matul l-istess xahar kien hemm 49 persuna misjuba ħatja ta’ reati kriminali. Against morals/honour - family1 Arson11 Attempted offences78 Bodily harm71 Damage205 Drugs9 Forgery2 Fraud5 Illegal Immigration8 Perjury / false swearing1 Prostitution2 Sexual offences6 Theft677 Threats and private violence3 Violation of places of confinement1 Violence against public officers6

Pulizija — Rapporti ta' serq.

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Frar 2007? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Frar 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Frar ta’ l-2007, il-każi ta’ serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 43 każ ta’ serq li f’16 minnhom diġa’ nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti. Hold up6 Pick Pocketing48 Snatch & grab13 Serq minn dgħajjes5 Serq ta’ dgħajjes2 Serq ta’ karozzi25 Serq minn karozzi146 Serq minn residenzi38 Serq minn barijiet / lukandi13 Serq minn fabbriki2 Serq minn ħwienet28 Serq ieħor297

Pulizija — Rapporti ta' reati.

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Frar 2007? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Frar 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Frar ta’ l-2007, ir-reati li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt illi matul l-istess xahar kien hemm 80 persuna misjuba ħatja ta’ reati kriminali. Against morals/honour - family2 Arson8 Attempted offences62 Bodily harm72 Computer misuse1 Damage214 Drugs15 Forgery4 Fraud8 Illegal Immigration4 Prostitution4 Sexual offences2 Theft623 Threats and private violence6 Violence against public officers7

Pulizija — Rapporti ta' serq.

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Marzu 2007? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Marzu 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Marzu ta’ l-2007, il-każi ta’ serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 34 każ ta’ serq li f’25 minnhom diġa’ nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti. Hold up4 Pick Pocketing27 Snatch & grab14 Serq minn dgħajjes5 Serq ta’ dgħajjes1 Serq ta’ karozzi28 Serq minn karozzi149 Serq minn residenzi49 Serq minn barijiet / lukandi32 Serq minn xtajtiet2 Serq minn fabbriki6 Serq minn ħwienet19 Serq ieħor249

Hal Qormi — Taraġ f'Cannon Road

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24378 u 24653 dwar talba biex jiġi rranġat it-taraġ li hemm jagħti minn Cannon Road għal St Venera minn fuq il-bypass, jista' l-Ministru jgħid xi progress sar sal-lum? Jista' jgħid meta se jkun lest ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li x-xogħol se jkun qed isir fi żmien qasir.

Siggiewi — Triq Ġdida fi Triq it-Tank - Culvert

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 19810, 20708, 23713, 23576 u 24654 jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol fuq il-bini ta' culvert fi Triq Ġdida fi Triq it-Tank, Siġġiewi beda u waqaf ħesrem? Jista' jagħmel kull mezz biex dan ix-xogħol jitkompla minnufih? Jista' jgħid meta x-xogħol huwa mistenni li jerġa' jibda? Jista' jagħti data ta' meta dan ix-xogħol għandu jkun komplut?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq l-imsemmi culvert filfatt qed jitkompla. Il-kuntrattur kien waqaf minħabba li ma kellux il-pajpijiet li kellu bżonn. Ix-xogħol mistenni li jitlesta fil-ġranet li ġejjin.

Kummissjoni Ewropea — Infringements relatati mal-kaċċa

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra uffiċjali li ntbagħtet mill-Kummissjoni Ewropea lill-Gvern Malti dwar l-infringements relatati mal-kaċċa fir-Rebbiegħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-istqarrija pubblika li għamlet il-Kummissjoni Ewropea.

Unjoni Ewropea — Breeding Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-Breeding Programme marbut mas-seba' speċi ta' għasafar ta' l-għana kif suppost li ntrabat li jagħmel il-Gvern Malti bħala parti mill-ftehim tat-trattat ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-breeding programme li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għalih qed ikun attwat.

Taxi driver — Liċenzja sospiża

Question

Jista' l-Ministru jara kif taxi driver liċenzjat, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għadu bil-liċenzja sospiża għal iktar minn sitt xhur u dan wara li l-proċeduri ma ntemmewx fil-konfront tiegħu mhux minħabba nuqqas fil-konfront tiegħu? Jista' jara li dan huwa dewmien irraġonevoli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-tag ta’ dan it-taxi driver ġiet sospiża sakemm tittieħed deċiżjoni finali mill-Qorti fejn qed jinstema l-każ abażi tar-Regolament 131(6) ta’ l-MVR Liġi Sussidjarja 65.11. Fir-rigward tad-dewmien sabiex jinstama l-każ, jien infurmat li dan ma jaqax taħt il-kompetenza ta’ l-Awtorita' tat-Trasport ta’ Malta.

Servizz ta' l-ilma sospiż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jingħata s-servizz ta' l-ilma li hu sospiż lil persuna mir-Rabat, li ismu qed jintbagħat separatament? Jarax li umanament hija inġusta li din il-familja ilha mingħajr dan is-servizz għal ħames snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.