Legislature:
Category:
Reset
Active:

Safar

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23184 u jgħid jekk żdidietx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għat-tali spiża? Jista' jgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi kien hemm żieda ta' Lm 74,879.02 fin-nefqa fuq is-safar tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu. Ir-raġuni għal din iż-żieda kienet li l-Awtorita' tat-Turiżmu għalqet l-uffiċini tagħha barra minn Malta u għaldaqstant l-uffiċjali ibbażati f'Malta kellhom jagħmlu s-safar meħtieġ. Dan l-eżerċizzju issarraf fi tnaqqis ta' Lm 500,000 mill-ispejjeż ta' l-Awtorita'. L-approvazzjoni tal-budget ta' l-Awtorita' sar mill-Parlament, u s-safar kien inkluż. L-approvazzjoni tas-safar matul l-2006 tal-Ministeru u l-entitajiet saret kif ġej: Ministeru - Segretarju Permanenti Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta - Executive Chairman (Jannar sa Awissu) - CEO (Settembru sa Diċembru) Heritage Malta - CEO (Jannar sa Settembru) - Chairman (Ottubru sa Diċembru) Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali - Acting Superintendent Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti - Kap Eżekuttiv Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita' ta' San Ġakbu - Chairman/General Manager Orkestra Nazzjonali - Chairman Teatru Manoel - Chairman Dar il-Mediterran għall-Konferenzi - Chairman u l-Bord

Membri ta' l-armata.

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid b'liema kriterji ġew magħżula membri fil-FAM biex jattendu għal evening classes tal-ACE I u II? Jista' jgħid għaliex intgħażlu nies li matul din is-sena stess se jirtiraw mill-FAM għax għalqu l-eta' ta' 55 sena u għaldaqstant qegħdin jieħdu post oħrajn li fadlilhom numru twil ta' snin ta' servizz? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li ma jistax jattendi kull min applika u jaħsibx li lil min mhux se jħalluh jattendi se jkun zvantaġġjat għall-promozzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li n-nomini ta’ dawk il-membri li ser jirtiraw mis-Servizz dalwaqt, u li bi svista ġew innominati biex jattendu l-lezzjonijiet tal-ACE I u II ta’ din is-sena, ġew irtirati, u minn flokhom iddaħħlu oħrajn li kienu fuq il-lista u li għad fadlilhom numru twil ta’ snin ta’ servizz xi jservu.

Forzi Armata — 25 sena servizz

Question

Peress li jirriżulta li hemm xi numru sostanzjali ta' suldati li mhux si jilħqu jagħlqu l-25 sena servizz, meta tidħol fis-seħħ il-klawsola ta' l-irtirar tal-55 sena, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li jippermetti li dawn is-suldati jibqgħu jservu sakemm jagħlqu l-25 sena servizz jew inkella sal-61 sena biex b'hekk ikunu jistgħu jgawdu l-pensjoni sħiħa tas-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Mosta — Triq in-Naggar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li Triq in-Naġġar fil-Mosta tinkesa bit-tarmak?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-Direttorat ipprepara program ta’ toroq li jridu jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw. It-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant mhux inkluża f’dan il-programm.

Kunsill Lokali tal-Pieta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji u jgħid x'ġara mill-investigazzjoni li kienet qed issir rigward il-kunsill lokali ta' Tal-Pieta' dwar allegat serq ta' dawl?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-każ ta' extension tad-dawl li kienet imqabbda ma' wall socket fil-bini tal-Kunsill Lokali tal-Pieta', ninsab infurmat illi għalkemm prima facie ma jidhirx li kien qed isir serq ta' kurrent elettriku, stante li l-konsum kien qed ikun reġistrat, il-Pulizija għadha qed tinvestiga.

Benefiċċji soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna l-appell mill-arbitru peress li ilha ma tirċievi xi forma ta' dħul finanzjarju mill-aħħar ta' Diċembru 2006, minbarra li din hija marida b'depression? Jista' jitmexxa dan il-każ uman għall-aħħar u l-persuna tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Pensjoni ta' barra

Question

Tista' l-Ministru tara li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi megħjuna biex tara jekk hix intitolata għall-pensjoni ta' l-Ingilterra? Tista' tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Servizz ta' dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li joqgħod f'post li m'għandux dawl u ilma, għalkemm dan appella kemm-il darba baqgħu qatt ma tawh? Possibbli li dan il-każ jiġi nvestigat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kemm il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma kif ukoll il-Korporazzjoni Enemalta m'għandhom l-ebda applikazzjoni għal servizz ġdid ta ilma jew elettriku mill-persuna indikata mill-Onor Interpellant.

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi nvestigat kont tad-dawl u l-ilma ta' kamra peress li dan dejjem ħallas inqas minn Lm25 u issa l-kont ġih Lm392? Tista' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi? In-numru tal-kont qed jintbagħat separatament.

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-każ ġie nvestigat.

Benefiċċji soċjali

Question

Tista' l-Ministru tikkonsidra l-każ ta' single mother li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, bi tlett itfal li kellha ddaħħalhom f'home għax kulma għandha dħul hu Lm19 fil-ġimgħa? Tista' tinvestiga dwar dan il-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mill-ammont ta' Għajnuna Soċjali dovut lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed jitnaqqas ħlas żejjed li ħadet f'din l-Għajnuna u fiċ-Children's Allowances għax ma nfurmatx lid-Dipartiment li t-tfal ma kienux jgħixu magħha. Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Benefiċċju tal-mard

Question

Tista' l-Ministru tara għaliex persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qatgħulha l-benefiċċju tal-mard meta kulma għandu huwa Lm153? Tista' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-benefiċċju tal-mard lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant twaqqaf meta din bdiet titħallas pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjlai b'rata ogħla minn dak il-benefiċċju. Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

SmartCity — Infrastruttura ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'infrastruttura ġdida fl-oqsma tad-dawl, fibre optics, drenaġġ u ilma hemm bżonn għal SmartCity? Kemm se jintnefaq f'kull qasam għal din l-infrastruttura u min se joħroġ din is-somma ta' flus?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qiegħed jitlob ma’ tistgħax tingħata f’dan l-istadju minħabba li għad fadal numru ta’ studji tekniċi x’jitlestew min-naħa ta’ l-izviluppaturi.
Leg 10 PQ #24767 Sitting 513 2007-04-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Każ dwar ittra.

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi tweġibiet ta għall-mistoqsijiet imqajma fl-ittra tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi kien hemm konverżazzjoni permezz tat-telefon bejn is-Segretarjat tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-persuna li bagħtet l-ittra li għalija qed jirreferi l-Onor interpellant. Ninsab ukoll infurmat illi l-persuna ikkonċernata tkelmet ma' l-uffiċjal fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li huwa responsabbli mill-qasam speċifiku imsemmi fl-ittra. Barra minn hekk, ittieħdu ukoll il-passi meħtiega sabiex il-kwistjoni imqajma fl-ittra tiġi riżolta fl-iqsar żmien possibli u mill-informazzjoni li għandi l-ewwel fażi tax-xogħol in kwistjoni tlestiet.

Birkirkara — Ħsara fi Triq il-Ven. Nazju Falzon

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex il-kummissarju ta' l-artijiet m'huwiex qed jikkopera ma' l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika ħalli tissewwa ħsara fid-drenaġġ fi Triq il-Ven. Nazju Falzon, f'Birkirkara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-6 ta' Frar 2007, id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta' talab lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar sabiex jagħmel it-tiswijiet meħtieġa. Fit-23 ta' Marzu 2007 id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta' rega' fakkar lid-Dipartiment ikkonċernat sabiex jagħmel ix-xogħlijiet.
Leg 10 PQ #24771 Sitting 513 2007-04-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Self catering accomodation

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-settur ta' l-akkomodazzjoni self-catering tħalla barra mill-portal il-ġdid li nidiet l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'Diċembru li għadda? Meta se jiddaħħal dan is-settur biex ma jibqax jitlef negozju kif qed jiġrilu mindu tħalla barra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-ewwel fażi tat-tagħrif fuq stabbilimenti self-catering fil-portal ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu issa tlestiet. Il-portal issa jinkludi lista ta' l-istabilimenti self-catering liċenzjati. Il-lista tinkludi dettalji bħan-numru tat-telefon, e mail u fax. Aktar 'il quddiem, dawn ukoll se jidaħħlu fis-sistema ta' online booking tal-portal, simili għall-dik tal-lukandi.

Mellieħa — Crash barrier

Question

B'riferenza għal tweġiba għal mistoqsija parlamentari 24093, jista' l-Ministru jgħid għaliex se titħalla fetħa fil-crash barrier meta x-xagħri msemmi huwa proprjeta' privata tal-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u meta jitqies li mill-fetħa jidħlu persuni fil-proprjeta' privata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 24093. Minħabba l-fatt illi din hija propjeta privata irid jitħalla aċċess għal ġo din il-propjeta.

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ilment li tqajjem mill-ġenituri li uliedhom jattendu fi skola li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament f'ittra datata 12 ta' Marzu li kopja tagħha ntbagħtet ukoll lilu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan il-każ qed jiġi trattat mill-iSchool Psychology Services billi ġie maħdum programm għall-modifikazzjoni fl-imġieba. Maż-żmien hu maħsub li jkun hemm integrazzjoni gradwali lura lejn il-klassi.

Ċimiterju ta' l-Addolorata

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi pjan biex iċ-ċimiterju ta' l-Addolorata jiġi riabilitat u restawrat u mantnut sew fejn hemm bżonn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-sitwazzjoni ta' riabilitazzjoni u restawr taċ-ċimiterju ta' l-Addolorata għadha qed tiġi studjata peress li titlob proġett ta' xogħolijiet fit-tul u ta' finanzjament qawwi.

Membri ta' l-armata — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' dawk il-membri ta' l-armata li ħassew li kellhom jingħataw promozzjoni u fil-fatt ma ngħatatilhomx u għalhekk issottomettew ilmenti permezz tal-proċedura interna ta' l-armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li minħabba l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data mhux possibbli tingħata l-lista mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Malta University Services — Bord

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24306 u jgħid minn min hu magħmul il-bord li jmexxi l-Malta University Services? Jista' jgħid ukoll jekk dawn jitħallsux jew għandhomx xi allowances? Jekk iva, x'inhuma?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirriferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 24666.