Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #24649 Sitting 513 2007-04-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Ikliet/hospitality

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23311 u jgħid: matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali ta' l-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa globali ta' l-ikliet / hospitality tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteru u l-enti kollha li jaqgħu taħti matul l-2006 kienet kif ġej: Head Office u FME: Working Lunches / Dinners Lm 17,429.50 Receptions marbutin ma' Lm 5,377.75 avvenimenti / laqgħat Ambaxxati: Lm 34,367.08 ___________________________________________________________________ Total Lm 57,174.33 ____________________________________________________________________

Affarijiet Rurali u Ambjent — Ikliet/hospitality

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23358 u jgħid: matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-ikliet/hospitalityfil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali għal ikliet/hospitality mill-ministeru u d-dipartimenti tiegħu kienet ta’ Lm 5,714.53 filwaqt li WasteServ (Malta) Ltd nefqet Lm425.16. L-ammont minfuq mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dan l-iskop huwa pubbliku u inkluż fir-rapport annwali tagħha.

Każ ta' housing

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-każ ta' housing fejn il-ħames membri tal-familja li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, qed jgħixu f'appartament two-bedroomed b'tifel ta' 17-il sena jorqod fil-kamra ta' l-ikel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

San Ġwann — Triq Furrajna

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24375 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika jekk Triq Furrajna, San Gwann hix triq privata jew waħda pubblika għaliex bħalissa hemm katina li qed iċċaħħad l-aċċess għaliha u dan wkoll minħabba l-istat ta' telqa u ħmieġ li tinsab fiha din it-trejqa? Jekk ovvjament hija triq pubblika, wieħed għandu jirreferi dan il-każ lill-kunsill lokali għal azzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-indafa pubblika.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ġiet iffurmata mill-privat wara żvilupp fuq art li mhix tal-Gvern.

Safar

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24555 u cioe': B'referenza għall-mistqosijiet parlamentari 23675 u 23177 jista' iwieġeb fil-każ tal-ministeru, dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-safar sar skond il-ħtiġijiet u l-obbligi ta' l-istess Ministeru u entitajiet. Is-safar kollu ġie approvat skond il-proċeduri stabbiliti. Barra minn hekk, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Raħal Ġdid — Tiswija ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jara li t-triq li hemm fejn il-ground tal-football tal-Hibs u li tibqa' sejra fejn il-hockey groundtingħata ftit tal-manutenzjoni peress li hija fi stat ħażin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq la hija triq distributorja u lanqas triq arterjali u b’hekk ma taqax taħt ir-responsabilita’ ta’ l-ADT.

Assistent Kummissarju, Supretendent, Spettur — Vakanzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' vakanzi li hemm bħalissa fir-rank ta' assistent kummissarju, supretendenti u spetturi? Meta se jimtlew dawn il-vakanzi? Jista' jgħid ukoll jekk f'wieħed minn dawn ir-ranks hemmx xi talbiet biex jiġi estiż is-servizz wara li l-uffiċjal konċernat ikun għalaq is-60 jew il-61 sena? Kemm minn dawn l-uffiċjali jgħalqu s-60 sena matul din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent ma hemm ebda vakanza fir-rank ta' Assistent Kummissarju fil-Korp tal-Pulizija, filwaqt li hemm vakanzi ta' żewġ Supretendenti u ħmistax-il Spettur. Infurmat ukoll illi nhar il-Ġimgħa, 13 ta' April, għalqu l-applikazzjonijiet għall-postijiet ta' Spettur. Infurmat ukoll illi matul din is-sena hemm Assistent Kummissarju li ser jagħlaq il-61 sena u Supretendent li ser jagħlaq is-60 sena. Dawn it-tnejn talbu estensjoni biex ikomplu bis-servizz, liema talba ġiet milqugħa.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Baħrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitkompla u jitlesta x-xogħol fi Triq il-Baħrija, Ħaż-Żabbar? Jistgħu jsiru rampi temporanji biex il-vetturi li għandhom garaxx f'din it-triq ikunu jistgħu jinħarġu u jiddaħħlu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li x-xogħol f’din it-triq nbeda fil-ġranet li għaddew. Fil-ġranet li ġejjin il-kuntrattur ser jibda x-xogħlijiet fuq il-bankini biex it-triq tkun lesta biex jingħata l- asphalt .

Proġett tal-lift tal-Barrakka ta' Fuq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnu l-proġett tal-lift tal-Barrakka ta' Fuq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-Barrakka ta' fuq qiegħed fi stadju fejn t-tenders qed jiġu evalwati. Dan il-proċess mistenni li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Bormla — Care and repair

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tal-persuna Bormliża li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li applikat għall-inizjattiva care and repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet talba għall-għajnuna taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair, dwar l-inkwilini fl-indirizz indikat mill-Onor. Interpellant permezz tal-community worker ta' l-Aġenzija Appoġġ. Ninsab infurmata wkoll li l-każ ġie riferut għal spezzjoni mill-occupational therapist iżda l-ispezzjoni ma setgħetx issir għax, għalkemm l-occupational therapist ippruvat tikkuntatja lill-inkwilini diversi drabi, qatt ma kellha tweġiba. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-inkwilini biex jagħmlu kuntatt huma mat-Taqsima tal-Customer Care ta' l-Awtorita' tad-Djar.

Housing — Politika

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar minnha l-politika għall-Housing li kienet proposta minnha stess fil-passat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika l-Mistoqsija tiegħu billi jispeċifika għall-liema politika tal-housing qed jirreferi.

Żejtun — Nies li qed jinġabru qrib l-uffiċċju tal-posta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi bis-serjeta' mill-pulizija sabiex ċorma nies li qed jinġabru b'mod regolari quddiem l-uffiċċju tal-posta fi Triq id-Duluri fiż-Żejtun speċjalment meta jaslu ċ-ċekkijiet tas-sigurta' soċjali u dan qed jagħmluh sa minn kmieni filgħodu b'detriment u b'fastidju kbir għar-residenti kollha, ma tibqax issir anke minħabba kliem oxxen u fastidju li qed jingħata lil bosta persuni, kif ukoll għas-sigurta' ta' l-istess ħaddiema tal-posta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm dan l-inkonvenjent.

Kap ta' skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga lmenti li rċevejt dwar il-kap ta' l-iskola primarja ta' lokalita', li d-dettalji dwarha qed jintbagħat separatament, dwar l-atteġġjament tagħha ma' ċerti ġenituri li skond huma din l-istess kap qed tkun arroganti magħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Investigajt u jirrizulta li mhi xejn kwestjoni ta' arroganza. Informat li din il-ġenitur riedet tgħaddi minn bieb u mhux minn ieħor biex l-attivita' tkun tista' timxi bl-ordni l-ġenituri kollha kienu nfurmati permezz ta' nota minn fejn kellhom jidħlu t-tfal.

Bormla — Triq Matty Grima - Ipparkjar ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ordni kif jipparkjaw il-karozzi fi Triq Matty Grima, Bormla? Dan minħabba li l-mod diżordinat kif qed ikunu pparkjati ċerti karozzi qed jostakola l-ħajja tar-residenti nnifishom u Allaħares ikun hemm xi ħtieġa serja, bħal bżonn ta' ambulanza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li tabilħaqq hemm problema ta' aċċess għal vetturi, speċjalment dawk akbar minn karozza, li ġejjin min naħa ta' fuq ta' Triq Matty Grima. It-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku jirrakomanda li :- - Ikun estiż id-double yellow line fi Triq Matty Grima minn k/m Triq San Ġorġ sa k/m Triq Santa Margerita sabiex ikun hemm aċċess sewwa għall-vetturi - Jiġi mplimentat single yellow line fi Triq Matty Grima minn k/m Triq San Ġorġ sa ġol-cul-de-sac sabiex ikun possibli li vettura ddawwar u terġa toħroġ bil-quddiem. It-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku ser jirreferi dawn ir-rakomandazzjonijiet lill-Kunsill Lokali għal kummenti tagħhom.

Adult Training Centre

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienet in-natura ta' l-abbuż li ġenitur ġibed l-attenzjoni li seħħ, permezz ta' ittra lil ATC Service Manager, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fuq klijenti fl-ATC u li din l-ATC Service Manager ammoniet lil Senior Care Worker quddiem il-ġenituri waqt laqgħa, li għaliha kienu preżenti iċ-Chairman ta' l-Agenzija Sapport u ċ-Chairperson ta' l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li jibgħatu lil uliedhom fl-ATCs?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ittra li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellanti kienet waħda anonima. Din l-ittra kienet tallega li care workeruża diskors u atteġġiament nieqsa mir-rispett dovut lejn persuni b'diżabilita'. Ninsab infurmata wkoll li waqt il-laqgħa ndikata, s-Service Manager spjegat li, filwaqt li hi tinvestiga kull ilment li jaslilha u tieħu l-passi meħtieġa biex tindirizza xi nuqqas, ma kienetx f'pożizzjoni li tieħu passi fuq ittri anonimi. Għalhekk talbet lil kull min ikollu xi lment biex javviċinha personalment biex tkun tista' tieħu l-passi meħtieġa. Ma jirriżultalix li, dwan dan il-każ, is-Service Manager ammonit lil xi ħadd, inkluż is-Senior Care Worker.

Adult Training Centres — Kuntratti u proċeduri

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif il-kuntratti u l-proċeduri li jirregolaw l-adult training centres u l-impjegati tagħhom qed jinbidlu mingħajr ma l-kapijiet ta' dawn l-istess ċentri qed ikunu preżenti għad-diskussjonijiet? Għaliex qed isir dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tispeċifika għal liema kuntratti u proċeduri qed tirreferi.

Adult Training Centres

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-adult training centres humiex se jkunu organizzati f'ente separata fi ħdan il-fondazzjoni għas-servizzi tal-welfare jew humiex se jkunu parti integrali mill-agenzija Sapport? Jekk se jkunu parti integrali mill-agenzija Sapport, dan ma jfissirx li mhix se tinżamm il-wegħda li ngħataw l-impjegati ta' l-adult training centres mid-diriġenza ta' l-istess fondazzjoni? Jekk l-ATCs se jkunu parti integrali mill-agenzija Sapport, min ħa din id-deċiżjoni u għaliex? Jekk l-ATCs se jkunu parti integrali mill-agenzija Sapport, ma jidhrilhiex il-Ministru li l-agenzija Sapport li llum mhix tlaħħaq ma' l-għanijiet li għaliha twaqqfet minħabba nuqqas ta' riżorsi eċċ, kif fil-fatt ġie kkonfermat mill-istess rapport annwali tal-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita', aktar u aktar mhix se tlaħħaq ma' l-esiġenzi ta' riforma li jeħtieġu l-ATCs u li l-gvern ilu jgħid li se jwettaq? Tista' l-Ministru tgħid jekk l-aġenzija Sapport għandhiex ir-riżorsi umani partikolarment ta' speċjalizzazzjoni li jinħtieġu l-ATCs? Jekk iva, min huma l-persuni fl-organizzazzjoni/ġerarkija ta' l-aġenzija Sapport li huma speċjalizzati fuq l-ATCs?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nikkonferma li ċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita saru parti integrali mill-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Fondazzjoni. Dan jirrifletti d-direzzjoni politika tal-Gvern, kif murija fl-Estimi għal din is-sena, fejn l-allokazzjoni ta’ fondi għal dawn iċ-Ċentri ġiet integrata flimkien mal-Vot ta’ l-Aġenzija Sapport. Din id-direzzjoni rriżultat mill-fatt li ma kienx jagħmel sens li jkollok żewġ entitajiet separati li jipprovdu servizzi lil persuni b’diżabilita’ fi ħdan l-istess Fondazzjoni. Fl-istess ħin kien għadda żmien biżżejjed biex l-Aġenzija Sapport tieqaf fuq saqajha u jkollha esperjenza fil-qasam tad-diżabilita’ biex tkun tista’ tieħu din ir-responsabbilta’ b’mod immedjat malli dawn iċ-Ċentri jgħaddu taħt il-Fondazzjoni. Għal dak li jirrigwarda riżorsi, ninsab infurmata li reċentement, bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, ġiet riveduta l-allokazzjoni ta’ fondi għal din is-sena lill-Aġenzija Sapport, fejn ġiet allokata Lm147,000 addizzjonali li minnhom Lm96,000 huma ntiżi għaċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita. Kemm iċ-Chief Operations Officer ta’ l-Aġenzija Sapport kif ukoll is-Service Manager responsabbli għaċ-Ċentri huma persuni b’esperjenza fil-qasam tad-diżabilita’. Dawn, flimkien mal-kontribut li għandhom x’jagħtu l-impjegati taċ-Ċentri, għandhom iwasslu biex jingħata servizz aħjar lill-klijenti ta’ dawn iċ-Ċentri.

Birkirkara — Triq San Ġużepp

Question

Jista' l-Ministru jgħid, billi jagħti d-data konkreta, meta ser tingħata t-tarmac Triq San Ġużepp, f'Birkirkara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq mhux inkluża fil-lista ta’ toroq li ser jitlestew sa 2008.

Safar

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 23675 u 23177, jista' l-Ministru jgħid jekk żdieditx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għat-tali spiża? Jista' jgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24663.