Tista' l-Ministru tara li jitnaddaf plot li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li minn informazzjoni li għandi huwa tal-gvern u li dan l-aħħar ittella' ċint u anke se jitwaħħal bieb imma qabel ittella' ċ-ċint ma sarx it-tindif u allura hemm ħafna boroż u ħmieġ? Tista' tittieħed azzjoni u niġi nfurmat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar dettalji ta' fejn qiegħed il-plot li għamel referenza għalih.
Tista' l-Ministru tikkonsidra l-każ ta' persuna armla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li r-raġel tagħha kien self-employed, li qed tħoss li mhux qed tieħu l-pensjoni dovuta? Tista' din il-persuna tiġi nfurmata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara li fil-pjan li hemm maħsub għall-park flok l-għolja tal-Magħtab, jintlaqa' s-suġġeriment tad-dilettanti taż-żwiemel u ssir bridle path fil-proġett biex jitgawda minnhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din il-proposta diġà qed tkun ikkunsidrata.
Skejjel ta' l-istat. — Abbuż ta' droga jew alkoħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fit-tieni term tas-sena skolastika fl-iskejjel ta' l-istat kienx hemm rapporti dwar abbuż ta' droga u/jew alkoħol? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm studenti nvoluti u ta' liema etajiet kienu?
Response (GALEA, LOUIS)
F’din il-materja l-iskejjel Statali kif ukoll tal-Knisja huma gwidati mill-proċeduri stipulati fil-Politika Nazzjonali Tackling Substance Abuse (Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, 2001).
Studenti referuti mill-iskejjel ta’ l-Istat lill- Unit Substance Abuse Policy Team, fit-tieni term, kienu mqassma hekk:
Eta’ Numru ta’ Studenti
12 1
13 2
14 1
15 8
15+ 4
Informat li għalkemm dawn l-istudenti ġew referuti mill-iskejjel, dan ma għandu bl-edba mod jiġi interpretat li dawn l-istudenti abbużaw mid-droga fl-iskola.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24631 u jgħid matul is-sena 2006 liema proġetti f'Malta u Għawdex saru b'fondi (in parti jew totali) ta' l-Urban Improvement Fund tal-MEPA? Liema proġetti se jiġu ffinanzjati minn dan il-fond matul is-sena 2007?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24630 rigward l-art maġenb il-bitħa ta' l-iskola primarja tal-Mellieħa biex ikunu jistgħu jsiru faċilitajiet sportivi fosthom mini pitch b'turf artifiċjali li għalih hemm fondi mill-UEFA, tista' d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni tagħmel it-tali talba msemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern u l-Kunsill Malti għall-iSport diġa' qed jgħinu lill-Mellieħa SC fil-proġett tal-ground tagħhom li hemm ezattament biswit l-iskola. B'danakollu ser nara x'timplika l-materja mqanqla mill-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol bħalissa? Kemm huma nisa u kemm irġiel? Kemm minnhom huma taħt il-21 sena? Kemm nisa u kemm irġiel? Minn liema lokalitajiet huma dawn ta' l-aħħar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta’ Frar 2007 fuq l-Ewwel Parti u t-Tieni Parti tar-Reġistru kien ta’ 6,406 u 781 rispettivament. Kien hemm 5,534 irġiel u 1,653 nisa. Minn dawn kien hemm 819 persuna taħt l-20 sena, 466 irġiel u 353 nisa. Informazzjoni dwar minn liema lokalitajiet dawn ta’ l-aħħar kienu ġejjien, ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab informat ukoll li matul dawn l-ewwel 3 xhur tas-sena 2007, 864 persuna li kienu qed jirreġistraw ma' l-ETC sabu xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid minn fost dawk il-persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol kemm minnhom huma meqjusa bħala li m'għandhomx snajja? Kemm huma nisa u kemm irġiel? Kemm minn dawn huma taħt il-21 sena? Kemm minn dawk li qed jirreġistraw huma 'l fuq minn 50 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Jista' l-Onor. Membru jkun preċiz u jiddefinixxi x'jifhem b'persuni 'li m'għandhomx snajja'?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi skemi għal nies fiċ-ċivil li jkunu qegħdin jipparteċipaw fi studju ta' Masters Degree ma' universitajiet oħra barra minn Malta fosthom anke f'korsijiet ta' distance learning? Jekk dawn l-iskemi jew għajnuniet ma jeżistux, jikkonsidra li dawn jiddaħħlu minħabba li dawn it-tip ta' korsijiet qed igħinu sabiex itejbu l-kwalifiki fil-qasam tax-xogħol li jkunu qegħdin iwettqu fil-kariga li għandhom maċ-ċivil u anke fid-dawl tat-taħriġ tul il-ħajja li llum kulħadd jitkellem dwaru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-iStaff Development Organisation fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ilha toffri dawn it-tip ta’ skemi għal madwar seba’ snin.
Numru ta’ impjegati jiġu mogħtija boroż ta’ studju f’Management, Public Policy u oqsma oħra. Barra minn hekk, kull Ministeru u entità għandu l-faċilità li joffru dawn it-tip ta’ skemi skond kif inhu propost fil-Manual on Staff Development in the Public Service.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex minkejja li l-prassi fl-Armata, biex tingħata promozzjoni, membru irid ikollu l-punti u s-seniority meħtieġa, kien hemm għadd ta' membri, li filwaqt li jikkwalifikaw f'dan il-kuntest, ma ngħatawx il-promozzjoni li kien ħaqqhom? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi kriterji oħra li ma kienx magħrufa li setgħu ntużaw fl-għoti ta' dawn il-promozzjonijiet? X'kienu dawn il-kriterji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-kriterji li fuqhom ngħataw il-promozzjonijiet dan l-aħħar fl-Armata kienu rregolati mill-Kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta li jistabbilixxu li l-promozzjoni għandha ssir skond rakkomandazzjoni bbażata fuq effiċjenza, anzjanità, kwalifiki u għażla biex timtela vakanza. Dawn huma l-istess kriterji li diġà ġew msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 24816.
Ġara li billi din id-darba kien hemm aktar suldati kwalifikati milli kien hemm vakanzi, ma kienx possibbli li kull min kien kwalifikat, jingħata promozzjoni. Għaldaqstant il-promozzjonijiet ġew mogħtija skond l-ordni tal-mertu.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24591 dwar il-ħtieġa ta' day centre għall-anzjani u għat-tweġiba tal-Ministru, partikolarment għal: "Fil-fatt kienet saret laqgħa formali fuq is-suġġett imsemmi bejn il-kunsill, id-dipartiment għall-anzjani u kura fil-komunita' u s-segretarjat għall-anzjani", jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-minuti ta' din il-laqgħa u/jew proposti u konklużjonijiet tal-laqgħa? B'riferenza wkoll għal dak li ntqal fit-tweġiba tal-Ministru: "Fl-istess waqt id-dipartiment huwa dispost li jkompli jiddiskuti mal-kunsill lokali xi proposti li jkun hemm għall-futur", jista' jgħid jekk kienx hemm proposti mressqa mill-kunsill fil-laqgħa msemmija aktar 'il quddiem u jekk kien hemm x'kienu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li fil-laqgħa msemmija ġiet diskussa l-possibilita' ta' Day Centre fis-Siggiewi fejn il-partijiet imsemmija wrew ix-xewqa li dan il-proġett jitwettaq bil-koperazzjoni ta' kulħadd. Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 24591.
Fl-istess waqt aħna konxji li għaddejjin diskussjonijiet fuq proġett aktar kumpless mal-Awtorita' tad-Djar. Għal aktar informazzjoni għandha ssir il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kif uħud mill-membri ta' l-Armata li għamlu l-PT Tests u l-BFT Tests, li jfisser li jkunu għamlu ħilithom, ma ngħatawx il-promozzjoni li kien ħaqqhom u oħrajn li m'għamlu xejn ingħatatilhom promozzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li fl-eżerċizzju tal-promozzjonijiet, il-punti li jingħataw fuq il-Physical u l-Battle Fitness Tests jiffurmaw parti minn punteġġ aktar wiesgħa li jingħata f’dik is-sezzjoni ta’ marki li jingħataw fuq it-taqsima ta’ marki fuq effiċjenza ta’ dak li jkun. Fil-każijiet li l-Onorevoli Interpellant semma fil-mistoqsija parlamentari tiegħu, individwi, setaw ma ġabux punti f’dawn iż-żewġ testijiet jew ġabu punti baxxi, iżda mbagħad pattew għalihom fis-sezzjonijiet l-oħra ta’ din it-Taqsima u Taqsimiet oħra ta’ dak li jissejjaħ Promotion Assessment Report li abbażi tiegħu isir l-eżerċizzju tal-promozzjonijiet fl-Armata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24596 u t-tweġiba tagħha, fejn il-Ministru informa li: "il-mediċini li qabel kienu jinħażnu f'Ta' Qali issa qegħdin jinħażnu temporanjament f'imħażen il-Marsa", jista' l-Ministru jgħid jekk l-imħażen fil-Marsa humiex mikrija jew proprjeta' tal-gvern? Jekk huma mikrija, kemm qed iħallas il-gvern għal din il-kirja fis-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kif membru fl-Armata li kien ħa aktar minn 30 ġurnata sick leave u sa 15-il ġurnata qabel l-għoti tal-promozzjonijiet kien se jidher quddiem il-bord mediku biex jiġi boarded out, mhux talli ma deherx quddiem il-Bord Mediku, talli ngħata r-rank ta' Bumbardier? Għaliex ma deherx? X'kienu l-kriterji li fuqhom ingħata l-promozzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid, billi jagħti data konkreta, meta se tingħata t-tarmac Triq Antonio Galea, f'Birkirkara?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi t-triq imsemmija hija waħda mit-toroq fil-program ta’ bini ta’ toroq li ħarġet l-Awtorita’ Dwar it-Trasport ta’ Malta. Għaldaqstant din it-triq ser tkun lesta sa l-aħħar tas-sena 2008.
Jista' l-Minsitru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24302 u jagħti ċifra globali ta' kemm intnefqu flus mill-ministeru għall-iżvilupp ta' ġonna, soft area, eċċ. matul l-2004, l-2005 u l-2006 separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li ċ-ċifri globali ta’ kemm intefqu flus mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura għall-iżvilupp ta’ ġonna, soft areas, eċċ. matul l-2004, 2005 u 2006 separatament, huma kif jidhru hawn taħt:
Sena
Ċifra Globali
2004
Lm 439,384.65
2005
Lm 371,483.73
2006
Lm 561,286.40
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Marzu 2007? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Marzu 2007?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Marzu ta’ l-2007, ir-reati li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt illi matul l-istess xahar kien hemm 65 persuna misjuba ħatja ta’ reati kriminali.
Against morals/honour - family5
Arson4
Attempted offences74
Bodily harm82
Damage231
Drugs16
Forgery7
Fraud8
Homicide1
Illegal Immigration3
Perjury / false swearing1
Prostitution5
Sexual offences8
Theft585
Threats and private violence3
Violence against public officers9
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħallsu VAT il-kunsilli lokali kollha ta' Malta u t'Għawdex, kunsill b'kunsill mill-1995 meta ġiet introdotta l-VAT sa Marzu 2007 sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella fejn hemm indikat il-VAT imħallsa mill-Kunsilli Lokali għas-snin finanzjarji tal-Kunsilli 2003-04 sa 2005-06, liema informazzjoni kienet intalbet fir-rigward tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20845.
Għar-rigward is-snin l-oħra, billi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.