Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Bordijiet/Kummissjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-bordijiet/kummissjonijiet maħtura mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2006? Jista' jgħid min huma għal kull każ u x'rimunerazzjoni hemm għal kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24554 u jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudju li kien ikkummissjona huwa stess bl-isem ta' Assessment of the Macro Economic Impact of the Rationalisation of Scheme Boundaries minn KPMG?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24550 u jgħid kemm ġie jiswa r-rapport ta' KPMG u Prof. L. Briguglio dwar "Smartcity Social Economic Impact Assessment"? Ġew ikkonsidrati xi awdituri u ekonomisti oħrajn qabel saret l-għażla finali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-rapport imsemmi ġie ikkummissjonat mill-Malta Government Technology Investments Ltd. fuq deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ l-istess kumpanija skond il-proċeduri stabbiliti. Ir-rapport sewa Lm 18,500 + VAT. Infurmat wkoll li minħabba li KPMG kienu involuti bħala konsulenti tal-Gvern matul il-proċess ta’ diskussjonijiet, tqabbdu huma direttament, skond il-proċeduri stabbiliti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-NSO taħdimx il-GINI COEFFICIENT li permezz tiegħu jista' jiġi kkalkulat l-income inequality tal-pajjiż? Jekk iva, x'inhu u x'kien mis-sena 1996 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi il-GINI COEFFICIENT jiġi kkalkulat permezz ta’ stħarriġ li l-NSO jagħmel minn żmien għall-ieħor sabiex tinġabar statistika fuq dħul.
Fis-sena 2000, l-NSO għamel stħarriġ dwar id-dħul u l-infiq tal-familja (Household Budgetary Survey, HBS) u minnu ġie kkalkulat il-GINI COEFFICIENT. Il-valur kien 30.4%.
Bħalissa, l-NSO qiegħed fil-proċess li jippubblika il-GINI COEFFICIENT għas-sena 2005. Dan ġie kkalkulat mill-istħarriġ dwar id-dħul u kundizzjonijiet ta’ l-għixien (Survey on Income and Living Conditions, SILC) li sar fl-2005.
Il-metodoloġija tas-SILC hi differenti minn dik ta’ l-HBS peress li l-mistoqsijiet fis-SILC huma bbażati fuq dħul biss. Għalhekk dan l-istħarriġ huwa iktar dettaljat fuq dħul u jipprovdi informazzjoni iktar kompluta. Għal din l-istess raġuni, u kif ġara f’pajjiżi oħra, jista’ jagħti l-każ li l-GINI COEFFICIENT kif ikkalkulat mis-SILC ma jkunx komparabbli għal kollox ma’ dak maħdum mill-HBS.
Jista' jsir xi forma ta' bus shelter għan-nies li jkunu qed jistennew fil-bus stopli hemm f'Sanctuary Str, San Ġwann speċjalment bħala kenn fil-ġranet tal-maltemp?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li din it-talba ser tiġi imressqa lill-Kunsill Lokali ikkonċernat minħabba li l-bus shelter jaqa' taħt responsabbilta tal-Kunsill skond il-ftehim iffirmat mill-Kunsill ma’ Faces Ltd
Billi nqalgħu s-signs taż-żewġ bus stops li hemm f'Sanctuary Street, San Ġwann - waħda faċċata ta' Triq San Anard u l-oħra ħdejn is-supermarket- jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu signs ġodda?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li dawn iż-żewġ Bus Stops ser jerġgħu jitwaħħlu fi żmien qarib.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li tiġi introdotta hot linefejn ħaddiema fis-settur turistiku u anke tal-manifattura jistgħu jirrapportaw dewmien fil-ħlas tal-paga mis-sidien ta' l-ażjendi jew lukandi li jaħdmu fihom billi qed jasluli diversi rapporti ta' ażjendi, speċjalment lukandi, li ġieli jdumu 'l fuq minn xahar biex iħallsu lill-ħaddiema tagħhom? Jista' jinvestiga rapporti li wasluli li meta xi ħaddiema ċemplu d-dipartiment tax-xogħol biex jirrappurtaw każ speċifiku bħal dan qalulhom jieħdu ftit tal-paċenzja għax dejjem jagħtuhom madwar xahar żmien biex iħallsu qabel jieħdu passi kontrihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm diversi numri tat-telefon fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ Impjieg li qegħdin għall-uzu tal-pubbliku u li jintuzaw biex jiġu mistoqsija domandi fuq kundizzjonijiet ta' l-impjieg. Dawn jinkludu:
21224245
21224246
21225215
21222068
21223658
Skond l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ Impjieg rigward ħlas ta’ pagi għandu jsir f’intervall regolari ta’ mhux iktar minn erba’ġimgħat b’lura.
F’kazi fejn impjegat ikun għadu fl-impieg, u jiġi rappurtat li ma sarx xi ħlas ta’ paga dovuta, tittieħed azzjoni immedjata biex isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
F’kaz li xi ħadd ikollu l-impjieg terminat, l-interpretazzjoni tal-Qrati hi li min iħaddem għandu sa erba’ ġimgħat zmien wara li jkun sar ix-xoghol biex iħallas il-pagi. Din hija r-raġuni għalfejn ma jistgħux jittieħdu passi bil-Qorti kontra min iħaddem qabel ma jgħaddi perjodu ta’ madwar xahar.
Jekk L-Onor. Membru għandu xi informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali, jista' jekk jogħġbu jghaddili l-informazzjoni relevanti biex ikunu jistgħu isiru l-aċċertazzjonijiet neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux bil-ħsieb li l-Isptar Pawlu Boffa jingħalaq? X'ser jiġri mill-binja f'każ li dan hu minnu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-isptar Pawlu Boffa ser jibqa' jintuża sakemm l-isptar Zammit Clapp jieħu l-funzjoni taċ-ċentru l-ġdid ta' l-onkoloġija. L-isptar Boffa imbgħad jgħaddi f'idejn il-Lands Department.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le li fil-parkeġġ li hemm fil-preżent taħt Triq il-31 ta' Marzu, l-Isla ħdejn il-Maċina sa parti mill-Baċir nru. 1 hux beħsiebhom ikunu mibnija xi appartamenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Brief oriġinali kien hemm referenza għal multi storey car park. Bħalissa il-MEPA qiegħda tikkonsidra Outline Development Application mill-Consortium dwar il-proġett tal-Baċir Nru 1. Din il-Proposta tinkludi car park u anke xi appartamenti. S'issa għad m'hemmx deċiżjoni.
Tista' l-Ministru tara li ssir spezzjoni mill-ħaddiema tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali fil-fond li jinsab fl-Imsida li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ispezzjoni tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant mistennija ssir fid-19 ta’ dan ix-xahar.
Ftit taż-żmien ilu saret spezzjoni fil-fond fl-Isla li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament mill-ħaddiema ta' l-awtorita' tad-djar/dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali. Jista' jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport tekniku li sar dwar dan il-fond? Minnu dak li qed tallega din is-sinjura, li l-post hu perikoluż, skond dak li qalu l-inspectors?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mir-rapport ta' l-ispezzjoni li saret ix-xahar l-ieħor tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant, ma jirriżultax li l-ispettur qal li l-post hu perikoluż iżda li hu traskurat u ilu nieqes minn manutenzjoni ġenerali fis-snin l-imgħoddija.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport, bid-dettalji personali tal-persuna mgħottija, għax ma jidhirlix li dawn għandhom jiġu ppublikati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew minsusa b'mod illegali meters tad-dawl ta' l-Enemalta għal dawn is-snin: 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005, 2006, 2007 (sa issa)? Kemm minnhom kienu jinsabu f'postijiet domestici, u kemm minnhom kienu jinsabu f'postijiet kummerċjali? X'passi ttieħdu f'dawn il-każijiet? Kollha jkunu trattati bl-istess mod?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jara li tingħata attenzjoni lill-ittra li qed tintbagħat separatament, għax inħoss li ta' min jagħti l-attenzjoni għal dak li fiha għall-ġid ta' l-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Wara li rċieva kopja ta' l-ittra msemmija, id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' beda jagħmel l-investigazzjoni nterna.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa każ ta' ġuvni li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li qatgħulu r-reliefu m'għandu l-ebda dħul u qed jiġri fit-triq biex jiddobba x'jiekol? Tista' din il-persuna tiġi nformata u dan il-każ jitmexxa b'urġenza?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma kelliex dritt għall-Għajnuna Soċjali għax ma kienetx qed tirreġistra għax-xogħol. Issa li din il-persuna reġet bdiet tirreġistra mistennija titħallas dan il-benefiċċju aktar tard din il-ġimgħa.
Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applika biex jieħu benefiċċju talli jdur b'ommu li għandha 92 sena u li wara li l-aħħar li ġew it-tobba fit-28/02/07 minn dakinhar ma sar xejn? Tista' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi u jitmexxa l-każ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 24198 dwar segment leader għall-Gozo Unit, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex il-vakanza timtela'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-internal call għall-Head tal-Gozo Unit għadha kif ħarġet.
Jista' l-ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu sena b'sena fil-bajja ta' l-Għadira, l-Mellieħa mis-sena 2003 sal-lum biex tisbieħ din il-bajja u tilqa' aħjar lill-ħafna li jmorru fiha? Jista' jgħid x'kienet in-nefqa kull sena fuq il-proġetti msemmija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta ħadet ir-responsabbiltà ta’ beach monitoring mis-sajf ta’ l-2006 li primarjament tikkonsisti f’superviżjoni tal-bajja kif ukoll xogħol ta’ sand sifting. Ninsab infurmat illi n-nefqa għal dan ix-xogħol kienet tammonta għal Lm 4,238.
Barra minn hekk it-taqsima tat-tindif tax-xtut fi ħdan il-Ministeru tieħu ħsieb it-tindif regolari ta’ din il-bajja. It-tindif ta’ l-alka jkompli għaddej fix-xhur tax-xitwa minbarra li jsir ġbir ta’ skart kuljum inkluż il-
weekends
fix-xhur tas-sajf. Ninsab infurmat illi l-ispiża approssimattiva ta’ dan ix-xogħol tlaħħaq Lm 99,513 li minnhom Lm 48,370 huma spejjeż ta’ makkinarju u Lm 51,143 huma pagi u
overtime
tal-ħaddiema.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru u/jew l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu għamlux analiżi tar-raġunijiet li għalihom matul is-sena 2006 ġew 73,000 anqas turisti mis-sena 2005 mir-Renju Unit, Ġermanja u Franza? Jista' jpoġġi l-analiżi, jekk saret, fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta tagħmel analiżi kontinwa ta’ kif tkun sejra l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna.
Din l-analiżi ssir sabiex tiggwida l-Awtorità fil-ħidma tagħha. Din il-ħidma qed twassal sabiex it-tnaqqis li semma l-Onor Interpellant qed jinbidel f’żieda.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta minn żmien għal żmien jikkumentaw fuq l-andament tas-settur u jagħtu l-analiżi tagħhom. Ma naħsibx li jkun prudenti li mmorru lil hinn minn hekk u nippublikaw rapporti interni.