Tista' l-Ministru tgħid kemm kien it-tunnellaġġ tal-qabda tal-ħut lokali reġistrata fl-ewwel tliet xhur tas-sena f'Malta xahar b'xahar separatament? Tista' tipprovdi l-istess tagħrif għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li l-mistoqsija tikkonċerna l-Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-tunnellaġġ tal-produzzjoni lokali tal-faqqiegħ matul l-ewwel tliet xhur tas-sena f'Malta? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-istess perjodu għall-aħħar ħames snin sena' b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-produzzjoni tal-faqqiegħ hija f’idejn azjendi kummerċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-tunnellaġġ tal-produzzjoni lokali tal-ħaxix frisk matul l-ewwel tliet xhur tas-sena f'Malta? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-istess perjodu għall-aħħar ħames snin sena' b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-produzzjoni attwali tal-ħaxix hija f’idejn operaturi privati.
Peress li hawn ħafna każijiet ta' eczema li huma severi u kroniċi; u peress li dawn il-pazjenti għandhom bżonn ħafna kura u assistenza u mediċini li jridu jieħdu kuljum; u peress li dawn il-pazjenti m'humiex eliġibbli skond ix-Schedule V tal-lista ta' mard kroniku, tista' l-Ministru tara li in vista tat-tbatija ta' dawn in-nies din il-marda tiġi miżjuda fix-Schedule V biex ikunu ntitolati għall-għajnuna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nassumi li l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għat-Tieni Parti ta’ l-Iskeda Ħamsa ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, li telenka l-mard u l-kundizzjonijiet li dwarhom tingħata għajnuna medika bla ħlas skond kif provdut fl-Artikolu 23 ta’ l-imsemmi Att.
Jekk dan hu l-każ, nitlobha tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-formoli ta' bidu ta' impjieg li qed jintbagħtu lill-ħaddiema Għawdxin li kienu fis-sezzjoni tad-drenaġġ u llum ġew posted f'diversi lokalitajiet mal-kunsilli lokali, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawn il-ħaddiema hux se jkollhom tibdiliet fil-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tagħhom jew jekk hux se tiġi affettwata s-seniority tagħhom peress li l-formola li qed jintalbu biex jimlew hija dwar bidu ta' impjieg?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-ħaddiema li kienu detailed mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ġewwa Għawdex ġew assenjati mal-Kunsilli Lokali Għawdxin wara li l-assenjar tagħhom mal-Korporazzjoni ġie revokat. Malli saret ir-revoka, dawn, bħala ħaddiema tal-Gvern, ġew trasferiti fuq il-kotba tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex ikunu jistgħu jiġu assenjati mal-Kunsilli Lokali Għawdxin.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma kienet bagħtet lill-istess ħaddiema il-formola ta’ l-ETC tat-tmiem ta’ l-impjieg magħha. Il-formoli li rċevew il-ħaddiema reċentement huma biex jindikaw il-bidu tal-impjieg (engagement form) mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali b’effett minn meta sar it-trasferiment. Dan ifisser li kull ma sar kien biss l-aġġustar tal-isem tal-employer għal skopijiet tal-Korporazzjoni ta’ l-Impjieg u t-Taħriġ. Dan ifisser ukoll li dawn il-ħaddiema tal-Gvern mhu ser jitnaqqsilhom xejn mill-kundizzjonjiet inerenti li dejjem kellhom mal-Gvern, inkluża s-seniority.
Jista' l-Ministru jgħid:
1) x'kienet l-ispiża totali s'issa tal-proġett tat-terminal f'Għawdex;
2) jagħti breakdown ta' l-ispejjeż;
3) min esegwixxa x-xogħol;
4) jindika l-varjazzjonijiet mill-pjanti oriġinali u meta saru dawn il-varjazzjonijiet;
5) jgħid id-differenza fl-ispiża bejn ix-xogħol kif kellu jsir oriġinarjament u x-xogħol li sar skond il-varjazzjoni;
6) meta se jitlesta x-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Filwaqt li nagħmel referenza għall-PQ 24372 li ngħatat fit-13/03/07 l-informazzjoni l-oħra għadha qed tinġabar u tingħata aktar ' quddiem
Skejjel sekondarji ta' Għawdex — Early school leavers
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm early school leavers mill-iskejjel sekondarji ta' Għawdex kull sena separatament għal dawn l-aħħar ħames snin; jindika r-raġuni, is-sess u l-eta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux magħruf kemm huma l-kazijiet fejn l-ezenzjoni ntalbet biex tiffaċilita' xogħol għas-sajf qabel ritorn għal xi kors post-sekondarju.
Peress li diversi Għawdxin li jiġu msejħa biex iservu bħala ġurat iridu jippreżentaw rikors biex jiġu eżentati fir-Reġistru tal-Qorti Malta, peress li ħafna mir-rikorsi jkunu ta' persuni li jkollhom problemi mediċi u huwa ta' inkonvenjent kbir għalihom biex dawn ir-rikorsi jippreżentawhom Malta, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li terġa' tibda s-sistema li dawn ir-rikorsi jiġu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Rikors biex persuna tiġi eżentata milli sservi ta' ġurat għandu skond il-liġi jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Kriminali.
L-atti, inklużi rikorsi ta' ġurati, quddiem il-Qorti Kriminali għandhom skond il-liġi jiġu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qrati ta' Ġurisdizzjoni Kriminali ta' Malta. Il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.
Dawn ir-rikorsi qatt ma kienu jiġu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qrati ta' Għawdex kif qed tissuġġerixxi l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem it-Tribunal tal-Wirt? Jista' jgħid kemm minnhom huma ta' partijiet Għawdxin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi b'kollox hemm ħmistax-il kawża pendenti quddiem it-Tribunal tal-Qsim tal-Wirt illi waħda minnhom marret deżerta.
Minn dawn il-kawżi pendenti jirriżulta li hemm żewġ kawżi li huma ta' partijiet Għawdxin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol ta' l-aħħar fażi tat-triq ta' Ħal Far li saret permezz tal-fondi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq il-kostruzzjoni tat-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant tlesta f’Diċembru tal-2006 u bħalissa għaddej xogħol ta’ snag works, verifikazzjoni ta’ numru ta’ testing results u qed jiġu finiliżżati il-final bills tax-xogħlijiet. L-Awtorita tat-Trasport tkun f’pożizzjoni li tikkonferma l-ammont finali tax-xogħlijiet in kwistjoni meta x-xogħol fuq il-final bills imsemmija ikun lest.
Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li l-ħlas għad-drenaġġ f'każ ta' applikazzjoni lill-MEPA għal bini ta' farm ta' l-annimali jitneħħa peress li dawn it-tip ta' farms mhux permissibbli li jużaw il-main tad-drenaġġ, iżda jridu jagħmlu fossa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li l-ħlas li qiegħed jirreferi għalih diġà tneħħa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tank cleansing farm tal-Malta Dockyard f'Ricasoli għadux jintuża? Jekk fl-affermattiv, kemm-il darba ntuża matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-Tank Cleaning Station ġewwa Ricasoli għadu jintuża mill-Malta Shipyards. F’ dawn l-aħħar ħames snin sar dan l-użu mit-Tank Cleaning Station:
Fis-sena 2002 daħlu 20 vapur direttament ġewwa t-Tank Cleaning Station filwaqt li 71 vapur ġewwa l-Malta Shipyards għamlu użu mill-istess faċilitajiet sabiex jeħilsu miż-żjut u jnaddfu t-tankijiet.
Fis-sena 2003 daħlu 11-il vapur diretti u 57 mill-Malta Shipyards.
Fis-sena 2004 daħlu 9 vapuri diretti u 55 mill-Malta Shipyards.
Fis-sena 2005 daħlu 7 vapuri diretti u 55 mill-Malta Shipyards.
Fis-sena 2006 daħlu 11-il vapur diretti u 46 mill-Malta Shipyards.
Ħaddiema tas-settur pubbliku — Xogħol ta' segretarju eżekuttiv
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk impjegat fis-settur pubbliku jistax japplika ħalli jiġi seconded għal xogħol ta' segretarju eżekuttiv mill-kunsilli lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-vakanzi li jinħolqu ta’ Segretarju Eżekuttiv qedgħin jintlew wara sejħa t’applikazzjonijiet miftuħa għall-pubbliku.
Għaldaqstant, impjegati fis-settur pubbliku m’għadhomx jiġu sekondati ma’ Kunsilli Lokali sabiex iwettqu dmirijiet ta’ Segretarju Eżekuttiv.
Qorti tal-Familja — Applikazzjonijiet għall-medjazzjoni
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tagħrif dwar kemm saru applikazzjonijiet għall-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja mill-2004 sal-lum? Kemm saru medjazzjonijiet fiċ-ċentru tal-medjazzjoni mill-2004 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ applikazzjonijiet għal medjazzjoni li daħlu fil-Qorti ta’ Malta mill-2004 sas-16 t’April 2007, kemm bħala ittri kif ukoll bħala noti, huma kif indikat fit-tabella hawn taħt:
SenaIttriNoti
20041,034459
2005878446
2006969353
2007*26895
*sas-16 ta’ April.
Rigward il-Qorti ta’ Għawdex, ninsab infurmat kif ġej:-
SenaNumru ta’ applikazzjoniijiet (rikorsi/noti/ittri)
200496
200593
200692
200718
Irid jingħad li sas-17 ta’ April, dan it-tip ta’ proċeduri ma jikkonċernawx biss talbiet għal separazzjoni personali iżda jinkludu wkoll kull tip ta’ eventwalita’ komtemplata fl-Avviżi Legali numri 396/2003 u 397/2003.
Infurmat ukoll illi sal-lum kienu reġistrati għaxar (10) każi ta’ medjazzjoni fiċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' sussidju mill-Awtorita' tad-Djar ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fit-28 ta’ Marzu 2007, l-Awtorita’ tad-Djar infurmat lill-persuna konċernata bil-miktub bil-lista tax-xogħlijiet u l-istima tas-sussidju approvati proviżorjament.
Ninsab infurmata wkoll li l-ammont tas-sussidju dovut jiġi determinat wara li ssir il-verifika tal-means test.
B'riferenza għall-ittra annessa, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet ir-riċerka ta' l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali kif imsemmi? X'irriżulta minn din ir-riċerka?
Response (BORG, TONIO)
L-uffiċju tiegħi għamel riċerki estensivi u komplessi dwar il-materja iżda dawn ir-riċerki kienu inkonklussivi. Din ir-riċerka kienet tinvolvi kuntratti antiki ħafna li jirrigwardaw nies mejta u l-eredi tagħhom li huma wkoll illum mejta. Ir-riċerki kienu jirrikjedu li wieħed jirrisali għal żmien sa qabel twaqqaf ir-Reġistur Pubbliku. Għalhekk sa issa ma tista' tinġibed ebda konklużjoni dwar il-pożizzjoni legali.
Jista' l-Ministru jara li jittella' ħajt fejn instabu l-oqbra fi Triq il-Ħidma tax-Xogħol, Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, peress li dejjem ikun hemm nies li jitfgħu żibel u biex jiġi protett dan is-sit?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Membru jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali rispettiv ħalli tiġi użata l-proċedura li ġiet stabbilita mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f’każijiet bħal dawn.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna li tieħu l-pensjoni wara li spiccata mix-xogħol f'Diċembru li għadda? Tista' tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.