Legislature:
Category:
Reset
Active:

Produzzjoni ta' laħam taċ-ċanga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-tunnellaġġ tal-produzzjoni tal-laħam frisk taċ-ċanga matul l-ewwel tliet xhur tas-sena f'Malta? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-tunnellaġġ tal-produzzjoni lokali tal-laħam frisk taċ-ċanga f'Malta fl-ewwel tliet xhur tas-sena bejn l-2002 u l-2007 kien kif jidher hawn taħt: Tunnellati ( metric ) 2002 2003 2004 2005 2006 2007 Total 384 351 273.5 378 364 355

Każ ta' housing

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni ta' persuna, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għal bdil ta' appartament f'Ħaż-Żebbuġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi proċessata.
Leg 10 PQ #25093 Sitting 517 2007-04-24 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Vittmi ta' anorexia u bulimia — Għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'servizzi jingħataw mill-Gvern f'Għawdex lill-persuni li huma vittmi ta' anorexia u bulimia?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-persuni li jbatu minn anorexia jew bulimia f'Għawdex tingħatalhom kura fis-sezzjoni tal-Psikjatrija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. Din il-kura tkun bħala out-patient jew in-patient skond is-severita' tal-każ. F'dawn il-każijiet huwa komuni li jkollhom problemi fiżiċi, li huma parti mill-kundizzjoni. F'dak il-każ il-kura issir b'kollaborazzjoni mad-dipartiment tal-Pedjatrija jew tal-Mediċina, skond l-eta' tal-pażjent/a. Il-kura li tingħata f'Għawdex hija ġenerika, u meta il-każ ikun sever u jirrikjedi iktar kura intensiva, dan jiġi riferut għal aktar kura f'Malta.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex koppja anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament kulma għandha hija pensjoni ta' Lm202.04 fix-xahar meta tħallsu 40 sena bolol? Tista' tiġi riveduta l-pensjoni u l-persuna tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Benefiċċju soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara każ ta' missier, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, b'tifel li korra u ma jistax jaħdem u li m'għandu l-ebda dħul mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali ħlief d-dħul tal-mara tiegħu li taħdem part-timemad-dipartiment ta' l-anzjani? Peress li din il-persuna kemm-il darba għamlet talba għal xi forma ta' benefiċċju, jista' dan il-każ jitmexxa u tingħata xi forma ta' benefiċċju sakemm ikun tajjeb għax-xogħol? Tista' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Deċiżjoni ta' arbitru

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi riveduta deċiżjoni ta' l-arbitru dwar il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li kulma għandha hija pensjoni ta' Lm140 fix-xahar u Lm80 kirja garaxx, share Lm25 u kiri ta' flat Lm20 li dawn jammontaw għal Lm125 fis-sena? Peress li kif wieħed jista' jifhem, din il-persuna mhux se tiekol il-ġebla, tista' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Leg 10 PQ #25168 Sitting 517 2007-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Lukandi/guesthouses

Question

Fl-inħawi ta' Buġibba, Qawra, San Pawl il-Baħar u x-Xemxija, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm: 1) lukandi ta' kategoriji differenti; 2) guest houses; 3) tourist villages; 4) ristoranti; 5) bars; 6) ċentri ta' għaddasa; 7) operaturi turistiċi oħra liċenzjati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onor interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24853.
Leg 10 PQ #25169 Sitting 517 2007-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Decompression chamber

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilha li ġiet istallata d-decompression chamber f'Għawdex? Meta se tibda tiffunzjona? Kemm se jkollha persuni jmexxuha? X'taħriġ qed isir għal dawn il-persuni biex ikunu jistgħu joperawha? Hemm xi pjan biex iċ-chamber tibda tintuża għal hyperbaric therapy u mhux għall-għaddasa biss?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant diġa' ngħatat f'diversi risposti mogħtija minni. Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant biex jirreferi għar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numru 24082, 24522, u 23844.
Leg 10 PQ #25170 Sitting 517 2007-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għawdex — Lukandi

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika dettaljata dwar x'lukandi qed joperaw f'Għawdex, x'kategorija huma u kemm għandhom sodod? X'akkomodazzjoni self-catering teżisti f'Għawdex bħal: 1) vilel; 2) farmhouses u 3) appartamenti u kemm hemm sodod f'kull wieħed minn dawn it-tliet setturi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.

Għajnuna lil sajjied

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata l-għajnuna mwiegħda għall-bastiment tiegħu is-sajjied li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sajjied ikkonċernat kellu kuntratt għall-għajnuna li jammonta għal għoxrin elf lira Maltija (Lm20,000) taħt il-programm ta’ Għajnuna għas-Sajjieda mniedi fl-2002. Dan il-programm kien jaħseb biex is-sajjieda Maltin itejbu d-dgħajjes tagħhom ħalli jkunu jistgħu jikkompetu ma’ sħabhom is-sajjieda Ewropej. Dan is-sajjied iffirma il-kuntratt fit-30 ta’ Settembru 2003, fejn intrabat li fi żmien tmintax-il xahar iġib lanċa minflok ir-“Ruggiero Primo” li kienet inkisret ġewwa Manoel Island. Ma’ dan il-kuntratt is-sajjied ingħata avvanz ta’ Lm5,000. Is-sajjied ġab il-lanċa “Gabbiano I” u, qabel ma ffinalizza r-reġistrazzjoni ta’ din mat-Taqsima għall-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd, ħareġ biha u f’April 2004 għerqet. Fid-19 ta’ Settembru 2006, l-istess sajjied ingħata ammont ieħor ta’ Lm5,000 fuq l-istess kuntratt biex ngħinuh minħabba d-disgrazzja li kienet gratlu. Fit-8 ta’ Marzu ta’ din is-sena, id-Divi¿joni għall-Affarijiet Veterinarji u s-Sajd ħarġet kommunikazzjoni fuq talba ta’ l-istess sajjied biex nilqgħu f’Malta bastiment ieħor, “Fratello Marino II” minflok il-“Gabbiano I”. B’kollox is-sajjied ingħata Lm10,000 lira minkejja li għadu ma ppre¿entax dgħajsa għar-reġistrazzjoni għalkemm għaddew tliet snin u nofs minn meta ffirma l-ftehim. Il-bilanċ ta’ Lm10,000 jkun jista’ jingħata meta dan is-sajjied jirreġistra dgħajsa fir-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd.

Tas-Sliema — Ħsara fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex tissewwa s-sistema tad-drenaġġ fi Triq Viani f'Tas-Sliema għax għad hemm residenti jsofru tbatija kbira u dan anke b'dannu għas-saħħa tagħhom minħabba d-drenaġġ li għadu jiskula fil-kantini tagħhom, bħal per eżempju fir-residenzi nru. 89 u 91?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma għamlet survey bis-CCTV fil-mejn tad-drenaġġ fit-triq imsemmija, instab li dan il-mejn hu f’kundizzjoni tajba ħlief għal manhole li kellha bżonn tikħil. Dan ix-xogħol sar. Għalkemm l-ammont tad-drenaġġ li qed jiskula naqas, xorta baqa’ l-inkonvenjent. Għaldaqstant il-kwestjoni issa ġiet riferuta lill-Awtoritajiet Sanitarji u l-Ispettur Sanitarju responsabbli għandu jagħmel pressure tests fuq l-internal house drains privati.

Pensjoni tal-wens

Question

Wara li ġiet rifjutata talba li saret minni biex jitmexxa l-każ ta' ġuvni li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jdur b'missieru, tista' l-Ministru tiftaħ mill-ġdid dan il-każ għax fl-opinjoni tiegħi u anke ta' tobba privati dan il-każ huwa ġenwin u għandu bżonn assistenza? Jista' dan il-ġuvni jiġi nformat bl-iżviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Benefiċċji soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara għaliex single mother li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha żewġt itfal jgħixu d-dar magħha, kulma għandha assistenza soċjali hu Lm149.28c u ma tieħu l-ebda manteniment? Peress li din qed tħoss li dan il-benefiċċju huwa veru baxx, jistax jiġi rivedut u tiġi nformata b l-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Leg 10 PQ #25175 Sitting 517 2007-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Timeshare touts

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2007 sal-lum, x'passi ttieħdu kontra timeshare touts li għadhom jaggredixxu u jdejqu lit-turisti b'mod aggressiv fi Triq it-Turisti u Triq it-Tamal f'Buġibba?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-lum, ittieħdu passi kontra ħames promoturi tat-timeshare magħrufa aħjar bħala OPCs (Outside Promotional Contacts). Ittieħdu l-miżuri sabiex jiġu mmultati globalment Lm 2,200. Il-multi li ġew imposti fuqhom u fuq il-kumpanija li timpjegom kienu hekk: · Żewg multi ta’ Lm200 kull waħda talli ħbew id-dokument li jidentifikhom bhala OPC u li jrid ikun eżibit seww; · Żewg multi ta’Lm200 kull waħda talli tlajjaw quddiem ħanut kummerċjali; · Multa ta’Lm200 talli kkomunika mat-turisti minn ġol-vettura tiegħu; · Multa ta’Lm200 talli bagħbas id-dokument li jidentifikah bhala OPC u · Multa ta’ Lm1000 talli kien aggressiv mat-turisti. Fl-istess perijodu saru disa u sebgħin check fuq OPCs f’Buġibba u l-Qawra kif wkoll lokalitajiet oħra fejn it- timeshare jiġi rriklamat,. Sa l-aħħar tas-sena 2006 min mindu ħarġu r-regolamenti f’Mejju 2006 li jistipulaw diversi miżuri sabiex imġieba hażina tal-OPC tkun ikkontrollata, ttieħdu passi kemm bi twissijiet u multi għal valur ta’ Lm 5,300 kontra ħmistax-il OPC. Sabiex l-infurzar ta’ dawn ir-regolamenti jkun aktar effettiv, f’nofs April ta’ din is-sena ġew impjegati żewġ spetturi b’kuntratt definit li xogħolhom primarjament hu s-sorveljanza kontinwa tal-OPC f’inħawi msemmija.
Leg 10 PQ #25202 Sitting 517 2007-04-24 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Proġetti ta' tisbiħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-sitt proġetti ta' tisbiħ li ġew proposti bħala parti mit-titjib tal-prodott turistiku? Min huma l-periti nkarigati minn dawn il-proġetti, kif intgħażlu u kemm tħallsu professional fees s'issa fuq kull proġett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi s-sitt proġetti ta’ tisbieh proposti bħala parti mit-titjib tal-prodott turistiku huma dawn: · Id-diżinn mill-gdid ta’ Pjazza Sant’ Anna f’ Marsaskala · Ġnien Belvedere f’Pembroke viċin tliet lukandi ewlenin · Faċilita edukattiva, ġnien u promenade fil-Qawra · Tisbiħ tat-triq tul il-baħar f’San Pawl il-Baħar · L-iżvilupp tal- bajja Ix-Xtajta tal-Qawra f’San Pawl il-Baħar · It-titjieb tal-bajja f’Fond Għadir f’ Tas-Sliema. F’Diċembru ta’ l-2006, l-MTA ħarġet sejħa għal servizzi ta’ konsulenza ta’ arkitettura. Minn dawk li wrew interess, l-MTA għazlet erba’ kumpaniji biex jaħdmu fuq dawn il-proġetti wara evalwazzjoni ta’ kriterji relevanti. Dawn kienu Bezzina & Cole, Alfred Grech & Associates, Grech, Cassar & Ebejer Partners u Edward Bencini & Associates. L-MTA iddeċidiet ukoll li l-kumpaniji l-oħra li wrew interess u ma ntagħżlux jinżammu bħala pool li minnhom tkun tistgħa tagħżel biex jitqabbdu fuq proġetti oħra li l-MTA jkollha fil-futur. Fil-każ tar-raba’ proġett li jidher fil-lista hawn fuq, irrid ngħid li l-perit kien ġie magħzul mill- Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Bahar peress li dan hu progett li ġie moghti lill-MTA mill-Kunsill Lokali biex eventwalment l-Awtorita' tikkonsidrah għall-iffinanzjar mill-Fondi Strutturali. S’issa għadu ħadd ma tħallas għal dan ix-xogħol.

San Pawl il-Baħar — Water culvert

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24862 u jgħid jekk hux ippjanat li jsir culvertgħall-ilma tax-xita fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar? Jekk fl-affermattiv dan il-culvertgħandu l-permess tal-MEPA? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li turi r-rotta ta' dan il-culvert?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24872 u jgħid x'faċilitajiet huma ppjanati li se jiġu pprovduti sabiex persuni jkunu jistgħu jaqsmu b'mod safeil-bypassta' San Pawl il-Baħar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li hu ppjanat li jiġu nstallati Pelican Lights għal area f’Tal-Fjuri, kif ukoll zebra crossings madwar ir-roundabout ta’ l-Erba Mwieżeb, u tax-Xemxija.

Mtarfa bypass

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24671 u 24846 u jara li l-fetħiet li hemm fis-centre strip ta' Mtarfa bypass jingħalqu minnufih għax huma ta' periklu kbir għal kull min jgħaddi minn din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra

VRT test

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm vetturi għamlu l-VRT matul is-sena 2006 maqsumin skond il-kategorija tal-vettura? Kemm minn dawn il-vetturi fallew it-test? Jista' jagħti l-lista tal-VRT stations u jgħid kemm vetturi fallew it-test tal-VRT f'kull station separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li matul l-2006 kien hemm 117,951 vettura li għamlu t-test inizjali. Dawn kienu jikkonsistu f’107,304 vettura fil-kategorija t-Tieni Klassi (vetturi li l-piż gross tagħhom hu taħt it-3.5 tunnellata) u 10,647 vettura fil-kategorija tat-Tielet Klassi (vetturi li l-piż gross tagġhom u 3.5 tunnellata jew aktar). Kien hemm 14,124-il vettura li m’għaddewx mit-test inizjali. Dawn kienu jikkonsistu fi 12,223 vettura tat-Tieni Klassi u 1,901 vettura tat-Tielet Klassi. Ma nħossx li l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-mistoqsija tingħata.