Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xemxija — Triq n-Nawfraġju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq in-Nawfraġju (Shipwreck promenade) Xemxija, hijiex se tiġi rranġata billi qed issir ħsara kbira lill-boathouses li hemm taħt? Jekk iva, meta se jsir? Billi wħud minn dawn il-boathouses qegħdin fi stat perikoluż x'se jagħmel il-Gvern biex jiġu kompensati s-sidien li issa ma jistgħux jużawhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-obligu li jiġu rranġati s-soqfa tal-boat houses huwa tas-sidien u dan ma jistax jġorru l-Gvern Ċentrali. Meta jinqalaw is-soqfa, il-Gvern Ċentali jerġa’ jagħmel it-triq għas-spejjeż tiegħu.

Ta' Xbiex — Xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-Xatt, Ta' Xbiex hux se jiġi resurfaced mill-Gvern bħalma sar ġo lokalitajiet oħra fejn il-kunsill m'għandux fondi biżżejjed biex isir dan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita' dwar it-Trasport m'għandux pjanijiet sabiex isiru x-xogħlijiet indikati fil-ġejjieni mmedjat.

Djar mwaqqa'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twaqqgħu djar jew bini ieħor biex minflokhom jinbnew strutturi oħra ġo l-Imsida, Ġżira, Sliema, San Ġiljan kull sena għal dawn l-aħħar 5 snin? X'tiela' flok dawk li twaqqgħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Swieqi — Sistema tat-toroq

Question

Billi dan l-aħħar ħafna residenti fis-Swieqi qed jilmentaw minn tibdil li sar fis-sistema tat-toroq li uħud isiru one way għal ħafna inkonvenjent, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' dwar it-Trasport hiex qed tikkonsidra xi tibdil b'konsultazzjoni mar-residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li b’riferenza għas-sistema tal-one way tas-Swieqi it-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku ltaqa’ mall-Kunsill Lokali fejn saret riferenza għal tali sistema ta’ one way iżda t-Taqsima għad ma rċevietx proposti konkreti għal xi tibdil.

Qasam tal-mastrudaxxa — Promozzjonijiet

Question

In vista tal-fatt li ħarġu divesi sejħiet għal promozzjonijiet fil-varji snajja', jista' l-Ministru jgħid hux il-ħsieb li jingħataw promozzjonijiet fil-qasam tal-mastrudaxxa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-Management and Personnel Office fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħareġ dawn is-sejħiet għal ħaddiema fis-sena ta’ mastrudaxxa: Technical Officer (Carpenter) Tradesman / Senior Tradesman (Carpenter)

Pensjoni

Question

Tista' l-Ministru ġentilment tara jekk il-persuna minn Ħal Tarxien, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hix se tkun intitolata għal xi pensjoni meta jagħlaq il-61 sena dalwaqt peress li huwa kien għamel żmien emigrat l-Awstralja bejn l-1972 u l-1993?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Pembroke — Proġett tal-Belvedere

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-proġett tal-Belvedere li għandu jiġi ppjanat ġewwa Pembroke?

Response (ZAMMIT, NINU)

Infurmat li ma hemmx pjanijiet lil fil-futur immedjat isir xi belvedere f'Pembroke.

Pembroke — Slipway

Question

Jista' l-Ministru jagħti xi tagħrif dwar meta se ssir is-slipway ġewwa Pembroke u x'qiegħed iżommha milli ssir?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi kien hemm żewġ siti proposti mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke għal din is-slipway. L-ewwel sit ħareġ permess fuqu, PA 4274/04 tad-29 ta’ Marzu 2004 iżda, il-Malta Resources Authority oġġezzjonat għalih peress li hu viċin wisq ta’ l-impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Pembroke. Fuq it-tieni sit, saret applikazzjoni lill-MEPA PA 0754/06 fit-3 ta’ Frar 2006. Sussegwentement, tħejja rapport minn ġeoloġista. Dan ir-rapport ġie sottomess lill-MEPA. Sal-lum, il-MEPA għadha ma ħarġitx il-permessi sabiex isir dan ix-xogħol.

Alcohol — Persuni taħt l-eta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna taħt is-16-il sena inqabdu jikkonsmaw alkoħol mill-bidu ta' Jannar ta' din is-sena s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija m'għandhiex din l-informazzjoni peress li l-Att III ta' l-2007, li jipprojbixxi l-konsum ta' alkoħol minn persuni ta' taħt is-sittax-il sena, għadu ma daħalx fis-seħħ.

Pembroke — Bini ta' skola

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinbena l-iskola l-ġdida ġewwa Pembroke?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li t-‘tender’ ġiet ippublikata u tagħlaq fl-10 ta’ Mejju 2007. Ix-xogħol jinbeda meta jkollna ‘Letter of Acceptance’ mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Marbut magħha hemm ukoll il-permess tal-MEPA.

White Rocks

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qiegħed isir fuq is-sit tal-White Rocks? Jista' jgħid hux se jingħalaq il-fencing peress li hu miftuħ għal diversi perikli u abbużi u jekk il-pulizija humiex qegħdin imorru fuq patrols f'din l-area?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel l-ewwel parti tad-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Rigward il-kwistjoni tal-fencing, ser jiġi studjat x'passi jistgħu jittieħdu biex għal darb'oħra jerġa' jingħalaq. Ninsab infurmat ukoll li jsiru patrols regolari fl-area tal-White Rocks f'San Ġiljan u fl-inħawi tal-madwar mill-pulizija distrettwali, fosthom ispezzjonijiet għal ksur tar-regolamenti tal-kaċċa, u kull abbuż ieħor.

Yacht Marina Court — Ħmieġ u żdingar

Question

Jaf il-Viċi Prim Ministru li fid-drive intaħt binja ta' blokk appartamenti fil-Yacht Marina Court, Block 4, hemm ħmieġ u żdingar? X'beħsiebu jagħmel fil-qarib biex jelimina dan l-inkonvenjent?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Naxxar — Zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jara li fi 21st September Avenue, Naxxar ikun hemm zebra crossing fejn il-MUSEUM? Jara li din hija ħtieġa urġenti għas-salvagwardja tat-tfal li jattendu ċ-ċentru tal-MUSEUM?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku rriżulta li m’hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali sabiex issir Zebra Crossing fi Vjal 21 ta’ Settembru. Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima rriżulta li hemm Zebra Crossing fi Vjal 21 ta’ Settembru biswit k/m Triq Zenqa.

Biċċa art miftuħa — Ħajt

Question

Wara li l-Ministeru ta' l-Ambjent ħabbar li kulmin għandu biċċa art miftuħa huwa obbligat jibni ħajt madwarha, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min se jkun responsabbli biex jibni ħitan ma' artijiet li l-gvern esproprija iżda issa ma baqgħalux użu għalihom?

Response (BORG, TONIO)

Hija l-policy tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern li tirritorna lura lis-sidien, artijiet li l-Gvern ikun esproprija iżda issa ma baqagħlux użu għalihom.

Sptar San Luqa — Kuntratturi tat-tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi tat-tindif li ngħataw kuntratt matul is-sena 2006 għal xogħol fl-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-uniku kuntrattur ta' tindif li ngħata kuntratt b'tender matul is-sena 2006 fl-isptar San Luqa kien: Joseph Degiorgio Degiorgio Buildings Triq l-Għerusija Balzan

Birgu — Restawr ta' statwa

Question

Wara li x-xogħol ta' restawr li sar fuq l-istatwa ta' San Lawrenz fil-pjazza tal-Birgu issa tlesta, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex isir xogħol simili ta' restawr fuq l-istatwa ta' San Duminku fl-istess belt tal-Birgu? Meta ser jibda dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li r-restawr fuq l-istatwa ta’ San Duminku fil-Birgu huwa inkluż fil-programm ta’ xogħlijiet u ser jitwettaq hekk kif jitlestew diversi xogħolijiet oħra ta' restawr li huma diġa ppjanati.

Single parents — Benefiċċju soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' single parents f'Malta u f'Għawdex , separatament, li jieħdu benefiċċju għal dan il-għan? Kemm minnhom għandhom wild wieħed biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali għal Ġenitur Singlu f’Malta hu 1908, li minnhom 1407 għandhom wild wieħed, u f’Għawdex hu 45, li minnhom 41 għandhom wild wieħed.