Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25167 li oriġinarjmanet saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u li issa ġiet riferita lilu, fl-aħħar ħames snin kemm kien hemm bottle shops li qabel kienu liċenzjati mid-dipartiment tal-kummerċ u li mbagħad bdew ikunu liċenzjati mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu? X'rekwiżiti jkollu stabbiliment biex jagħmel trasferiment bħal dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-liċenzji ta' Bottle Shops jinħarġu mid-Diviżjoni tal-Kummerċ jekk ix-xorb ma jiġix ikkunsmat fil-post, iżda l-bejgħ ikun bl-imnut jew bl-ingrossa. Jekk ix-xorb jista jiġi kkunsmat fil-post allura l-liċenzja tinħareġ mill-MTA.
Din is-sistema ilha titħaddem mill-2002 u min meta l-liċenzji ma baqgħux jinħarġu mill-Pulizija u bdew jinħarġu mid-diversi Awtoritajiet Kompetenti, fosthom id-Direttorat tas-Servizzi tal-Kummerċ.
Dwar il-kumplament tad-domanda l-informazzjoni mitluba tkun tista tingħata wara li tinġabar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24860 li saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, jista' jara li jsir arranġament ma' l-inkwilin, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, biex jibda jħallas il-kera pendenti li għandu ma' l-Awtorita' tad-Djar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-inkwilin imsemmi ingħata żmien biżżejjed sabiex iħallas il-kera li għandu jagħti lid-Dipartiment tal-Artijiet. Peress li ilu aktar minn sitt snin ma jħallas, id-Dipartiment kellu jieħu azzjoni kontra tiegħu li waslet għal ħruġ ta' Mandat ta' Qbid. Madankollu ma huwa iżomm xejn li l-inkwilin jagħmel kuntatt mas-Sezzjoni ta' Ġbir ta' Kera tad-Dipartiment tal-Artijiet biex iħallas dak kollu li għandu jagħti lill-Gvern.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-parti ta' Triq San Pawl fl-Imġarr li qiegħda ssir bħalissa hijiex tinbena fuq il-linja t-tajba peress li tidher li qiegħda toħroġ 'il barra mil-linja tat-triq eżistenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol li qiegħed isir fi Triq in-Naħal, Mosta huwiex ta' kwalita' aċċettabbli peress li jidher li partijiet minnha diġa' inqalgħet u se jerġa' isir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li ftit wara li bdew ix-xogħlijiet fi Triq in-Naħal Mosta, il'waste water section' tal-WSC infurmaw l-ADT rigward tibdil ta' mains tad-Drenaġġ f'din it-triq. It-tibdil ta' dan il-main sar mill-kuntrattur tal-WSC. Wara li saru t-testijiet meħtieġa fuq dan ix-xogħol irriżulta' li l-kwalita' tal-materjal llli intuża bħala backfilling għal din it-trinka ma kienx konformi ma' l-istandards tal-ADT u b'hekk l-ADT ħadet il-passi meħtieġa biex dan il-materjal ħażin jitneħħa u jinbidel. Ix-xogħol fit-triq in-Naħal ser jitkompla bil-proċeduri normali skond standards tal-ADT.
Diviżjoni tal-konsumatur u l-kompetizzjoni — Direttur ġenerali
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 25341 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki - u f'liema qasam huma - tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li qegħda tokkupa l-pożizzjoni ta' direttur ġenerali fid-diviżjoni tal-konsumatur u l-kompetizzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25435/10/1.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 24806 u 24631 u jgħid matul is-sena 2006 liema proġetti f'Malta u Għawdex saru b'fondi (in parti jew totali) ta' l-Urban Improvement Fund tal-MEPA? Liema proġetti se jiġu ffinanzjati minn dan il-fond matul is-sena 2007?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 25342 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm uffiċjali applikaw għall-post ta' direttur ġenerali fid-diviżjoni tal-konsumatur u kompetizzjoni? Jista' jgħid kull wieħed u waħda mill-applikanti xi kwalifiki u esperjenza għandhom? Jista' jgħid jekk sarx short-listing ta' dawn l-applikazzjonijiet? Jekk iva, jista' jgħid min ġie short-listed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 4 applikanti għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali fid-Diviżjoni tal-Konsumatur u Kompetizzjoni. Il-kandidati kollha ġew intervistati mis-Senior Appointments Advisory Committee.
F’dan il-livell il-ħatriet isiru għat-termini ta’ Artikolu 92(4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, billi jiġi identifikat l-aktar persuna idonea għall-pożizzjoni partikolari.
M’hijiex etika li jingħataw dettalji personali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 25340 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy dwar ir-reġistrazzjoni ta' karozzi second hand li jinxtraw minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas għar-reġistrazzjoni ta' dawn il-karozzi skond it-tipi differenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li vetturi second hand li jiġu mpurtati mill-Unjoni Ewropeja issirilhom valwazzjoni ta’ kemm jiswew mit-“Technical Unit” tad-Direttorat tal-Liċenzji u Ttestjar. Dawn jibbażaw l-evalwazzjoni tagħhhom fuq il-ktieb li jismu “Glass’s Guide Car Value” u li joħroġ kull xahar minn Eurotex Glass’s Automotive Business Intelligence. Wara l-evalwazzjoni titħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq il-vettura skond l-Att dwar it-Taxxa ta’Reġistrazzjoni ta’ Vetturi.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-ex ħaddiema tas-Sea Malta se jieħdu n-notice money u t-terminal benefits?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-likwidaturi tas-Sea Malta huma preżentament suġġett ta' deċiżjoni tal-Qorti dwar konkors tal-kredituri li jikkontendu li għandhom privileġġ jew privileġġi skond il-Liġi.
Il-likwidaturi jiġu iggwidati biex jipproċedu kif l-Qorti ta' Malta tiddeċiedi l-meritu tal-każ.
Jista' l-Ministra jara x'passi immedjati jista' jimplimenta sabiex student indixxiplinat, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jattendi l-iskola ta' Hal Għaxaq (Filippo Castagna) qed ikun ħtija ta' sfrattu sħiħ, jiġi addestrat jew ikollu superviżjoni stretta fuqu sabiex ma jkunx ta' detriment għall-istudenti l-oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudent imsemmi ma jattendix l-iskola Primarja ta' Ħal Għaxaq. Jista' jinformani fejn jattendi skola anke privatament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm condominia rreġistrati skond l-Att dwar il-Condominia? Barra minnhekk il-Gvern għandu statistika kemm-il binja f'Malta hija condominium?
Response (BORG, TONIO)
L-Att dwar il-Condominia (Kap. 398) jobbliga lir-Reġistratur ta' l-Artijiet sabiex jirreġistra:
a. l-amministraturi ta' condominia [Artikolu 15(5)] u
b. ir-regoli li jirregolaw condominia [Artikolu 24(3)]
u mhux il-Condominia nnifishom.
Ninsab infurmat illi sa llum, hemm mija u wieħed u sittin (161) condominium illi rreġistraw l-informazzjoni hawn fuq imsemmija mar-Reġistru ta' l-Artijiet.
Infurmat ukoll illi r-Reġistru ta' l-Artijiet ma jżommx statistika dwar kemm il-binja f'Malta hija condominium.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23062 jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li joħorġu l-promozzjonijiet f'dan ir-rigward u jekk fl-affermattiv meta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li fit-12 t’April 2007 ħarġet sejħa permezz taċ-Ċirkulari tal-MPO Nru. 49/2007 għall-postijiet ta’ Assistant Technical Officers (ATOs) fid-Dipartiment għall-Manifattura u s-Servizzi (MSD) kif indikat hawn taħt:
A.T.O. (Lifts)
A.T.O. (Stores)
A.T.O. (Metal Trades)
Din is-sejħa tagħlaq fl-4 ta’ Mejju 2007.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25040 u jgħid Malta kemm irċeviet għajnuna finanzjarja u għajnuna oħra mill-pajjiżi barranin kollha, kemm Ewropej u kemm m'humiex mill-1964 sal-lum u dan in forza ta' protokolli finanzjarji u kull ftehim ieħor bilaterali u kull inizjattiva oħra politika mill-gvernijiet rispettivi? Għal liema skop intużaw dawn il-fondi u ċioe' f'liema proġetti ġew applikati f'kull każ matul l-istess perijodu? Kemm irċevejna pre-accession funds mill-EU u kemm irċevejna fondi mill-2003 sa l-2006 mill-EU? Għal liema proġetti ntużaw l-istess fondi mill-EU?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 25040.
Jikkonferma l-Prim Ministru illi ċertu computers fl-Uffiċċju ta' l-Istatistika ilhom xhur bil-ħsara? Kemm għamlet kollettivament overtime t-technical section ta' l-Istatistika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jindika l-artikolu tal-Liġi li jistipula t-terminu li fiħ wieħed għandu jippreżenta rikors ġuramentat wara li l-Qorti tkun laqgħet talba għal ħruġ ta' mandat ta' inibizzjoni u dan stante li skond ma jirriżulta minn diversi digrieti mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) dan it-terminu tneħħa mill-leġislatur bi żball?
Response (BORG, TONIO)
Il-punt legali sollevat mill-Onor. Interpellant qed jingħata l-konsiderazzjoni meħtieġa.
Jista' jkun daqstant ġentili l-Ministru u jintervjeni sabiex jiġu indirizzati numru ta' mistoqsijiet li numru ta' ħaddiema li jaħdmu mal-Kunsill Malti għall-Isport ( u li għandhom fixed term contract) għandhom dwar il-ġejjieni tagħhom fid-dawl tar-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea meta dawn il-kuntratti jiskadu (jew skadew)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qed issir ħidma fid-dawl tar-Regolamenti l-ġodda dwar il-kuntratt fuq zmien definit.
B'referenza għat-tender nru. advt. no. 9/2006, tista' l-Ministru tgħid kemm tenders intefgħu? Minn min? Kemm kienet l-offerta ta' kull offerent? Min ħa t-tender u x'kienu l-kriterji għal dan l-għażla?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li intefgħu dawn it-tliet offerti għat-tender Advert Nru 9/2006:
Eagle Security System Lm 1977
Vss Ltd Lm 2492.63
Alberta Ltd Option 1 Lm 3222
Option 2 Lm 1414.42
L-offerta ingħatat lil VSS Ltd peress li l-Bord ta' l-Evalwazzjoni sab li kienet l-irħas tender li kienet konformi mal-kriterji mitluba fit-tender.
Ninsab infurmata wkoll li wieħed mill-kuntratturi talab spjegazzjoni għaliex it-tender tiegħu ġiet imwaqqa' u bħalissa din it-talba qed tiġi imwieġba.
Peress li l-partijiet tat-triq bejn l-Marfa u ċ-Ċirkewwa li ma ġewx asfaltati huma fi stat ħażin ħafna, jista' l-Ministru jgħid meta ser isir dan ix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid minn meta beda jintuża l-NGO centre biex isiru s-seduti għat-tribunal lokali? Inoltre tista' tgħid jekk sarux xi xogħlijiet fil-premises biex ikun jista' jilqa' lill-pubbliku għal dawn is-seduti? Jekk fl-affermattiv tista' tgħid x'kienu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-permess biex jibda jintuża l-NGO centre biex isiru s-seduti għat-tribunal lokali ingħata fit-12 ta' Jannar 2008.
Ix-xogħol li sar dan l-aħħar kien jinkludi tibdil ta' madum.