Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #25060 Sitting 519 2007-04-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Produzzjoni ta' faqqiegħ

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien it-tunnellaġġ tal-produzzjoni lokali tal-faqqiegħ matul l-ewwel tliet xhur tas-sena f'Għawdex? Tista' tipprovdi l-istess tagħrif għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li skond l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika fl-ewwel tlett xhur tas-Sena 2003 inbiegħu 9 tunnellati ta' faqqiegħ prodott Għawdex miċ-Ċentri tal-pitkalija. Jiena nfurmata wkoll li ma inżammetx statistika għas-snin oħra.
Leg 10 PQ #25061 Sitting 519 2007-04-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Produzzjoni tal-ħaxix frisk

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien it-tunnellaġġ tal-produzzjoni lokali tal-ħaxix frisk matul l-ewwel tliet xhur tas-sena f'Għawdex? Tista' tipprovdi l-istess tagħrif għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin sena' b'sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li skond l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika l-bejgħ ta' ħaxix frisk prodott Għawdex, miċ-Ċentri tal-Pitkalija fl-ewwel tlett xhur ta' kull sena huwa kif jidher fl-iskeda ta' hawn taħt: Sena Tunnellaġ 2003 943 2004 972 2005 817 2006 713 L-informazzjoni għas-sena 2007 tingħata aktar 'il-quddiem f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #25062 Sitting 519 2007-04-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Produzzjoni tal-frott frisk

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien it-tunnellaġġ tal-produzzjoni lokali tal-frott frisk matul l-ewwel tliet xhur tas-sena f'Għawdex? Tista' tipprovdi l-istess tagħrif għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin sena' b'sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li skond l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika l-bejgħ ta' frott frisk prodott Għawdex, miċ-Ċentri tal-Pitkalija fl-ewwel tlett xhur ta' kull sena huwa kif jidher fl-iskeda ta' hawn taħt: Sena Tunnellaġ 2003 132 2004 76 2005 247 2006 153 L-informazzjoni għas-sena 2007 tingħata aktar 'il quddiem f'xi seduta oħra.

Kontijiet tad-dawl u ilma — Arretrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' households u intraprendituri separatament li fil-preżent għandhom arranġament sabiex iħallsu l-arretrati tal-kontijiet pendenti għall-konsum tad-dawl u l-ilma? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena? Għal kemm snin imur lura l-aħħar pagament dovut?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ arranġamenti li ġew iffirmati mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex iħallsu l-arretrati tal- kontijiet pendenti għall-konsum tad-dawl u l-ilma, huwa hekk kif elenkat fit-tabella hawn taħt: 01/01/07 sa 17/04/07 2006 2005 2004 2003 Household Accounts 611 1,105 NA NA NA Commercial Accounts 41 225 NA NA NA TOTAL 652 1,330 1,235 1,587 698 Matul is-snin 2003, 2004 u 2005, il- Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma kienet tiġbor in-numru ta’ arranġamenti bħala ċifra globali u mhux kategoriżżati. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, il-Korporazzjoni ma tistax tgħati din l-informazzjoni għaliex mhix miżmuma skond kif inhi mitluba. Globalment il-Korporazzjoni Enemalta għandha 77 “active agreements” li huma maqsumin kif ġej: 56 Postijiet Kummercjali 21 Postijiet Industrijali Rigward it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni Enemalta ma żżommx din it-tip ta' informazzjoni.

Kontijiet tal-VAT — Arretrati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni/kumpanniji (separatament) li fil-preżent għandhom arranġament sabiex iħallsu l-arretrati tal-kontijiet tal-VAT? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena? Għal kemm snin imur lura l-aħħar pagament dovut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Junior Lyceum/skejjel tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-kumitat li qed jieħu ħsieb jistudja l-eżami għad-dħul fil-Junior Lyceum u fl-iskejjel tal-Knisja? Meta huwa maħsub li joħroġ ir-rapport?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol qiegħed fi stadju avvanzat.

Marsa — Sports complex

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol huwa ppjanat li jsir fuq il-bini amministrattiv ta' l-isports fil-Marsa? Jista' jgħid ukoll jekk id-dawl artifiċjali fl-istadium Micallef St.John hux se jitjieb biex ikunu jistgħu jsiru avvenimenti fil-għaxija?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Tagħlim dwar l-ikel u x-xorb

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24464, jista' l-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika kemm-il darba saru laqgħat/seminars mill-HESC - Home Economics Seminar Centre - fuq programmi fuq is-saħħa, ikel u nutriment? Meta saru u liema skejjel kienu mistiedna f'kull każ u kemm attendew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Home Economics Seminar Centre (HESC), li jagħmel parti mid-Dipartiment tal-Kurrikulu fi ħdan id-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni, jorganizza seminars u laqgħat matul is-sena skolastika kollha. Izomm dawn l-interventi edukattivi kemm fil-post li jinsab fil-kumpless ta' l-iskola Primarja ta' Birkirkara kif ukoll barra l-post, fl-iskejjel u f'ċentri edukattivi u komunitarji. Mill-bidu ta' din is-sena skolastika sal-20 ta' April 2007, il-HESC organizza seminars/laqgħat b'konnessjoni ma' xogħol iffokat fuq is-saħħa, l-ikel u n-nutriment fi 72 skola statali, 14 skejjel mhux statali li fihom ħadu sehem 6177 student u 929 ġenituri.

Uffiċjali tal-promozzjoni tas-saħħa — Taħditiet fl-iskejjel dwar l-ikel u x-xorb

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta u f'liema skejjel saru taħditiet minn uffiċjali tal-promozzjoni tas-saħħa dwar liema ikel u xorb huwa tajjeb għall-istudenti f'din is-sena skolastika?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Din is-sena skolastika bħall-snin oħrajn, saru diversi interventi fl-iskejjel dwar ikel nutrittiv skond id-domanda li d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa kellu mill-iskejjel. Barra minn hekk, id-Dipartiment ukoll jisħaq li ma jkoprux biss taħdidiet, iżda proġetti sħaħ biex jitwassal il-messaġġ. Wieħed minn dawn il-proġetti huwa Shape Up, proġett li qed isir fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni u li jindirizza l-obesita' mill-aspetti kollha, inkluż l-aspett soċjali, kulturali u politiku. L-iskejjel li qed jieħdu sehem f'dan il-proġett mhux biss jgħallmu dwar l-ikel u xorb tajjeb għas-saħħa, iżda għażlu biex jaħdmu fuq aspetti ta' saħħa li jikkonċernaw lilhom direttament. Kull skola qed torganiżża ukoll Shape Up Week bħal kumplament tal-pajjiżi, fejn ser isiru attivitajiet ta' sports u ikel bnin li jinvolvi l-ġenituri u l-komunita' fejn tinsab l-iskola. Meta jsiru dawn l-attivitajiet, dejjem isiru ukoll taħdidiet għall-ġenituri tat-tfal minn uffiċjali tad-Dipartiment. Il-Healthy Breakfast ukoll baqa' jsir fl-iskejjel, proġett fejn it-tfal jitgħallmu kif jibdew il-ġurnata b'kolazzjon tajjeb. Hawnhekk ukoll isiru interventi għall-ġenituri, li minbarra taħdidiet, jikkonsistu wkoll minn ideat prattiċi. Taħdidiet bħall dawn isiru f'kull tip ta' skejjel, jiġifieri primarji, sekondarji u post sekondarji, u kemm f'ta' l-istat, tal-knisja u dawk indipendenti f'Malta u f'Għawdex. Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa ma jżommx statistika komprensiva kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irtiraw għalliema bl-eta' f'din is-sena skolastika? Kemm minnhom kienu jgħallmu fl-iskejjel primarji u sekondarji? Jista' jgħid ukoll kemm se jirtiraw sa l-aħħar ta' Settembru meta tibda sena skolastika oħra? X'suġġetti kienu jgħallmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : In-numru ta' għalliema li rtiraw bl-eta' f'din is-sena skolastika (Settembru 2006 sa 18 ta' April 2007) li kienu jgħallmu fl-iskejjel : Primarji 23 Sekondarji 38 Oħrajn 6 Total 67. In-numru ta' għalliema li rtiraw bl-eta' f'din is-sena skolastika (mid-19 ta' April 2007 sa Settembru 2007) li kienu jgħallmu fl-iskejjel : Primarji 1 Sekondarji 10 Oħrajn 1 Total 12. Informat li dawn l-għalliema kienu jgħallmu bosta suġġetti.

Appartament tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 24763 u tgħid jekk post li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex battal jew x'inhi l-pożizzjoni fir-rigward tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-każ għadu qed jiġi nvestigat mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Mellieħa — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim (kuntratt) li sar bejn il-gvern u l-privat (Care Malta) għall-bini tad-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Żieda ta' l-għoli tal-ħajja

Question

Tista' l-Ministru tara jekk anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ħaditx iż-żieda ta' l-għoli tal-ħajja, għax skond din l-anzjana jidher li ħadithiex? Tista' tittieħed azzjoni u tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hemmx xi kumpens mill-gvern jew mill-Unjoni Ewropea għal dawk li jridu jtellgħu ħitan tas-sejjieħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-għajnuna finanzjarja li tingħata b’kuntratt taħt l-iskema ta’ l-Iżvilupp Rurali għandha tibqa’ tingħata wara li tiġi l-approvazzjoni tal-Pjan ta’ Żvilupp 2007-2013 mill-Unjoni Ewropea.

Pensjoni tal-wens

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija ma' din il-mistoqsija li kopja tagħha qed tintbagħat separatament, tista' l-Ministru tara jekk is-servizz ta' iben li jdur bil-ġenituri tiegħu ġietx approvata? Tista' din il-persuna tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Servizz Pubbliku — Skrivani

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il skrivan każwali hemm attwalment mas-servizz ċivili? Kemm-il skrivan tal-post hemm mas-servizz ċivili u kemm hemm skrivani anzjani mas-servizz ċivili? Kemm-il post hemm vakanti għal skrivana mas-servizz ċivili? Kemm-il post hemm vakanti għal uffiċjali eżekuttivi mas-servizz ċivili? Kemm u kif se jimtlew il-postijiet vakanti mas-servizz ċivili, jiġifieri min jimla' l-post fir-rigward ta' dawk li llum huma skrivani anzjani jew skrivani li jaqgħu taħt l-iskrivani anzjani? Kemm u kif se jimtlew il-postijiet vakanti mas-servizz ċivili għal posting ta' skrivan, li fosthom hemm l-iskrivani każwali li jistgħu japplikaw flimkien ma' individwi minn barra ċ-ċivil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fis-Servizz Pubbliku hemm 117 Skrivani Każwali, 1006 Skrivani u 713 Skrivani Anzjani. Il-vaganzi fil-gradi ta’ Skrivan u Uffiċjal Eżekuttiv jiġu determinati skond il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku minn żmien għal żmien. Il-postijiet ta’ Skrivan Anzjan jimtlew permezz ta’ promozzjonijiet li jsiru skond il-provvedimenti tal-Ftehim milqugħ mal-Unions fl-1993 dwar il-Klassifikazzjoni, Assimilazzjoni u Ristrutturar tal-Gradi fis-Servizz Ġenerali wara għaxar snin servizz sodisfaċenti fil-grad ta’ Skrivan. Vaganzi li jinħolqu ta’ Skrivani Kawżali jimtlew skond il-ħtieġa permezz ta’ l-iskema ta’ Sostituti Każwali.

MEPA — Permessi għal bini ta' stallel taż-żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn il-MEPA għandha identifikat biex tagħti permessi għall-bini ta' stallel taż-żwiemel u jekk għandhiex xi policy partikolari dwar dan il-qasam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħejjiet policy "Agriculture, Stables and Farm Diversification" li fost l-oħrajn titratta stalel taż-żwiemel. Din il-policy ġiet approvata mill-Awtorità u issa tressqet għall-approvazzjoni tal-Gvern.

Agro-turiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern rigward l-agro-turiżmu? Jekk hemm politika dwar dan is-settur, għal liema nħawi ta' Malta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura jikkonsidra l-Agro-turizmu bħala settur ieħor importanti għall-industrija tat-turizmu, u li dan jista jikkontribwixxi ħafna favur il-problemi ta' l-istaġjonalita'. Is-suċċess għall-iżvilupp ta’ dan jiddependi ħafna minn tfassil ta’ linji ta' gwida dwar bini u pjannar, minħabba l-fatt li fil-parti l-kbira tagħhom, il-bini ta’ proġetti bħal dawn jinstabu f’lokalitajiet li huma barra ż-żoni għall-iżvilupp. Għaldaqstant il-Ministeru tat-Turizmu u Kultura is-sena l-oħra issottometta abbozz ta’ proposti lil-MEPA għal kunsiderazzjoni, u fil-fatt f’Novembru tas-sena l-oħra l-MEPA fasslet linji ta’gwida għall konsultazzjoni li għandhom jgħinu l-iżvilupp ta’ din is-settur. Il-Ministeru mhux jirakkomanda li jillimita dan l-iżvilupp f’lokalitajiet partikolari, għalkemm jirrikonoxxi li Għawdex għandu jappella partikolarment għal dan is-suq.

Uffiċċju Konġunt

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12556 tas-seduta 273 tat-30 ta' Mejju 2005, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li mhux il-każ li seħħet l-eviction order bis-serjeta' fil-konfront ta' terzi u dan peress li l-fond indikat reġa' u għadu okkupat mill-istess persuni li suppost fl-istess risposta ta' mistoqsija parlamentari 12556 kienu ġew żgumbrati? Jikkonferma wkoll li għar minn hekk fil-fatt sar saħansitra xogħol strutturali li sa ddaħħal l-eletttriku mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-istess uffiċċju konġunt? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu issa wara dan kollu, u x'se jagħmel fid-dawl ta' dan l-iskandlu fl-apert?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-ordni ta' żgumbrament fil-fatt ġiet esegwita u l-oġġetti kollha li kien hemm fir-razzett ġew imneħħija mill-gvern u l-aċċess għalih ġie magħluq. Il-persuna li ġiet żgumbrata għandha applikazzjoni taħt l-iskema tal-Art Agrikola tal-Gvern biex tiġi rikonoxxuta fil-qbiela tar-razzett u r-raba mdawwar miegħu. L-informazzjoni li ingħatat ma' din l-applikazzjoni għadha qegħda tiġi verifikata. L-Uffiċċju Konġunt ma kellu l-ebda ħjiel jew sehem fid-deċiżjoni ta' l-Enemalta li iddaħħal l-elettriku fil-fond in kwestjoni.

Ħal Qormi — Bini ta' djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-plots fi Triq id-Dragun u t-toroq ta' biswit din l-istess triq, f'Ħal Qormi biex jinbnew djar li sal-lum l-art għadha ma ġietx akkwistata mill-gvern? Jista' jgħid x'inhu t-titolu legali li kienu ngħataw lil min bena d-dar residenzjali tiegħu fuq dawn il-plots25 sena ilu u sal-lum għadhom b'kuntratt ta' konvenju?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22690. Ninsab infurmat illi kull ma jrid jiżdied ma' dik it-tweġiba huwa li minn dakinhar kien hemm żvilupp fis-sens li ġie iffinalizzat l-esproprju ta' Plots 115 sa 116 fi Triq il-Plejju u 118 sa 120 fi Triq s-Sagħtar. Bħalissa għaddej il-proċess biex dawn il-plots jiġu ttrasferiti lill-Awtorita' tad-Djar. Barra minn hekk tlesta wkoll il-proċess ta' trasferiment favur lill-istess Awtorita' tas-sitt plots li kont irreferejt għalihom fit-tweġiba għal mistoqsija li rreferejt għaliha aktar l'fuq.