Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ser jiġri mill-binja fejn kien hemm Radio Malta/Redifussion? Jista' jgħid jekk hix għall-bejgħ? Kemm hu l-valur tagħha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern il-proprjeta' li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant mhix tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'ser jiġri mill-Isptar San Luqa, meta dan jagħlaq? Meta hu mistenni li dan jagħlaq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Parti mill-isptar San Luqa ser tkompli tintuża bħala faċilita' temporanja għar-riabilitazzjoni sakemm tkun lesta l-faċilita' l-ġdida ppjanata li tinbena f'Ħal Luqa. Il- kumplament tal-binja tgħaddi lura f'idejn il-Lands Department.
X'passi qed tieħu l-MEPA kontra dawk li bnew Boat Houses jew kmamar bla permess? Minnu li ser jitwaqqgħu? F'liema lokalita' jinsabu? Kemm hu n-numru ta' kmamar/boat houses?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond il-proċedura stabbilita fil-liġi, kulfejn hemm żvilupp illegali l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tinnotifika b’avviż lis-sid ta' l-art u lil min jokkupaha biex jieqaf ix-xogħol minnufiħ u biex l-art titreġġa’ lura għall-istat li kienet fih qabel ikun sar l-iżvilupp. Hekk sar u għadu qed isir fil-konfront ta' dawk l-individwi li bnew boathouses bla permess.
Bħalma jiġri dejjem, fejn min ikun qed jikser il-liġi ma jneħħix l-illegalità minn jeddu fiż-żmien stipulat bil-liġi, l-każ in kwestjoni ikun riferut għall-azzjoni diretta (direct action) min-naħa ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Sta għall-awtorità li tiddeċiedi meta, fejn u kif sejra twettaq l-azzjoni diretta skond il-prijoritajiet tagħha.
Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Premises
Question
Fejn jinsab id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali? Meta nxtraw jew inkrew il-premises? Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-indirizz tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali hu 77, Triq Maċerata, Floriana. Dan il-bini, li għandu wkoll bieb bin-numru 25, fi Triq Pietro Floriani, Floriana, faċċata ta’ l-uffiċini ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, inkera mill-Awtorita’ fid-9 ta’ Novembru 2006.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ din il-kirja.
Awtorita' tad-Djar — Bejgħ ta' proprjeta' minn sidien privati
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta ġiet mnedija l-iskema biex sidien privati jbiegħu lill-Awtorita' tad-Djar? Kemm saru kuntratti? F'liema lokalitajiet? B'kemm prezz? Fuq kemm units qed nitkellmu? Tista' titpoġġa kopja tal-kuntratti fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22725 f'Seduta Numru 479.
Ninsab infurmata li ma saru ebda konvenji jew kuntratti dwar l-istess skema minn dak inhar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn kaċċaturi liċenzjati maqsuma skond il-kategorija, jiġifieri fuq l-art, fuq il-baħar u għall-fenek?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' liċenzji għall-kaċċa imġedda sa l-aħħar ta' Marzu 2007 kien kif ġej:
Kaċċa mill-art - 11,052
Kaċċa fuq il-baħar - 312
Kaċċa għall-fenek - 1,234
Fir-rigward tal-ftehim dwar eżenzjoni minn ħlas ta' taxxa fir-rigward ta' stock options milħuq bejn is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Tonio Fenech f'isem il-Gvern u l-MUBE dwar il-ħaddiema tal-HSBC, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan japplikax għal ħaddiema oħrajn fis-settur privat li jgawdu minn stock options simili? Jekk le, ma jħossx li dan huwa att diskriminatorju kontrihom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din il-miżura hija applikabbli għal kulħadd, jiġifieri għal kull min jirċievi benefiċċju permezz ta’ skemi ta’ share options ipprovduti minn kumpaniji lill-impjegati tagħhom. Kif imħabbar, il-benefiċċju ser ikun taxxabbli bir-rata favorevoli ta’ 15% taxxa finali.
B'referenza għar-rapporti li dehru fl-istampa lokali li kien hemm avukat prominenti li minkejja li kien qed jitħallas mill-gvern bħala avukat tal-fqar xorta waħda rriżulta minn investigazzjoni li saret li kien qed iżomm il-flus - kontra l-liġi - lil dawn it-tip ta' klijenti. Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-proċeduri biex jittieħdu passi kriminali kontrih?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjonijiet dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant tal-Pulizija ġew konklużi, u fid-9 ta' April 2007, ġiet reġistrata fil-qorti l-akkuża kontra dan l-avukat. Is-smiegħ tal-kawża ġie assenjat lil Maġistrat Dr A Mizzi LL.D., u l-ewwel seduta ġiet appuntata għad-29 ta' Mejju 2007.
Billi hemm żewġ indirizzi differenti dwar ir-rappreżentanza ta' pajjiżna fil-UNESCO f'official directories,jista' l-Ministru jgħid liema huwa l-indirizz korrett?
Filwaqt li qabel ix-xogħol konness mal-UNESCO kien jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ambaxxata Maltija f'Pariġi bla ebda spejjeż żejda billi l-UNESCO qegħda bbażata f'Pariġi, kif tirrikonċilja dan mal-fatt li bħalissa r-rappreżentant tagħna fil-UNESCO huwa bbażat fil-missjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa fi Strasbourg?
Mill-1999 sal-lum, kemm nefaq ir-rappreżetant permanenti Malti għall-UNESCO fi travelling expenses biex jattendi laqgħat tal-UNESCO f'Pariġi u barra Franza? Dan għaliex fl-1999 ir-rappreżentanza tal-UNESCO ġiet detached mill-Ambaxxata Maltija f'Pariġi.
Fil-fatt bħalissa, min qiegħed jieħu ħsiebu l-manning ta' l-Uffiċċju ta' Malta f'Pariġi f'Rue De Longchamp - kif indikat fid-direttorju tal-UNESCO? Dan l-uffiċċju huwa miftuħ fuq bażi full time u jekk iva x'inhuma l-office hours tiegħu? Kemm qed titħallas kera għall-uffiċċju? Hemm xi locally engaged staff impjegati ma' dan l-uffiċċju?
Response (FRENDO, MICHAEL)
M'hemm l-ebda regola dwar ir-rappreżentanza ta' Stat mal-UNESCO. Hemm Stati li għandhom Rappreżentanza Permanenti separata (fil-każ tal-UNESCO tissejjaħ Delegazzjoni Permanenti) b'uffiċċji jew chancery għal rashom u ambaxxatur b'residenza għalih. Hemm oħrajn li jabbinaw id-Delegazzjoni Permanenti ma' xi funzjoni oħra: per eżempju ambaxxata bilaterali f'Pariġi jew fi Bruxelles jew Ġinevra jew Londra.
Fil-każ ta' Malta, mill-1999 'l hawn il-funzjoni bdiet titwettaq mir-Rappreżentanza Permanenti għall-Kunsill ta' l-Ewropa fi Strasbourg. L-Ambaxxatur Licari, ir-Rappreżentant Permanenti għall-Kunsill ta' l-Ewropa, kellu diġa esperjenza bħala Delegat Permanenti għall-UNESCO (1991 - 1996) u sal-lum, huwa l-uniku Malti li ġie elett għal fuq l-Executive Board tal-UNESCO.
Ir-Rappreżentanza ta' Malta fi Strasbourg hi waħda li tonfoq mill-inqas f'personal emoluments u dan għaliex ma timpjega l-ebda segretarja u l-ebda driver. L-ambaxxatur u l-MBO ieħor li jaħdem miegħu huma flessibli biżżejjed biex ilaħħqu max-xogħol li jkun hemm. In-nefqa għal dak li jissejħu operational and maintenance expenses hu ukoll waħda mill-inqas fost il-Missions tagħna.
L-indirizz li semma l-Onorevoli Interpellant f'rue de Longchamp, Pariġi, hu tar-residenza personali ta' l-Ambaxxatur Licari. Il-Gvern Malti qatt ma ħallas l-ebda kera fuq dik ir-residenza u qatt ma ħallas għall-ebda impjegat, la locally engaged u lanqas Malta based, la full-time u lanqas part-time. L-indirizz jintuża l-aktar għall-posta, speċjalment għal dokumenti ta' l-UNESCO. Naturalment jintużaw meżżi ma komunikazzjoni oħrajn, speċjalment l-internet u t-telephone li jistgħu jintużaw minn kullimkien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-complement ta' ħaddiema mal-MEPA fis-snin 2005, 2006 u x'inhu fil-preżent, kif ukoll kemm maħsub li jitla' fil-ġejjieni qarib?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-complement ta’ ħaddiema ma’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kien hekk:
2005
424 impjegati
2006
443 impjegati
2007 (sa Marzu 2007)
439 impjegati
Huwa maħsub li fil-ġejjieni, peress li x-xogħol ta’ l-Awtorità żdied, in-numru ta’ impjegati jitla’ kemm il-darba jkun hemm l-approvazzjoni meħtieġa.
Kemm kien il-complement ta' ħaddiema ma' Heritage Malta fis-sena 2005, 2006 u x'inhu fil-preżent, kif ukoll kemm maħsub li jitla' fil-ġejjien qarib?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-complement ta` Heritage Malta fis-sena 2005 kien ta` 247 u fis-sena 2006 kien ta` 268 persuna. Fil-preżent il-complement huwa ta` 263 persuna, u huwa maħsub li dan għandu jitla` għal 290 persuna fil-ġejjien qarib u dan biex Heritage Malta tkun tista` tagħti servizz aħjar lill-viżitaturi fil-mużewijiet u siti tagħha, u fl-istess ħin biex issaħħaħ id-diviżjoni tal-konservazzjoni li ngħaqded ma` Heritage Malta fis-sena 2005. Barra dan ġewwa Heritage Malta hemm 30 persuna oħra li huma mislufa minn entitajiet oħra li qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom fi ħdan l-operat ta` Heritage Malta mis-sena 2005.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk Triq Victor Denaro, l-Imsida taqax taħt ir-responsabbilta' tal-gvern ċentrali għall-finijiet ta' asfaltar u tarmac, u jekk iva meta huwa ppjanat li dan ix-xogħol isir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-Triq Victor Denaro, hija triq residenzjali li diġa hija asfaltata għaldaqstant taqa’ taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali.
Riżorsi u Infrastruttura — Telefonati minn linji fissi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq telefonati minn linji fissi fil-ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 globalment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li n-nefqa globali fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, d-dekasteru u l-enti li jaqgħu taħtu fuq telefonati minn linji fissi matul Jannar, Frar u Marzu 2007 kienet ta’ Lm 62,895.25.
Jista' l-Ministru jgħid, f'każ li xi uffiċjal mill-ministeru, dekasteru jew enti tiegħu qabeż is-ceiling allokat għal mobile marbut mal-pożizzjoni tiegħu, ittieħdux passi fil-konfront ta' dawn l-uffiċjali matul Jannar, Frar jew Marzu 2007?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma kien hemm ħadd fid-dikasteru jew entitajiet li qabeż ic-ceiling allokat għal-mobile matul Jannar, Frar u Marzu 2007.
Tista' l-Ministru tgħid jekk inxtrawx mobile phonesġodda fil-Ministeru, dekasteru u enti tagħha matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, u f'każ li fl-affermattiv, kemm-il mobile inxtara, b'liema prezz separatament u għal min kienu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma nxtrawx mobile phones ġodda fil-Ministeru għal Għawdex jew fid-dipartimenti li jaqgħau taħtu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007.
Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Mobile phones
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx mobile phones ġodda fil-ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 u f'każ li fl-affermattiv, kemm-il mobile inxtara, b'liema prezz separatament u għal min kienu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Matul Jannar, Frar u Marzu 2007 inxtara mobile phone ġdid wieħed bi prezz ta' Lm39. Dan kien fi sptar Monte Carmeli għall-użu tal-Community Manager.
Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Telefonati minn linji fissi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq telefonati minn linji fissi fil-ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 globalment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Matul Jannar, Frar u Marzu 2007 in-nefqa globali fuq telefonati minn linji fissi kienet ta' Lm74,759.83 maqsuma hekk:
Division + SLH Lm54,726.74
GPS Lm4,140.21
MCH Lm5,780.88
ZCH Lm2,730.00
Elderly & Comunity Care Lm4,300.00
Boffa Lm3,082.00
Total Lm74,759.83
Din iċ-ċifra ma tinkludix in-nefqa mill-Awtorita' dwar il-Mediċini peres li din għadha qed tistenna jaslulha l-kontijiet għall-imsemmija perjodi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid Malta kemm irċeviet għajnuna finanzjarja u għajnuna oħra mill-pajjiżi barranin kollha, kemm Ewropej u kemm m'humiex mill-1964 sal-lum u dan in forza ta' protokolli finanzjarji u kull ftehim ieħor bilaterali u kull inizjattiva oħra politika mill-gvernijiet rispettivi? Għal liema skop intużaw dawn il-fondi u ċioe' f'liema proġetti ġew applikati f'kull każ matul l-istess perijodu? Kemm irċevejna pre-accession funds mill-EU u kemm irċevejna fondi mill-2003 sa l-2006 mill-EU? Għal liema proġetti ntużaw l-istess fondi mill-EU?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub dwar għotjiet miksuba minn Malta mill-1964 lil hawn, imqassma bis-snin, is-sorsi u s-suġġetti rispettivi tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien it-tunnellaġġ ta' magħlef lokali reġistrat matul l-ewwel tliet xhur tas-sena f'Għawdex? Tista' tipprovdi l-istess tagħrif għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfrumata li ma tinżammx statistika tal-informazzjoni mitluba.