Peress li f'dan il-każ din il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ħadet Lm2.24c fil-ġimgħa u minħabba f'hekk se jeħdulha Lm40 mill-pensjoni tar-raġel, tista' l-Ministru tara li l-każ jiġi nvestigat u l-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali kkomunika bil-miktub mal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Tista' l-Ministru tara għaliex anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qatgħulha l-benefiċċju tal-mard u supplimentari? Tista' din l-anzjana tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni dijabetiċi u kemm minnhom huma ta' eta' minn sena sa 18-il sena, sena b'sena, jiġifieri kemm ta' sena, kemm ta' sentejn, eċċ.?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qegħda tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni weħlu multa jew se jitressqu quddiem il-qorti għaliex inqabdu jpejpu f'postijiet projbiti għat-tipjip?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet għall-Pubbliku, sa l-aħħar ta' Marzu 2007, il-Pulizija sabet u ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 1,439 persuna. Dwar x'sentenzi weħlu, din l-informazzjoni ma tinżammx taħt forma ta' statistika.
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn jinxtraw il-mediċini għad-dipartiment tas-saħħa u kemm kienet in-nefqa fuq dawn il-mediċini għas-snin 2005, 2006 u 2007 s'issa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ix-xiri tal-mediċini mid-Dipartiemtn tas-Saħħa isir skond il-proċeduri stabbiliti taħt il-Financial Administration and Audit Act, Kapitlu 174 tal-Liġijiet ta' Malta. Għaldaqstant jiġu mħabbra minn fejn il-mediċini nxtraw fuq il-gażżetta tal-gvern jew fuq in-Notice Board tad-Dipartiment Farmaċewtiċi tal-Gvern, u tad-Dipartiment tal-Kuntratti l-Furjana. It-tagħrif tan-nefqa hu kif ġej:
Sena
Ammont
2005
Lm21,898,723
2006
Lm24,062,248
2007
Bejn 01/01/2007 sa 31/03/2007
Lm9,941,594
Jista jkun hemm xi xiri ta' mediċini oħra li għadhom qed jiġu kkonfermati u li l-kontijiet għadhom ma ddaħlux fis-sistema tal-Accounts.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24773 x'sens jagħmel li titħalla fetħa fil-crash barrier meta l-familja għandha aċċess għall-art privata tagħha mid-dar u hija stess trid li ma jkunx hemm aċċess ta' triq għal terzi persuni mill-crash barriergħax ikunu qed jiksru l-liġi u jidħlu fi proprjeta' privata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jimtlew il-vakanzi li jeżistu fil-qasam tal-Fisheries li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? X'vakanzi jeżistu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li diġà beda l-proċess biex jimtlew il-vakanzi eżistenti u approvati fil-qasam tal-Fisheries u s-sejħiet għall-applikazzjoniet għal dawn il-ħames vakanzi mistennija joħorġu f'qasir żmien.
X'passi se jittieħdu biex il-pjazza ta' Buġibba ma titlifx l-ispazju miftuħ tagħha jekk tintlaqa' applikazzjoni li jsir kiosk tal-fjuri f'nofsha u allura ma jkunx jista' jiġi armat palk f'każ li tintuża għal attivitajiet kulturali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' tat-Turiżmu ma tafx li hemm applikazzjoni għall-kiosk tal-fjuri f'dan il-lokal u f'kull każ ma tiproċessax applikazzjonijiet għall-operazjoni ta' dan it-tip ta' kiosk.
Kemm huwa mistenni li jiswa r-ramel li se jinġieb minn Aqaba fil-Ġordan f'kuntratt li l-offerta tiegħu CT 112/2007 ħarġet dan l-aħħar? X'ammont se jinġieb? Kemm se jqumu l-ispejjeż tat-trasport? X'tip ta' ramel se jinġieb? Huwa naturali jew prodott industrijali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-ispejjeż tal-manifattura tar-ramel minn Aqaba, Ġordan huma ta' Lm34,665 waqt li l-ispejjeż tat-trasport u tifriex tar-ramel huma ta' Lm60,000.
L-ammont tar-ramel li ser jinġib huwa ta' 1,700 metric tons.
Ir-ramel huwa ta' l-istess tip u għamla u mill-istess barriera bħal dak miġjub sentejn ilu għall-istess bajja. Huwa ramel minn barriera tal-granit, prodott fuq speċifikazzjonijiet stretti mogħtija mill-konsulenti tal-MTA.
X'passi se tieħu l-Awtorita' Marittima Maltija biex tara li jinżammu nodfa l-inħawi fil-ponta taċ-Ċirkewwa fejn jinżlu jgħoddsu ħafna għaddasa u li bħalissa qed iservi ta' speċi ta' latrina pubblika?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'toroq saru jew qed isiru f'Ħad-Dingli? X'xogħol sar u x'fadal isir f'kull triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'Ħad Dingli saru xogħlijiet u tlestew fi Triq Daħlet is-Sienja.
Ninsab infurmat ukoll li dalwaqt jibdew xogħlijiet fi Triq Dun Karm Azzopardi u parti minn Triq l-Irdum.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari 18677 jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti t-tweġiba fl-istess format li kien ta bħala tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 37089 tad-19 ta' Novembru 2002, u ċioe' l-istatistika uffiċjali f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena separatament tal-kawża tal-mewt (method of suicide) f'kull każ individwali, inkluż is-sess u l-eta' tal-vittmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol kollu fuq il-promenade ta' Ta' Xbiex? X'xogħol baqa' xi jsir?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq il-promenade ta’ Ta’ Xbiex għandu jitlesta kollu matul Mejju. Jonqos li jitwaħħlu l-arbli dekorattivi tad-dawl u numru żgħir ta’ bankijiet ta’ l-injam.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħallas flus il-gvern is-sena l-oħra f'performance bonuses? Min ħadhom? Kemm ħaduhom nies? Min ma ħadhomx, għaliex ma ħadhomx? X'gradi kellhom dawk li ħaduhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ l-għoti tal-Performance Bonuses għas-sena 2006 qiegħed fil-fażi finali u għaldaqstant għad ma jistax jingħata l-ammont totali li ser jitħallas.
Fl-okkażjoni tal-Beatifikazzjoni ta' Dun Gorġ Preca jikkonsidrax il-Gvern li jagħti btala pubblika lill-poplu kollu ħalli kulħadd jista' jsegwi l-proċess? Din it-talba qed isir fid-dawl illi l-gvern ilu jgħid li l-ekonomija sejra tajjeb ħafna.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 24432.
Fid-dawl ta' amnestiji li ta l-gvern dwar il-VAT u issa fid-dawl ta' l-iskema l-ġdida ta' reġistrazzjoni ta' flus mhux dikjarati, jista' l-Gvern jgħid kemm hu maħsub li se jitlef flus l-exchequer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Malti għandu programm ta’ konverġenza finanzjarja li qed jimxi fuqu f’dak li jirrigwardja d-dħul u l-infiq pubbliku. Bl-iskemi imsemmija mhux maħsub li se jintilef dħul li jirriforma parti minn dan il-pjan tal-finanzi pubbliċi.
Pjuttost, apparti l-effett ekonomiku, d-dħul li jidħol permezz ta’ tali inizzjattivi jtaffi l-bżonn ta’ l-iffinanzjar ta’ l-iżbilanċ bejn id-dħul u l-infiq pubbliku u l-imgħaxijiet neċessarji għal dak l-iffinanzjar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħti amnestija lill-priġunieri fl-okkażjoni tal-Beatifikazzjoni ta' Dun Ġorġ Preca? Jekk iva, lil min?
Response (BORG, TONIO)
Ma ittieħdet ebda deċiżjoni dwar din il-materja. Fi kwalunkwe każ din ma hix materja li tiġi deċiża minn dal-Ministeru, iżda mill-Kabinett.