Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29189 u jekk jogħġbu, jgħidli min hu responsabbli mill-għajnuna li kienet tingħata lill-ommijiet li jkollhom numru ta' trabi f'daqqa aktar min normal, bħal fil-każ ta' quadruplets, f'assistenza li kienet tingħata fi ħrieqi u mediċini lil dawn l-ommijiet?
Staqsejt lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' (PQ 28929) u qalli biex nirriferi l-mistoqsija lill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali u meta staqsejt lill-Ministru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali (PQ 29072) din qaltli biex nirreferi l-mistoqsija lill-ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29073 u jgħid għaliex familji li għandhom tfal żgħar li qed isofru mill-marda tad-dijabete mhux qed jingħataw labar tas-siringi size 4mm iżda qed jingħataw sizes akbar li mhux addattati għalihom? Jista' jgħid għaliex dawn il-familji mhux qed jingħataw glucose sticks li huma meħtieġa għalihom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li siringi ta' l-Insulina 0.5cc u 1.00cc huma ta' qies standard ta' 13mm.
Il-quota għal glucose sticks għal dijabetiċi dipendenti fuq l-insulina taħt l-eta' ta' 35 sena hija ta 50 strips fix-xahar.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx xi fondi ta' ristrutturar mill-Unjoni Ewropea għall-industrija ta' mastrudaxxi żgħar? Jekk hemm, kemm hemm fis-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sal-ġurnata ta' llum għadhom ma ħarġux proġetti b’finanzjament taħt il-baġit il-ġdid tal-Unjoni Ewropea 2007-2013 minn xi entita' Governattiva għal ristrutturar fl-industrija ta’ mastrudaxxi zgħar. Madankollu hemm proġetti ta’ taħriġ ta’ ħaddiema taħt il-Leonardo da Vinci, titjib ta' l-ambjent tal-fabbrika u ħarsien ta’ saħħa u sigurta fuq il-post tax-xogħol.
Informazzjoni fuq dawn il-progetti tista tinkiseb mill-Ministeri kkoncernati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju l-post 16/17, Emanuele de Vilhena Street, Mġarr Għawdex ngħata mil-Lands meta dan huwa suġġett ta' kawża mhux deċiża fil-Qorti t'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kirja tal-fondi 16/17, Triq Emanuel De Vilhena, Mġarr, Għawdex, ilha li ngħatat mill-1972 lill-familja li għada tgawdi din l-istess kirja sal-lum. Infurmat ukoll illi ma hemm l-ebda kawża kontra l-Gvern fuq din il-kirja.
Jista' l-Ministru jgħid fejn tinsab il-pittura magħrufa bħala ta' Emmaus li s-sit tagħha kien fil-bini tal-Palazz il-Belt Valletta, issa li l-iskop li għalih ħarġet mill-post intlaħaq, fejn spiċċat u fil-kustodja ta' min tinsab? Jista' jgħid meta din ser tirritorna lura?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-pittura magħrufa bħala ta’ Emmaus tinsab f’idejn l-aġenzija nazzjonali Heritage Malta, li tieħu ħsieb il-kollezzjoni nazzjonali, fosthom il-pitturi li jinsabu fil-palazzi tal-Gvern.
Hija ħaġa normali li pitturi bħal dawn jiġu mislufa lil xi istitizzjonijiet sabiex jieħdu sehem f’wirjiet temporanji. Il-pittura ittieħdet mill-Palazz, bil-kollaborazzjoni ta’ l-uffiċju ta’ l-Ispeaker, sabiex tiġi eżibita fil-wirja ta’ artisti Caravaggisti li ġiet organizzati fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti bejn l-aħħar ta’ Settembru u l-aħħar ta’ Novembru. Permezz ta’ din il-wirja il-kuratur ta’ l-arti ta’
Heritage Malta
wasal ukoll għal attribuzzjoni ġdida u importanti għal din il-pittura. Il-pittura se tiġi rritornata lura f’postha kemm jista’ jkun malajr.
Jista' l-Ministru jgħid bħalma hemm ikel b'xejn fuq Skeda V għat-tfal li huma allerġiċi għall-Gluten, jeżisti ikel b'xejn fuq l-istess skeda għat-tfal li huma allerġiċi għall-Wheat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-intolleranza għal gluten hi meqjusa bħala auto immune disease u hu għalhekk li persuni li huma intolleranti għal gluten jingħataw ikel gluten-free b'xejn taħt l-iSkeda V. Għal din ir-raġuni persuni li huma allerġiċi għal ikel speċifiku bħal qamħ jew anke lewz m'humiex intitolati għal dan l-ikel.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29226 u jgħid kemm ingħataw fondi pubbliċi La Vittoria Band Club, Mellieħa matul din is-sena u minn liema fondi ngħataw dawn il-flus?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29247 u jgħid jekk l-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea kitbux rapporti evalwattivi u kritiċi tal-proċeduri użati minn kumitati tal-kuntratti f'pajjiżna dwar ħruġ u għoti ta' kuntratti f'pajjiżna din is-sena?
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-esportaturi humiex moqdijin bis-servizzi ta' ġarr ta' merkanzija lejn swieq fejn il-fabbriki tagħna jesportaw lejn pajjiżi oħra peress li hemm ilmenti serji li m'hemmx servizzi adegwati u hemm min qed jaħseb li jitlaq minn Malta minħabba f'hekk?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-parti l-kbira ta’ l-importaturi u esportaturi huma moqdijin sew bis-servizzi provduti mill-portijiet tal-Belt u ta’ Marsaxlokk. Il-Gvern, f’dawn l-aħħar snin ħa diversi miżuri sabiex jara li s-servizzi minn u lejn Malta jiżdiedu u dan partikolarment bil-miżuri li ħa sabiex il-portijiet tagħna jsiru aktar kompetittivi. Il-Gvern ukoll għandu kuntratt ma’ operatur sabiex jiggarantixxi li Malta dejjem ikollha servizz bejn Malta u l-Italja. Tajjeb li wieħed japprezza li, minn żmien għal żmien u minhabba elementi kummerċjali, ċertu linji ikollhom jibdlu l-itinerarji tas-servizzi tagħhom. Dan jista’ jaffettwa xi esportaturi li kienu mdorrijin jġorru l-merkanzija tagħhom fuq xi linja partikolari.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29256 u cioe' : B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari 27278, jista' jgħid jekk huwiex ċert li t-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 29129 hija sħiħa u li m'hemmx partijiet li tħallew barra?
Jista' l-Ministru jara jekk l-għadira ilma u d-drenaġġ li hemm ġol-bitha ta' Paola Flats, Emmanuele Galizia Street, ta' Xbiex tiġi rranġata mis-sid tal-bini billi din hi ta' ħsara għar-residenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li dan l-ilment ġie investigat minn uffiċjal tad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali bejn April u Ġunju 2007 u minn kampjuni li ttieħdu ġie konfermat li l-preokkupazzjoni li hemm fil-bitħa ta' Paula Flats, Triq Emmanuel Galizia, Ta' Xbiex mhijiex drenaġġ iżda ilma nadif.
Inħareġ avviż lis-sid tal-bitħa fejn ġie ordnat sabiex jitneħħa l-ilma qiegħed li kien qed jinġema fil-bitħa u ġie konfermat li saru x-xogħolijiet meħtieġa.
Reġgħet saret spezzjoni oħra fit-18 ta' Diċembru 2007 u reġa ġie kkonfermat li hemm l-ilma qiegħed fil-bitħa tal-fond imsemmi hawn fuq. Għalhekk, reġa' inħareġ avviż ieħor lis-sid tal-bitħa sabiex jitneħħa l-inkonvenjent fi żmien ħmistax -il ġurnata. Fin-nuqqas li jitneħħa l-inkonvenjent ser tittieħed azzjoni legali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn gradwati jirreġistraw għax-xogħol illum u x'tip ta' degree għandhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 58 persuni gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. Informazzjoni dwar f'liema oqsma hija d-degree tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm itellgħu persuni l-qorti talli mpjegaw ħaddiema b'mod irregolari din is-sena u x'weħħlu f'kull każ? Kemm minn dawn kienu repeated offenders?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati taċ-Ċivil illum, xi gradi għandhom kull wieħed? Kemm minn dawn huma fulltime, part time jew bil-kuntratt u għal kemm?
Jista' l-Ministru jinfurmani xi benefiċċji hemm maħsuba għal studenti Maltin li jistudjaw barra minn Malta? Hemm xi korsijiet partikolari fejn hemm l-għajnuna? Studenti tal-ballet jidħlu f'dawn l-iskemi?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi joffri żewġ skemi ta` boroż ta` studju:
1. Il-Malta Government Scholarship Scheme-Postgraduate Studies. Taħt din l-iskema, l-studenti jkunu jistgħu japplikaw biex ikomplu l-istudji tagħhom f’livell ta’ Master u Ph.D fl-Universita` ta` Malta jew f’universita` barra minn Malta. F’din l-iskema, l-istudenti jibbenifikaw minn forma ta` għajnuna għall-ħlas ta` tuition fees. Fil-kaz ta studenti li jmorru l-Universita’ ta’ Malta, il-borza taghti grant lil-Universita u grant lil-istudent.
2. Il-Malta Government Scholarship Scheme-Undergraduate Studies. Din l-iskema hi miftuħa għal studenti li jagħżlu li jistudjaw f’istituzzjonijiet privati lokali li joffru korsijiet f’livell ta’ edukazzjoni ogħla u li jwasslu għal Baċellerat jew Degree bl-Unuri. L-istudenti li jibbenefikaw minn din l-iskema jingħataw għotja li jistghu juzaw sew biex jithallsu il-mizati jew ghal manteniment.
Għaldaqstant fil-preżent, l-iskema tal-istudji postgraduate hi l-unika skema li toffri għajnuna lil studenti Maltin li jkomplu jistudjaw barra minn Malta. Dawn il-boroż ta` studju jingħataw għal studji f’oqsma li jkunu importanti għall-iżvilupp tal-pajjiż.
Hemm mahsub li skemi ghal studju barra min Malta f’livell ta’ edukazzjoni ogħla u li jwasslu għal Baċellerat jew Degree bl-Unuri, jkollom access ghal l-istess skema tal-istudji Undergraduate li hemm illum.
Rigward il-korsijiet tal-ballet, il-Kunsill Malti ghall-Kwalifiki għaddej minn proċess ta` konsultazzjoni dwar l-kwalifiki vokazzjonali sabiex fl-2008 iniedi eżerċizzju ta` mapping li jpoġġi l-kwalifiki vokazzjonali skond il-Qafas tal-Kwalifiki Nazzjonali. La darba jitlesta dan l-eżerċizzju, ikun possibli issir reviżjoni tal-eliġibilita` tal-kwalifiki ghall-benefiċji ta l-istudenti.
Jista' l-Ministru jispjega l-proċess ta' l-għażla tal-kapijiet ta' l-iskejjel tal-knisja f'Malta u Għawdex? Dan qed isir b'applikazzjoni interna jew b'sejħa pubblika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għazla ssir skond il-kriterji stabbiliti fil-Ftehim tat-23 ta' Mejju 1995 kif ammendat f'Addendum fl-1 ta' Lulju 2002 u kif ukoll reġa' ġie ammendat f'addendum fis-16 ta' Jannar 2006 bejn l-awtoritajiet tal-Knisja u l-MUT.
L-awtoritajiet tal-Knisja għandhom id-dritt li jgħazlu bħala kapijiet ta' l-iskejjel tal-Knisja membri ta' Ordnijiet Reliġjuzi u fil-kazijiet ta' Seminarji membri tal-Kleru Djoċesan.