Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #25738 Sitting 521 2007-05-07 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

Proġett tal-Pont Manwel Dimech

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24371, jista' l-Ministru jgħid jekk il-konsorzju DTR u KHP tħallasx għall-proġett pont Manwel Dimech? Jekk iva, kemm tħallas sal-lum u jekk tħallasx mill-ADT jew minn entita' dipartimentali oħra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Membri tal-Korp tal-Pulizija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24674, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-kors ta' spetturi? Dawn kollha huma diġa' membri tal-Korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għal aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet għall-postijiet ta' Spetturi fil-Korp tal-Pulizija, li għalqet fit-13 ta' April 2007, kien hemm 63 applikazzjoni. Kien hemm 38 applikazzjoni minn membri tal-Korp u 25 applikazzjoni minn persuni li m'humiex membri tal-Korp tal-Pulizija.

Għalliema ta' l-Ingliż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li għandhom warrant biex jgħallmu biss fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Jekk ikunu għamlu l-kors tat-TEFL huwa biżżejjed biex jgħallmu f'dawn l-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li b'kollox hemm 2,251 il-għalliem li għandhom permess sabiex jgħallmu biss fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliz lill-barranin. Barra li jtemmu l-kors tat-TEFL, għalliema prospettivi irid ikollhom mill-anqas 18-il sena, ikollhom kondotta nadifa u jkollhom jew ċertifikat f'Livell Avvanzat fl-Ingliz maħruġ minn istituzzjoni rikonoxxuta inkella kwalifika komparabbli.

Kors tat-TEFL

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jiġi organizzat kors tat-TEFL għall-għalliema prospettivi, d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tiġix infurmata? Isir xi ċċekkjar fuq kif qed jiġu organizzati u jekk min imexxi l-kors huwiex ikkwalifikat li jagħmel dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord li jissorvelja l-iskejjel ta' l-Ingliz bħala Lingwa Barranija, ikun infurmat b'kull kors tat-TEFL għall-għalliema prospettivi. Dan il-Bord kien ħareġ sett ta' guidelines li dwarhom l-iskejjel liċenzjati huma mgħarrfa. Qabel skola tibda xi kors, tgħarraf bil-miktub l-kontenut tal-kors u min ikun sejjer imexxieħ. Barra minn hekk l-iskola konċernata tinforma l-Bord bl-ismijiet tal-parteċipanti fil-kors u tagħti l-ismijiet u d-dettalji oħra tal-kandidati kollha li jirnexxilhom itemmu l-kors b'suċċess.

Gzira — Triq Madonna tal-Ġebla

Question

Jista' l-Ministru jgħarrafni jekk parti żgħira ta' Triq Madonna tal-Ġebla fil-Gżira se tkun inkluża f'xi programm ta' toroq residenzjali, ġaladarba hemm knisja, hemm nies joqogħdu fiha u l-istat tat-triq huwa ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi parti minn Triq il-Madonna tal-Ġebla hija nkulża fil-programm ta' Toroq Residenzjali għall-perijodu 2006-2008 u li għandha titlesta sas-sena 2008.

Luqa — Triq Anton Falzon

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25539, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mit-testijiet li saru fuq il-main tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Hal Luqa? Jista' jgħid jekk dan il-main hux se jinbidel qabel ma jsiru x-xogħlijiet ta' tarmac f'din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Infringements tal-kaċċa u nsib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25192 u 24905, cioe' li jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza uffiċjali li ntbagħtet mill-Unjoni Ewropea lill-Gvern Malti dwar l-infringements relatati mal-kaċċa u l-insib?

Response (PULLICINO, GEORGE)

M’għandix x’inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru 24905.

Apparat energy saving

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien fil-ħlas tar-refunds għal dawk il-persuni li applikaw fuq xiri ta' apparat energy saving tad-djar hekk kif imħabbar fil-budget ta' din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi skond l-avviż legali numru 1026 tal-2006, waħda mir-rekwiżiti biex appliance tkun eleġibbli għal-għotja hija li l-prodott jiġi rreġistrat mill-importatur. Id-dewmien li kien hemm biex jitħallsu l-applikanti sar prinċiparjament minħabba li l-maġġoranza ta' l-importaturi damu ma rreġistraw il-prodotti tagħhom skond kif mitlub mill-avviż legali u kif miftiehem mal-bejjiegħa permezz tar-rappreżentanti tagħhom.

Benefiċċji tal-mard — Pagament

Question

Tista' l-Ministru tawtorizza l-pagament tal-benefiċċji tal-mard lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Peress li l-persuna se jkollha tagħmel operazzjoni kif mistqarr mill-ispeċjalista, tista' l-Ministru tara li l-pagament isir immedjatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Dipartiment tal-VAT — VAT refunds

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25074 u jgħid fil-mument kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali li d-dipartiment tal-VAT irid jirrifondi lura lit-taxpayer? Kemm minn din iċ-ċifra hija maħsuba li titħallas din is-sena? Għal kemm snin imur lura l-aħħar pagament dovut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Dipartiment tat-taxxa fuq l-income — VAT refunds

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25075 u jgħid fil-mument kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali li d-dipartiment tat-taxxa fuq l-income irid jirrifondi lura lit-taxpayer? Kemm minn din iċ-ċifra hija maħsuba li titħallas din is-sena? Għal kemm snin imur lura l-aħħar pagament dovut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Kontijiet tal-NI — Arretrati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25072 u jgħid kemm hu n-numru ta' persuni/kumpanniji (separatament) li fil-preżent għandhom arranġament sabiex iħallsu l-arretrati tal-kontijiet pendenti tal-N.I.? Għalkemm snin imur lura l-aħħar pagament dovut? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Liċenzji ta' l-insib

Question

Peress li skond il-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea l-gvern Malti għamel moratorium fuq il-liċenzji ta' l-insib u li dan il-moratorium jispiċċa fl-aħħar tas-sena 2007, jista' l-Ministru jgħid jekk wara l-aħħar ta' l-2007 humiex se joħorġu liċenzji ġodda għall-insib ta' l-għasafar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ebda liċenzja ta’ l-insib ma ħarġet mill-2002 ‘l hawn. Ma hemmx intenzjoni għalissa li din il-pożizzjoni tkun riveduta.

Biċċa art miftuħa — Ħajt

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 25629, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li f'każ ta' artijiet maqbuda għand il-gvern se jkun l-istess gvern li jkun responsabbli biex itella' ħajt mal-periferija ta' l-art kif mitlub mill-Ministeru ta' l-Ambjent?

Response (BORG, TONIO)

Normalment artijiet li jiġu esproprjati jibqgħu jiġu okkupati mis-sidien jew inkwilini li jkunu qegħdin jaħdmuhom sa dik il-ġurnata li l-gvern jiddeċiedi li jidħol fuqhom sabiex iwettaq il-proġett li jkunu ġew esproprjati għalih. Fil-każ li jkun hemm il-bżonn li l-art tingħalaq b'ħajt, dan ix-xogħol huwa ir-responsabbilita' tad-dipartiment jew entita' tal-gvern li tkun talbet l-esproprju tal-art.

Art esproprjata

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi ħsibijiet għandu l-gvern dwar art esproprjata snin ilu u li sal-lum baqgħet ma ntużatx għall-iskop li ġiet esproprjata għalih u li hija proprjeta' tas-sinjuri li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art esproprijata kif indikata mill-Onor. Interpellant, ġiet esproprijata fuq talba tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Uffiċċju ta' l-Istatistika — Computers bil-ħsara

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25452 u ċioe': Jikkonferma l-Prim Ministru li ċerti computers fl-Uffiċċju ta' l-Istatistika ilhom xhur bil-ħsara? Kemm għamlet kollettivament overtimeit-technical section ta' l-Istatistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Mater Dei — Għoti ta' kuntratt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni u l-għoti tal-kuntratt tat-teknoloġija ta' l-IT f'Mater Dei biex jippermetti t-tmexxija minn jum għal jum ta' dan l-isptar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Mater Dei — Informazzjoni miġbura

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod se tiġi integrata l-informazzjoni miġbura u miżmuma mis-sezzjonijiet, dipartimenti u entijiet kollha li b'xi mod imissu mas-saħħa fis-sistema ta' Mater Dei sabiex id-databasefuq kull pazjent tkun waħda ħolistika irrispettivament minn liema sezzjoni, dipartiment, enti qed tiġi aċċessata?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li s-sistemi informatiċi kliniċi fl-isptar Mater Dei ikunu integrati bejniethom permezz ta' HL7 interfaces, propju biex id-database tal-pazjenti tkun waħda ħolistika.