Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru suwiċidji mill-bidu ta' l-2007 sal-lum u kemm kellhom eta' il-persuni nvoluti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Marzu ta' din is-sena, ġew irrapurtati lill-Pulizija 7 każi ta' suwiċidju. L-eta' ta' dawk involuti kienet bejn l-40 u t-68 sena.
Sptar San Luqa — Persuni li ddaħlu kawża ta' overdose
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni daħlu l-isptar kawża ta' overdose ta' droga u kemm minnhom mietu għas-snin 2005, 2006 u 2007 s'issa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kien hemm 9 imwiet kawża ta' overdose jew effetti ta' droga matul is-sena 2005. Minn dawn 8 kienu f'residneti u 1 kien mhux residenti. Matul is-sena 2006 kien hemm 8 mwiet kawża ta' overdose jew effetti ta' droga. Minn dawn kien hemm 7 f'residenti u 1 mhux residenti. Ħafna minn dawn l-imwiet iseħħu qabel jidħlu l-isptar.
Minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema Hospital Activity Analysis, in-numru ta' każijiet ta' overdose li ddaħlu l-isptar San Luqa fl-2005, 2006 u fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena jidhru hawn taħt.
It-terminu overdose jinkludi dawn it-tliet kategoriji:
Kategorija A
Avvelenament inċidentali ikkawżat minn drogi, mediċinali jew sustanzi bijoloġiċi (ICD-10 codes X40 - X44)
Kategorija B
Attentat ta' suwiċidju ikkawżat minn avvelenament b'sustanzi solidi jew likwidi (ICD-10 codes X60 - X64)
Kategorija C
Avvelenament minn drogi, mediċinali jew sustanzi bijoloġiċi, fejn mhux magħruf jekk l-avvelenament kienx inċidentali jew premedidat (ICD-10 codes Y10 - Y14)
It-total għal kull Kategorija għas-snin imsemmija huma mniżżla fit-tabella:
Sena
2005
2006
Jannar - Marzu 2007*
Kategorija A
18
19
2
Kategorija B
-
-
-
Kategorija C
125
132
27
* Proviżorju
Importani li wieħed jgħid li dawn in-numri ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu fid-Diprtiment ta' l-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali ta' l-isptar.
X'passi ġodda se jittieħdu biex iż-żona fuq il-blat fiċ-Ċirkewwa fejn jinżlu jgħoddsu ħafna għaddasa tinżamm iżjed nadifa milli hi għax bħalissa il-pont taħt il-ħajt qed iservi speċi ta' latrina pubblika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' tat-Turiżmu għamlet assessment u għaddietu lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għall-attenzjoni u azzjoni meħtieġa.
Tajjeb li wieħed isemmi li f'din iż-żona qegħdin jitwaħħlu numru ta' CCTVs biex jipproteġu lill-għaddasa mis-serq u l-vandaliżmu.
X'se jsir mill-idea li kien hemm li tiġi konservata ż-żona fejn hemm mgħarrqa l-fdalijiet tal-bastiment "Roża" li jintuża mill-għaddasa u dan l-aħħar kien hemm min tefa' xibka u ħarbat il-ħut ta' l-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Onorevoli Intrpellant aktarx għandu isem il-vapur żbaljat u attwalment irid jirreferi għal “Rożi” li jinsab ħdejn il-kosta taċ-Ċirkewwa fejn bħalissa hemm applikazzjoni biex tinżel patrol boat qadima biswit din it-tug boat u tissemma’ “Wenzu”. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda f’diskussjonijiet flimkien mad-Diviżjoni tas-Servizzi Veterinarji u s-Sajd biex il-biodiversità fl-inhawi ta' vapuri mgħarrqa u sikek artificjali oħrajn tkun imħarsa bil-liġi. Id-Diviżjoni tas-Servizzi Veterinarji u s-Sajd taqbel li l-artificial reefs kollha għandu jkollhom żona ta' 200 metru ta' bahar madwarhom magħluqa għal kull forma ta' sajd.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'se jiġri dwar il-qbiela tar-raba' u żewġt idjar fil-Manikata, Għajn Tuffieħa u x-Xagħra l-Ħamra li sena u nofs ilu ġiet itterminata lill-bdiewa biex jagħmlu wisa' għall-korsa tal-golf li kellha ssir fl-inħawi u mhux se ssir iżjed? X'se jsir mill-bdiewa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-kirja ġiet itterminata, sa issa, il-bdiewa la ġew imwaqqfa milli jaħdmu r-raba' u lanqas ma ġew mitluba joħorġu mid-djar tagħhom.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24913 li tagħha l-Ministru wieġeb hekk: "Ninsab informat li t-tag ta' dan it-taxi driver ġiet sospiża sakemm tittieħed deċiżjoni finali mill-qorti fejn qed jinstema l-każ abbażi tar-regolament 131 (6) ta' l-MVR Liġi Sussidjarja 65.11. Fir-rigward tad-dewmien sabiex jinstama l-każ, jien informat li dan ma jaqax taħt il-kompetenza ta' l-awtorita' dwar it-trasport", jarax il-Ministru li qegħda tintuża two weights two measures meta f'każ ieħor ferm agħar minn dan it-taxi driver u nalludi għall-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jsuq taxi wkoll li dan għalkemm hemm allegazzjoni ta' każ ta' sokor waqt il-qadi ta' dmirijietu, ħalla n-nies l-art l-Imdina, meta suppost kien tour magħhom ta' sagħtejn u saħansitra ġġieled ma tnejn ta' l-awtorita' u xorta waħda wara ħamest ijiem sospensjoni, ingħata lura t-tag. Għaldaqstant jarax il-Ministru li dan huwa abbuż meta ġie preferut minn persuna li ssemma fil-mistoqsija parlamentari 24913 li dan ċertament għandu każ ferm inqas serju minn din l-istess persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? X'se tkun issa l-pożizzjoni ta' l-awtorita' dwar it-trasport?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-tag tal-persuna li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament ser tiġi irtirata u t-tag ser tiġi sospiża sakemm jinqatgħa l-każ pendenti li hemm fil-Qorti kif inhu stipulat fl-Avviż Legali 65.11 regolament 131.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex ma nżammewx il-wegħdi li saru lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li fis-sena 2004 sofriet ħsarat kbar fl-appartament tagħha wara ħruq fil-blokk u kienu sarulha l-wegħdi li jissewwew dawn l-ħsarat kollha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet ta’ tiswija konnessi mal-ħsarat li saru minn ħruq fl-2004 fl-appartamenti ndikati mill-Onor. Interpellant, kienu fil-fatt tlestew mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar.
Madankollu għaddejt l-ilment ta’ l-Onor. Interpellant lil imsemmi Dipartiment biex jinvestiga.
X'għajnuna prattika jista' jingħata t-tifel minn San Ġiljan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jbati minn kundizzjoni rari ħafna - congenital indifference to pain - u aktar ma jgħaddi żmien aktar se jbati biex ikun jista' jitla' u jinżel it-taraġ peress li joqgħod fl-ogħla sular tal-blokk u m'hemmx lift?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-familja tal-persuna ndikata li tavviċina l-Customer Care Unit ta' l-Awtorita' tad-Djar biex tara l-possibilita' ta' stallar ta' lift fil-blokk.
Jista' l-Ministru jgħid kemm s'issa kien hemm persuni li gawdew mill-miżura tal-budget li jingħataw 20% lura fuq il-prezz ta' apparat domestiku li jiffranka l-konsum ta' l-enerġija? Għaliex minn 20% din niżlet għal Lm25? Kif jistgħu japplikaw iċ-ċittadini għal dan il-ħlas jekk fl-istess ħin huma nkoraġġiti li jibgħatu l-irċevuta fiskali għal-lotterija tal-VAT?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li sat-30 ta’ April, 468 applikant ingħataw l-għotja ta’ 20% sa massimu kif stabbilit fl-Avviż Legali 1026 tal-2006. Id-dewmien li hemm biex jitħallsu l-applikanti sar prinċiparjament minħabba li l-maġġoranza ta’ l-importaturi damu ma rreġistraw il-prodotti tagħhom skond kif mitlub mill-Avviz u kif miftiehem mal-bejjiegħa permezz tar-rapprezentanti tagħhom.
L-Avviz Legali stabilixxa massimu ta’ Lm 25 f’każ ta' magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, tumble dryers, dishwashers u apparat għall-arja kkundizzjonata, u massimu ta’ Lm50 għal fridges u freezers A+ u A++ bi klassi ta’ klima Tropical jew Semi-tropical. L-għotja massima għal fridges u freezers A bi klassi ta’ klima Tropical hija ta’ Lm 50 u għal dawk bi klassi ta’ klima Semi-tropical hija ta’ Lm 25.
Dawn ir-rati ġew stabbiliti fl-Avviż Legali u qatt ma’ nbidlu.
Waħda mir-rekwiżiti ta' l-iskema hija li tingħata l-irċevuta fiskali originali mill-applikant, kif inhu mitlub f'kull skema oħra ta' refiżjoni mnedija mill-Gvern, għal skopijiet ta' kontrolli.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni illum illi weħlu xi forma ta' community service? X'kien ir-reat? X'forma ta' community service ingħataw u għal kemm? Min jimmonitorja li l-ħati effettivament "jaħdem" waqt iż-żmien tal-community service?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 22 persuna li weħlu xi forma ta’ xogħol fil-komunita.
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar dawn il-każijiet hu kif ġej:-
Dawn il-każijiet jirrigwardaw ir-reati segwenti:
· 2 dwar frodi
· 4 dwar droga (persuni li jkunu ħarġu mill-vizzju)
· 16 dwar serq
Ix-xogħol fil-komunita seħħ f’10 NGO’s, 3 entitajiet tal-knisja u 9 Kunsilli Lokali. Il-ħatja ġew mogħtija dawn ix-xogħolijiet:
· tindif u manutenzjoni: 17-il każ
· assistenza lil facilitator: 3 każijiet
· filing (computerised jew manual): 2 każijiet
F’dawn il-każijiet ingħataw total ta’ 2,400 siegħa xogħol imqassma f’dan il-mod:
· 2 każijiet ta’ 50 siegħa
· 1 każ ta’ 70 siegħa
· 13-il każ ta’ 100 siegħa
· 2 każijiet ta’ 120 siegħa
· 3 każijiet ta’ 150 siegħa
· 1 każ ta 240 siegħa
Il-ħati jiġi mmoniterjat mill-Uffiċċju tal-Probation, bil-kooperazzjoni ta’ l-entita li tipprovdi x-xogħol. Ix-xogħol isir mill-ħati fil-ħin liberu tiegħu.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25202 jista' l-Ministru jgħid min hu l-perit inkarigat minn kull proġett, kull proġett separatament? X'kienu l-kriterji li permezz tagħhom intgħażlu dawn il-periti?
B'referenza għall-Imtarfa bypass jista' l-Ministru jgħid:
Meta se jingħalqu l-ftuħ li hemm fic-centre strip u li huma ta' periklu kbir għas-sewwieqa?
Tista' ssir xi tip ta' faċilita' għal qsim tal-bypass min-nies peress li huma ħafna dawk li jmorru r-Rabat bil-mixi u allura jridu jaqsmu l-bypass b'sogru kbir għalihom?
Tista' tiġi ddisinjata junction bejn il-bypass u t-toroq li tagħti access għall-Imtarfa min-naħa tan-Nigret (Rabat) peress li l-ħruġ tal-vetturi mill-Imtarfa minn dan l-aċċess u l-qsim tal-bypass hu ta' periklu kbir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24667 jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għandux access għal personal files ta' l-impjegati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li m'hemmx iżjed x'inżid mar-risposti diġa' mogħtija.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex żgħażagħ b'diżabilita' li spiċċaw l-iskola sekondarja u li jistgħu jkomplu jitħarrġu ma sabux opportunitajiet edukattivi u/jew ta' taħriġ maħsub għalihom? Ma jidhirlux li din hija sfortuna mhux biss għal dawn iż-żgħażagħ li kellhom iwaqqfu l-proċess tal-kisba ta' life skillseċċ., ħesrem, iżda għas-soċjeta' li diġa' nvestiet ħafna fihom matul is-snin ta' edukazzjoni li diġa' ħadu? Xi pjanijiet għandu l-gvern fl-immedjat biex dawn iż-żgħażagħ ma jkomplux jitilfu dak li diġa' kisbu anzi jkomplu jkabbru l-iskills tagħhom fil-futur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawk iz-zgħazagħ b'dizabilita' li spiċċaw l-iskola sekondarja u li jistgħu jkomplu jitħarrġu dejjem sabu opportunitajiet edukattivi sabiex huma jistgħu jkomplu ikabbru l-ħiliet tagħhom. Dawn sabu opportunitajiet edukattivi kemm fl-Universita', fl-MCAST u kif ukoll fil-Giovanni Curmi Higher Secondary, Naxxar. Ħadd miz-zgħazagħ li kellhom kompetenzi sabiex ikunu jistgħu jsegwu programm ta' taħriġ edukattivi f'dawn l-istituzzjonijiet imsemmija ma tħalla barra. Zgħazagħ oħra b'dizabilita' intellettwali li għalqu sittax-il sena u li spiċċaw l-iskola sekondarja dejjem sabu post sabiex il-proċess tal-kisba tal-life skills eċċ. komplew isaħħuhom billi jattendu għall-programmi speċjalizzati fl-iskejjel speċjali. Bħalissa qed issir ħidma dwar kif jistgħu jitjiebu s-servizzi f'dan il-qasam.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 24167, jista' l-Ministru jgħid: Liema kriterji ntużaw fl-għażla ta' l-espert tal-qorti fir-rigward tad-DNA u drug testing? X'inhuma l-kwalifiki minimi meħtieġa? Huwa minnu li jintgħażlu nies bħala esperti tal-Qorti mingħajr ma dawn lanqas għandhom l-ewwel degree fix-xjenza? Min hu l-espert xjentifiku tal-qorti fuq id-DNA fil-qorti tal-familja u xi kwalifiki għandu? Fuq liema kriterju ssir l-għażla ta' l-esperti tal-qorti fuq id-DNA, dejjem fil-każ tal-qorti tal-familja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-kawżi ta' natura kriminali, l-għażla ta' l-esperti hija mħollija fid-diskrezzjoni tal-ġudikant.
Għar-rigward il-Qorti tal-Familja, l-esperti li normalment jiġu nkarigati fuq materja ta' DNA huma s-Sur Christopher Farrugia u Dr Ronald Blundell. Hawn ukoll il-qorti teżerċita d-diskrezzjoni tagħha fl-għażla ta' l-esperti għalkemm mhux l-ewwel darba li taċċetta nomina fejn il-partijiet fil-kawża jkunu qablu fuq persuna partikolari.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol li kien qed isir fuq Triq Mons Gerald Frendo f'Ħal Qormi, waqaf ħesrem bil-konsegwenza li issa mhux biss it-triq qed toħloq tbatijiet lir-residenti fiha, iżda wkoll il-bankini li ma tkomplewx u li wħud mir-residenti lanqas jistgħu jagħmlu użu mill-garages tagħhom u qed ikollhom iħallu l-vetturi tagħhom barra esposti għal ħafna riskji? Jista' l-Ministru jara li dan ix-xogħol jitkompla minnufih biex ir-residenti ma jibqgħux isofru minn dawn it-tbatijiet bla ħtieġa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-triq imsemmija qiegħed isir xogħol ta' skavar fuq plot privata u li minħabba dan ix-xogħol, kellu jinbena boundary wall li qiegħed jokkupa parti mill-wisgħa tat-triq. Dan qiegħed jostakola li jitkompla x-xogħol. Sadanittant qegħdin isiru plate bearing tests biex jiġi stabbilit jekk l-irdim li kien sar minn terzi persuni jilħaqx l-istandard stabbilit meħtieġ għall-bini ta' l-istess triq.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24818 dwar il-possibilta' ta' day centre għall-anzjani fis-Siġġiewi, tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-proġett aktar kumpless ma' l-Awtorita' tad-Djar, li qed isiru diskussjonijiet dwaru u li mit-tweġiba tal-Ministru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' huwa implikat li għandu x'jaqsam ma' day centre għall-anzjani fis-Siġġiewi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-proġett ta' l-Awtorita' tad-Djar li rreferit għalih l-Onor. Interpellanti jikkonsisti f'kumpless residenzjali ta' 60 appartament u blokk ta' 21 unit maħsub biex jiġi allokat lil persuni anzjani jew bi bżonnijiet speċjali. Dan il-kumpless maħsub li jinkludi wkoll Day Centre għall-anzjani, Child Day Care Centre, 85 garaxx kif ukoll landscaped area.
Jista' l-Ministru jivverifika li x-xogħol li qiegħed isir fil-bini tal-parti l-ġdida ta' Triq Għar Ram, Ħaż-Żebbuġ qiegħed isir skond il-pjanti għax jidher li hemm taħwid sħiħ fl-allinjament tat-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Bħal ma jaf l-Onorevaoli Interpellant, il-linja u l-livelli tat-toroq jiġu stabbiliti u mmarkati fuq il-post mill-MEPA kif ġara f'dan il-każ. Bħalissa l-ADT qed tivverifika jekk bini eżistenti fit-triq imsemmija inbeniex qabel jew wara li ġew definiti dawn il-linji.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25401 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jara jekk l-annimali li hemm fuq il-bejt f'appartament tal-gvern, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, humiex miżmuma skond il-liġi? Tista' tikkonsidra wkoll l-istat tal-kumplament ta' dan l-appartament minn ġewwa, ċioe' fit-taraġ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet ser jinvestiga l-ilment imqajjem mill-Onor. Interpellant.