Għaliex il-kont pendenti li kopja tiegħu qed tintbagħat separatament, qed jibqa' jintbagħat fl-indirizz indikat meta din il-persuna, m'għandha l-ebda konnessjoni mal-persuna li tgħix fl-istess indirizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kont in kwestjoni hu dovut għall-kera ta’ meters ta’ l-ilma u elettriku fil-post biswit l-indirizz tal-persuna li għamlet l-ilment lill-Onor Interpellant li madonkollu, hi wkoll eredi tas-sid tal-post.
Il-kont għadu jidher f’isem il-persuna li bħala l-inkwilin kienet il-konsumatur reġistrat tal-post in kwestjoni u dan għax qatt ma kien trasferit għal fuq is-sid minkejja li l-inkwilin telaq mill-post.
Fiċ-ċirkostanzi nissuġerixxi li l-persuna indikata mill-Onor Interpellant biex tmur l-uffiċċju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma Hal-Luqa biex ikun jistgħu jiġu ċċarati il-kwestjonijiet dwar kontijiet pendenti rigward il-post in kwestjoni.
Tista' l-Ministru tgħid min-numru totali ta' dawk li marru jfittxu l-għajnuna mid-Detox kemm kienu barranin u kemm kienu nisa u rġiel? Ta' liema nazzjonalita' kienu? Tista' tgħid kemm kien l-iżgħar u kemm l-akbar wieħed?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' residenti li hemm illum fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Kemm minnhom qed jiskontaw sentenza? Mit-total kemm huma dipendenti fuq id-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-6 ta' Mejju 2007 fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien hemm 387 priġunier. Hemm 283 li qegħdin jiskontaw sentenza.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija ma nħossx li għandha tingħata informazzjoni fuq materja li tirrigwarda s-saħħa tal-priġunieri.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx analiżi mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jew mill-Ministeru jew mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ dwar xi twettaq mill-politika nazzjonali taż-żgħażagħ li kellna f'dawn l-aħħar tlett snin u li skadiet fil-bidu ta' din is-sena? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi din l-analiżi fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk din l-analiżi għadha ma saritx jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din issir? Jista' jgħid meta ser tiġi updated il-politika taż-żgħażagħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ qed titwettaq f'kull ħidma tal-Gvern fid-diversi oqsma.
Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25489 u jgħid b'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24773 x'sens jagħmel li titħalla fetħa fil-crash barrier meta l-familja għandha aċċess għall-art privata tagħha mid-dar u hija stess trid li ma jkunx hemm aċċess ta' triq għal terzi persuni mill-crash barriergħax ikunu qed jiksru l-liġi u jidħlu fi proprjeta' privata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-crash barrier fi Triq Etna issa saret u għaldaqstant l-aċċess għall-plot privat ingħalaq.
Jista' issa l-Ministru wieġeb mistoqsija parlamentari 25434, u ċioe' jista' jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24809 u 24643 u jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ biex jitranġa l-pont tal-Mistra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li diġa saret spezzjoni fuq il-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant mill-periti ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport.
Fil-ġimgħat li ġejjien ser jithejja rapport tekniku minn
Structural Engineer
.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25636, u ċioe' iwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24671, 24846 u 25205 u jara li l-fetħiet li hemm fis-centre strip ta' Mtarfa bypass jingħalqu minnufih għax huma ta' periklu kbir għal kull min jgħaddi minn din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT se tagħlaq dawn il-fetħiet fis-centre strip fil-ġranet li ġejjien.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 25637, jista' l-ministru jirrispondi t-tieni parti, jiġifieri jekk il-culvert ġdid fil-bypassta' San Pawl il-Baħar hux kopert bil-permess tal-MEPA u tistax titpoġġa pjanta tal-culvertfuq il-mejda tal-Kamra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħlijiet kollha għal bini mill-ġdid tal-Bypass ta' San Pawl huma koperti bil-permess tal-MEPA numru PA 1948/2004.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm inmates fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Jista' jgħid kemm hemm minnhom li qegħdin jiskontaw piena karċerarja u kemm hemm minnhom li jinsabu taħt arrest preventiv?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-6 ta' Mejju 2007 in-numru ta' priġunieri ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' 387.
Minn dawn hemm 283 sentenzjati u 104 taħt arrest preventiv.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex il-vot kapitali tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin tnaqqas għas-sena rikorrenti?
Response (BORG, TONIO)
Il-vot kapitali tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin jiġi mfassal fuq il-bżonnijiet u l-proġġetazzjonijiet li isiru mid-dipartiment. Għaldaqstant huwa ovvju li jkun hemm varjazzjoni minn sena għal oħra.
Investiment, Industrija u Teknoloġija għall-Informazzjoni — Impjegati
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-ministeru, dipartimenti u enti oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2005-2006? Jista' jgħid f'liema grad hu kull impjegat ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija — National Research and Innovation Programme
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma d-ditti jew koordinaturi li applikaw u ġew magħżula għal national research and innovation programme ta' l-2006, amministrat mill-kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija (MCST) f'Bighi u x'kienu l-kriterji wżati biex issir l-għażla u min kien fuq il-bord ta' l-għażla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-fondi taħt il-programm tar-Riċerka u Innovazzjoni huwa proċess maqsum f’żewġ stadji (two stage evaluation process). L-ewwel stadju ta’ shortlisting ġie konkluż u lista ta’ l-applikanti kif ukoll ir-riżultat tax-shortlisting ġew ippublikati fuq is-sit elettroniku tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija f’Ottubru tas-sena 2006.
Ir-rapport tat-tieni stadju ta’ evalwazzjoni (l-istadju finali għadu mhux konkluż) huwa lest u issa ntbagħat lill-Bord tal-MCST għall-approvazzjoni tiegħu. Il-lista finali tiġi ppublikata wara li tingħata din l-approvazzjoni mill-Bord. Huwa previst li l-MCST tippubblika r-riżultat f’Marzu ta’ din is-sena.
Il-kriterji li ntużaw fl-evalwazzjoni tal-proġetti huma dawk li ġew elenkati fid-dokument ‘Research and Innovation Programme 2006 – Rules of Participation’ li ġie ppubblikat fil-25 t’Awwissu 2006 meta tħabbar il-Programm. Dawn huma:
- Livell ta’ konformità ma’ l-erba’ setturi ta’ priorità li ġew identifikati fil-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u Innovazzjoni 2006 (National Strategic Plan for Research and Innovation) 2007-2010 (1. Environment and Energy Resources, 2. ICT, 3. Value-added Manufacturing u 4. Health and Biotechnology).
- L-applikazzjoni ta’ riċerka għall-iżvilupp ta’ prodotti jew servizzi li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati.
- Kollaborazzjoni bejn kategoriji diversi ta’ stakeholders bħalma huma l-akkademja, l-industrija, entitajiet pubbliċi u Għaqdiet non Governattivi (NGOs).
- Kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ kapaċità fix-xjenza u t-teknoloġija f’Malta.
- Valur għal flus investiti (Value for money).
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma illi Aqua Biotech Innova rappreżentanta fuq l-advisory board ta' l-istess kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija mill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, u Sustech consulting rappreżentata fuq l-advisory board minn inġinier li ismu qed jintbagħat separatament, kellhom il-proġetti tagħhom magħżula?
Jista' jinvestiga l-konflitt ta' interess ta' dawn l-applikanti għall-fondi, meta dawn huma wkoll fuq l-advisory board tal-kunsill u jinvestiga għalfejn iċ-chief executive officer tal-kunsill ippermetta dan il-konflitt ta' interess meta dan kien jaf bih? Għalfejn f'laqgħa ta' informazzjoni lill-applikanti ċ-chief executive officer ma kienx jaf jirrispondi għal mistoqsijiet bażiċi dwar kif għandha timtela' l-applikazzjoni, b'hekk ħalla dubju li seta fixkel is-suċċess ta' xi wħud mill-applikazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għal fondi taħt il-programm tar-Riċerka u Innovazzjoni għadu mhux komplett.
L-Advisory Board tal-Kunsill jikkonsisti fi ’l fuq minn erbgħin rappreżentant mill-Akkademja, mill-Industrija u mis-Settur Pubbliku. Diversi minn dawn il-membri tal-Advisory Board issottomettew applikazzjoni għal fondi taħt il-Programm ta’ Riċerka u Innovazzjoni. Dawn ma kellhom ebda konflitt ta’ interess għaliex l-Advisory Board huwa Board konsultattiv fuq materja ta’ strateġija nazzjonali fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Għaldaqstant il-Bord m’għandu l-ebda poteri eżekuttivi, bl-ebda parteċipazzjoni la fit-tfassil tiegħu u wisq anqas fl-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' vannijiet u trakkijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-dekasteru u dipartimenti oħra li jaqgħu taħtu? Kemm minn dawn intilfu jew nsterqu f'dawn l-aħħar 5 snin u minn liema dipartiment jew ente?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li l-vakanza ta' chief security officerfl-EneMalta qed jintalab li persuni li japplikaw irid ikollhom esperjenza fil-managementjew inkella kors fil-management, hiex se tfisser li qed jiġu esklużi b'mod awtomatiku, dawk il-persuni li applikaw, u li filwaqt jista' m'għandhomx esperjenza fil-management, iżda għandhom esperjenza twila fil-qasam tas-sigurta'? Jekk iva, ma jidhirlux li l-mod kif ħarġet it-talba għall-applikazzjoni se toħloq diskriminazzjoni ċara bejn dawk li jistgħu jkunu eliġibbli għal din il-kariga?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li fiċ-Ċirkulari ċitata minnha, mkien ma tgħid li min m'għandux esperjenza fil-Management jew min m'għandux kors fil-Management qed jiġi skwalifikat, wisq iżjed b'mod awtomatiku.